SEJĦA GĦALL-PERSUNI IKBAR FL-ETÀ INTERESSATI LI JIKSBU ĦILIET TEATRALI

Każin 60+ se jkun proġett divertenti, kreattiv u mmexxi mir-riżultati tat-tagħlim, ibbażat fuq id-dinja tat-teatru. F’ambjent ta’ grupp,
żewġ prattikanti tat-teatru u atturi se jmexxu żewġ gruppi lejn il-kisba ta’ esperjenzi teatrali ġodda.

Se jiġu wkoll mistiedna xi tuturi għal uħud mis-sessjonijiet bl-għan li jaqsmu l-għarfien espert tagħhom fil-qasam tal-Arti u tal-Ispettaklu.

Dan il-proġett se jkun divertenti – mimli b’logħob tat-teatru, improvizzazzjonijiet, moviment, kant, qari u tagħlim possibbli ta’ xeni u testi żgħar. Dan l-ispazju kreattiv se jinqasam u se jitgawda minn persuni tal-istess fehma li ġejjin minn oqsma differenti tal-ħajja, filwaqt li jagħtihom l-opportunità jiżviluppaw il-ħbiberiji ġodda.

Minn sessjoni għal oħra, il-grupp il-ġdid ta’ atturi se jikseb kemm esperjenza kif ukoll kunfidenza, li tista’ tgħin meta wieħed ikun fuq
il-palk jew ikun qed jagħmel diskors iżda wkoll fil-ħajja ta’ kuljum tiegħu.

Bħala vantaġġ ieħor, ir-riċerka dwar ilbenesseri turi li l-kreattività, it-tagħlim ta’ ħiliet ġodda u t-teħid ta’ sfidi ġodda fis-snin aktar avvanzati jsarrfu f’sitwazzjoni ta’ benefiċċju ġenerali, u din ġiet ipprovata li għandha benefiċċji fuq livell fiżiku u psikoloġiku.

Żmien li fih għandhom jintbagħtu l-applikazzjonijiet: 22 ta’ Frar 2023, f’nofsinhar.

NIŻŻLU L-APPLIKAZZJONIJIET TAGĦKOM ILLUM

HEIDI WILEY mill-European Theatre Convention fuq Pipelines u Lupu/Nagħġa

Ilkoll nafu li l-istil ta’ ħajja Ewropew huwa bbażat fuq użu eċċessiv ta’ enerġija. Iżda kif nistgħu nagħmlu tranżizzjoni lejn stil ta’ għajxien aktar sostenibbli? U forsi xi jrid jiġi ssagrifikat biex dan jirnexxi?

Fil-European Theatre Convention (ETC), l-akbar netwerk ta’ teatri ffinanzjati mill-pubbliku fl-Ewropa, jinteressawna ħafna dawn il-“mistoqsijiet kbar”. Aħna nemmnu li t-teatru huwa wieħed mill-aktar modi eċċitanti biex nespandu u nisfidaw il-ħsieb tagħna dwar suġġetti bħad-diversità, l-innovazzjoni diġitali u s-sostenibbiltà. U b’membri f’aktar minn 30 pajjiż, għandna l-benefiċċju li nħarsu lejn il-kwistjonijiet kollha li jaffettwawna minn perspettiva Trans-Ewropea.

Għalhekk, ninsabu eċċitati ħafna dwar Pipelines, proġett ta’ kollaborazzjoni artistika internazzjonali tal-ETC. Ħames kittieba, minn ħames pajjiżi (Malta, l-Awstrija, il-Belġju, il-Lussemburgu u l-Albanija) iltaqgħu online u f’festivals tat-teatru biex jipproduċu xogħol ġdid dwar id-drama rigward il-fjuwils fossili f’pajjiżhom. It-testi huma estremament kurrenti, dokumentati tajjeb, ferrieħa, tad-daħq, empatetiċi, xi kultant irrabjati, u xi kultant irrassenjati wkoll. Kien ta’ pjaċir partikolari li naraw l-ideat ta’ Simone Schembri jikbru matul dan il-perjodu, minn fjamma żgħira ta’ ħsieb ippreżentata lit-teatri tagħna fi Spazju Kreattiv fl-2021, għal LUPU/NAGĦĠA, ix-xogħol importanti li għandkom quddiemkom. Il-kapaċità tagħha li tiġbor flimkien mistoqsijiet globali dwar iż-żejt, il-korruzzjoni, u l-ambjent fil-kuntest speċifiku ta’ Malta huwa dak li jagħmel dan ix-xogħol letterarju tassew Ewropew.  

Dejjem ittamajna li Pipelines jiċċirkola l-kliem minflok iż-żejt. Li jieħu l-enerġija mill-iskambju kulturali, mhux mill-fjuwils fossili. Ninsabu ferħanin ħafna li l-Membru tat-Teatru tal-ETC, Teatru Malta, ipparteċipa fil-proċess, u naħsbu li dan huwa eżempju tajjeb ħafna ta’ kif il-kollaborazzjoni Ewropea tista’ trawwem il-viżibilità ta’ – litteralment – kwistjonijiet jaħarqu. Awguri lil Simone, Dù Theatre, u l-kollegi stmati tagħna ta’ Teatru Malta li wasslu din il-produzzjoni lill-udjenzi fl-2023!

 

Irbaħna, Irbaħna! – Young Europe IV

Irbaħna, Irbaħna! Fost 150 applikant u finalisti f’din il-kategorija, Young Europe IV kien magħżul bħala r-rebbieħ tal-premju Ewropew Art Explora – Académie des Beaux-Arts. F’din l-inizjattiva li seħħet f’kollborazzjoni mal-European Theatre Convention, kellna lil Kurt Gabriel Meli u Alex Weenink bħala r-rappreżentattivi tagħna flimkien mal-mentor tagħhom Ruth Borg.

Young Europe IV għandu l-għan li jittrasforma l-klassijiet Ewropej f’teatri għad-durazzjoni ta’ spettaklu waqt li jinbidlu t-tip ta’ stejjer li nirrakkontaw dwar in-nies minn posizzjonijiet żvantaġġati fis-soċjetà. 

Dan il-proġett jgħaqqad 9 teatri minn 7 pajjiżi biex joħolqu l-plays flimkien għaż-żgħażagħ li jittraxxendu l-ħitan nazzjonali, kulturali u lingwistiċi. Din l-edizzjoni iffukkat fuq il-vuċijiet li mhumiex maskili u eterosesswali u bojod fil-kanun tat-Teatru Ewropew.

Kull teatru parteċipi ser ikun ħadem ma’ kittieba teatrali emerġenti li qasmu l-istejjer diversi tagħhom f’klassijiet mir-Renju Unit sa Ċipru. 

Għal aktar tagħrif dwar dan il-proġett u l-parteċipanti tagħna, żuru l-ħolqa hawn.

ID-DRAMM IL-ĠDID TA’ SIMONE SPITERI JESPLORA D-DAWL U D-DLAM.

Fis-sħana tas-sajf jew waqt xi party għaddejjin n’tuha, kulħadd Malta f’xi punt esperjenza l-elettriku jinqata’, saret parti mir-rutina tas-sena. Imma li ma jgħidulniex huwa li meta l-bozoz jintfew u l-mużika tintefa’, insibu ruħna f’posizzjoni fejn nistgħu nosservaw u nirriflettu. 

LUPU / NAGĦĠA huwa dramm ġdid bil-kitba u d-direzzjoni ta’ Simone Spiteri kkummissjonat minn Teatru Malta b’kollaborazzjoni ma’ Dù Theatre li jitfa’ dawl fuq ftit mill-aktar kwistjonijiet jaħarqu li qed jaħkmu lis-soċjetà Maltija. 

Oriġinarjament miktub għall-Proġett Pipelines tal-European Theatre Convention, LUPU/NAGĦĠA ser iseħħ fil-Valletta Campus Theatre mis-27 ta’ Jannar sal-5 ta’ Frar.  Magħmul minn 12 -il attur, dan id-dramm jgħaqqad atturi differenti biex jinterpretaw il-karattri varjati li jfasslu lill-komunitajiet Maltin f’traġedja magħmula għal żminijietna. Il-kast jinkludi lil Kristjana Casha, Joseph Paul Vella, Paul Portelli, Carlos Farrugia, Rachel Pecorella Genovese, Simone Zammit, Anthony Mizzi, Magdalena Van Kuilenburg, Franica Pulis, Robyn Vella, Steven Dalli u Jean Claude Aber. Dan l-ispettaklu wkoll ser ikollu d-disinn tas-sett minn Adrian Mamo u d-direzzjoni tal-moviment u d-disinn tad-dawl ta’ Moritz Zavan Stoeckle. 

Minkejja li dan id-dramm ser ikun bil-Malti, nies li ma jifhmux il-lingwa Maltija ser ikollhom l-opportunità li jesperjenzaw dan l-ispettaklu bis-sottotitli bl-Ingliż li ser ikunu preżenti matulu.

LUPU/ NAGĦĠA hija kummisjoni ta’ Teatru Malta għal Pipelines, proġett tal-European Theatre Convention b’kollaborazzjoni ma’ Dù Theatre, u appoġġjat mill-Kunsill Malti għall-Arti.  Din il-produzzjoni ser tkun varata bejn is-27 ta’ Jannar u l-5 ta’ Frar 2023. Għal aktar informazzjoni u biex tixtru l-biljetti tagħkom, żuru www.teatrumalta.org.

 

Lupu/Nagħġa: Tnedija ta’ Proċess minn Simone Spiteri

Kien hemm darba, kważi sena ilu, li Lupu/Nagħġa kienet ħajt ta’ sticky-notes fis-salott tiegħi fejn kittieba stressjata ħafna kienet qed tħares lejh għal sigħat twal mingħajr tmiem. Bħala parti mill-Pipelines Project ikkummissjonat mill-European Theatre Convention, jiena waħda mill-ħames drammaturgi Ewropej li qegħdin jiktbu dwar l-istess tema minn angoli differenti. Li kelli l-kollegi tiegħi viċin tiegħi għenitni mhux biss biex inżomm il-momentum u l-istamina; meta xi drabi ma kellix; iżda wkoll biex insib speċi ta’ kumdità fl-għarfien li jien ma kontx l-unika waħda li qed nissielet b’mod intensiv ma’ biċċa xogħol ikkumplikata bħal din.

Din kienet ħaġa oħra – jiena qatt ma ktibt reċta bi 12-il attur. Lanqas qatt ma ktibt reċta fejn, bi skop, l-ebda wieħed mill-karattri ma għandu isem. Kollha, minbarra wieħed, jifformaw parti minn sistema ta’ kor li tagħmel l-almu kollu tagħha li tikkuntrasta l-kontroparti Griega tagħha u tindaħal, tikmanda u tinterferixxi fl-azzjoni kemm-il darba tista’. Iżda l-identitajiet mhumiex importanti f’din ir-reċta, u dan peress li dan huwa wieħed mill-punti ċentrali li l-istorja ddur miegħu. Aħna numri biss, le? Kemm-il darba smajnieha jew għidnieha? Numru biss. Insinifikanti b’mod konvenjenti meta rridu aħna, iżda madankollu nħallu impatt b’mod kollettiv. Allura x’differenza jagħmel dan?

Milli jidher, ħafna.

U bla dubju, dan se jkun punt ċentrali ta’ diskussjoni fil-provi tagħna.

Il-casting tar-reċta kien biċċa xogħol kbira ħafna. Mhux minħabba n-nuqqas ta’ persuni b’talent li ġew għall-awdizzjonijiet jew il-persuni li kkuntattjajna. Iżda l-proċess tal-casting, almenu kif naħsibha jien, huwa simili għal riċetta kimika li tista’ tisplodi minħabba komponent ħażin jew kejl korrett. Ħafna nies jaħsbu li l-casting huwa biss biex isib attur b’talent tal-istess età meħtieġa għar-rwol. U filwaqt li dan ovjament huwa xi ħaġa kruċjali, l-isfida reali hija l-ibbilanċjar tad-dinamiżmu tal-grupp, il-fiżikalità, l-enerġija fuq il-palk, il-kimika bejn l-atturi u ovjament, l-inkwiet tal-ħajjiet moderni tagħna: id-disponibbiltà tal-ħin.

Iżda, issa qegħdin hawn, b’cast tal-ġenn, tim kreattiv u tekniku tal-ġenn u issa kollox qed jinħass li huwa bħal dawk l-ewwel ftit sekondi qabel il-bidu ta’ tellieqa li ilek tistenna għal żmien twil. Int tkun anzjuż, eċitat, ma għandekx kwiet f’ġismek u trid tisma’ dik l-isparatura tal-bidu sabiex tibda tiġri.Se tkun ġirja, maratona, se niġru bil-mod, u xi drabi se naqgħu wkoll, bla dubju. U mhux se nkunu qegħdin niġru b’mod ortodoss minn punt A sa B. Aktarx iktar se jkun itinerarju stil Pollock li ħafna mill-proċessi ta’ produzzjoni jkunu hekk. Iżda aħna nisperaw li narawk fl-udjenza fejn flimkien se nlestu t-tellieqa u naqsmu miegħek dak li aħna qegħdin inwiegħdu li se tkun biċċa xogħol intensa, eċitanti, li tipprovoka l-ħsieb, u xi ftit satarika u kemxejn li tolqot fil-laħam il-ħaj.

Dak li nispera, almenu.

Ixtru l-biljetti tagħkom għal Lupu/Nagħġa illum billi tidħlu hawn 

Ritratt: Dù Theatre

Teatru Malta Ser Ivaraw Produzzjoni Oħra Ribelluża

Wara s-suċċess ta’ Sette VII (Sette) Teatru Malta u The New Victorians se jingħaqdu għal darb’oħra f’ko-produzzjoni patrijottika u eċitanti mal-FĊN ta’ IL-FIDWA TAL-BDIEWA ta’ Ninu Cremona.

Biex infakkru l-50 sena mill-mewt ta’ dan il-ġgant letterarju Għawdxi, ser ikun ippreżentat adattament ta’  Clare Azzopardi u The New Victorians tal-ġrajja epika li kiteb Cremona f1-1913. Issa, ‘il fuq minn mitt sena wara li dan il-kittieb tant prolifiku ta l-ħajja lill-ġrajja tar-ribelljoni tal-Maltin kontra t-tiranija ser tingħata xeħta ġdida f’esperjenza awdjo-immersiva fir-Ridott ta’ Ximenes, is-Salini.

Magħmul minn kast ta’ uċuħ ġodda u anke minn dawk familjari, din l-esperjenza teatrali ser tħares lejn il-passat biex tirrifletti fuq l-istat tas-soċjetà tagħna llum billi tingħata lwien kontemporanji kemm bl-adattament tal-iskritt u l-mużika. Apparti minn hekk, dan l-ispettaklu wkoll ser ikun wieħed li huwa inkredibbilment konxju tas-sostennibiltà fil-prattika teatrali, element li jifforma parti mill-vizjoni fit-tul ta’ Teatru Malta. 

Fil-fatt, il-kustumi magħmula mill-attivista tal-moda sostenibbli Zoe Camilleri (Zowij Makes) huma kompletament maħduma b’prassi li turi kuxjenza lejn l-ambjent. L-istess prassi wkoll ser tkun preżenti fid-disinn tal-istejġ ta’ Mattea Fenech li ser jinkludi elementi naturali bħall-pjanti u l-ħxejjex korteżija ta’ Sherries Garden Centre.

Il-FIDWA TAL-BDIEWA hija ko-produzzjoni ma’ Fondazzjoni Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali, u appoġġjata mill-Kunsill Malti għall-Arti u Sherries Estates. Din il-produzzjoni ser tkun varata lil udjenza limitata bejn it-18 u s-27 ta’ Novembru. Għal aktar informazzjoni u biex tixtru l-biljetti tagħkom, żuru www.teatrumalta.org.

L-GĦARUSA TA’ GUŻÈ DIACONO FL-ARMERIJA MINN NARCY CALAMATTA

Sakemm nhar il-Ħadd attendejt għar-reċta l-GĦARUSA ta’Guż Diacono b’reġija ta’ Immanuel Mifsud kont naħseb li xogħol artistiku bħal dan mhux possibli f’Malta.

Kont naħseb li biex nara reċta ta’ dan il-kalibru jkolli insiefer.

Kont naħseb li biex nara reġija ta’ dan il-kalibru ikolli insiefer.

Kont naħseb li biex nara reċtar ta’ dan il-kalibru jkolli insiefer.

Kont naħseb li biex nara disinn tax-xena ta dan il-kalibru jkolli insiefer.

Ħalli inserraħ moħħ kulħadd. Jien hawn Malta rajt ħafna xogħol tajjeb u ta’ livell internazzjonali.  Iżda x’aktarx li kull darba noħroġ diżappuntat għaliex jekk ix-xeni ikunu tajbin, x’aktarx li r-reġija jkollha ħafna difetti.  Jekk l-atturi jkunu kollha ta’ kalibru taħt reġista tajjeb ix-xeni jhalluk b’togħma qarsa.

L-Għarusa kienet sħiħa minn kollox.  Tabilħaqq mhijiex xi opra kbira biż-żwiemel u l-iljunfanti izda fl-umiltà tagħha, fl-onesta tagħha u fl-indafa tagħha tatna siegħa artistika li ser nibqgħu niftakruha.

Illum ninsabu fl-epoka tas-suċċess u ċ-ċapċip.  Dak li jien ngħidlu, ‘Capital City Theatre’. L-aqwa li ngħidu kemm kellna nies u kemm daħħalna flus. F’dawn l-aħħar 30 sena għadni qatt ma smajt li xi ħadd tella’ xogħol teatrali u kellu fjask u tilef il-flus.  Ħadd ma jesperimenta u jissogra ħalli jesprimu ruħu b’xi ħaġa ġdida. X’aktarx li naraw xi ħaġa barra minn Malta u nagħmluil-brutta copia tagħha hawnhekk, talli aħna. 

L-GĦARUSA li rajna jaqa’ taħt il-kategorija ta’ underground theatre mhux tax-xinxilli. Din l-opra daħlitna f’kunvent tas-sorijiet li ma jħallix ħila li minn barra tara x’hemm ġewwa.  Fil-bidu bis-skiet assolut u b’dawl abjad jgħammex ma jirnexxilekx tara x’hemm wara ħafna purtieri tat-tull imdendlin mill-art sas-saqaf.  Aktar ma nibdew nisimgħu lis-soru, li għazlet  tilbes l-abjad għall-imhabba miċ huda, iktar inħossu li mhux kollox safi u qaddis f’dan il-post eżaltat.  Tuteppi, dak l“l-iblah tar-rahal”, huwa l-uniku raġel li jidħol hemm u n-natura  tiegħu iġieghlu iqanqal ħafna mistoqsijiet.

Ftit ftit il-purtieri tat-toole jitwarrbu waħda waħda u nibdew naraw iktar ċar. Nintebħu li is-sorijiet li libsin l-abjad safi wkoll għandhom xewqat li ma jixirqux f’inħawi imqaddsa.  

Diacono ried jikxef xi ftit dak li kien qed isir fi żmienu, meta x-xbejbiet kienu jiġu sfurzati jaħilfu li jibqgħu magħluqin fi blokka silġ għomorhom kollu.

Mifsud ir-reġista irnexxielu jislet tiżwiq mill-ilħna tal-atturi li jgħinuk tifhem xi jkun il-mistiku mingħajr ma jgerrxek ‘il barra. Mifsud kiteb fil-programm li kienet din il-kwalità  li ġiegħlitu jidderieġi din ir-rċcta għaliex tagħti lok għal ħafna esperimentazzjoni. Mhux ta’ kemm tgħid li turi l-erotiżmu bla ma turieh f’għamla li tqażżek.  Diacono kien qal li kien ispirat minn L-Għanja tal-Għanjiet ta’ l-Gharef Salmun iżda żamm kollox f’għabex ta’ dawl li jagħmik.  Stħajjilt li Austin Camilleri id-disinjatur kien ispirat miż-żifna tas-seba’ velijiet ta’ Salomé. 

L-erbgħa atturi kollha ikkonvinċuni.  Iżda kien hemm waħda li għamlet il-parti ta’ Sor Wistina, li lili seħritni. Għidt f’qalbi din kif ma nafiex jien? Iżda kif kixfet rasha fl-aħħar, meta neżat il-ħwejjeg ta’ soru, intbaħt li kienet Marceline Galea li gieli kelli x-xorti naħdem maghha. Bravi lkoll. 

Iżda fl-ahhar sibt iz-żbiba. Kif ma żasbuhiex li nibqghu ghall-kwarta ohra halli naghmlulhom xi ftit mistoqsijiet. Inheggeg lil TEATRU MALTA biex jaghtuna hafna izjed xoghol artistiku ta’ dan il-kalibru.

 

ID-DRAMM KONTROVERSJALI L-GĦARUSA TA’ ĠUŻÉ DIACONO JITTELLA’ MILL-ĠDID

Dan l-aħħar ilna nisimgħu bl-għarajjes; bejn is-serji fuq it-televiżjoni u t-tiġijiet li seħħu b’abundanza liema bħala dan is-Sajf. Issa, għall-Halloween, għall-ewwel darba mill-1987,il-kumpanija nazzjonali tat-teatru, Teatru Malta, ser tkun qed ittellà produzzjoni ġdida ta’ L-Għarusa, dramm mistiku miktub minn Ġużé Diacono (Il-Madonna taċ-Ċoqqa, L-Ewwel Jien, Erwieħ Marbuta) li hu wieħed fost il-lista twila mix-xogħlijiet tiegħu li qanqlu kontroversja f’Malta.

Biex niċċelebraw il-mitt sena minn twelidu u infakkru 20 sena minn mewtu, fl-istaġun  tal-Halloween ta’ din is-sena, L-Għarusa ser tittella’ mill-ġdid fil-kuruturi storiċi tal-Armerija, il-Birgu. Bid-direzzjoni tal-poeta u ħassieb Immanuel Mifsud u bid-disinn tas-sett mill-artist kontemporanju Malti, Austin Camilleri, din il-produzzjoni ta’ dan il-ġojjell tal-Istorja teatrali Maltija ser tieħu xeħta differenti mir-rappreżentazzjoni oriġinali tal-play. 

B’Marceline Galea fil-parti ewlenija ta’ Sor Wistina,  din il-verżjoni ta’ L-Għarusa li ser isseħħ bejn il-21 u 31 ta’ Ottubru għal udjenza limitata, hija preżentazzjoni teatrali li ġġegħlek taħseb darbtejn bejn dak li qiegħed jintwera quddiemek u dak li verament huwa minnhu. Sor Wistina forsi tidher qisha kull soru-għarusa li normalment naraw madwar pajjiżna, imma propjament qed taħbi sigriet;  wara li titlef lill-maħbub tagħha u tieħu l-wegħda sagra tal-għarusa u ssir soru, taqa’ f’ngħassa ta’ delużjonijiet u tibda tfixkel l-għerusija romantika li darba kellha mal-maħbub tagħha li traġikament għereq quddiem għajnejha mar-relazzjoni tagħha ma’ Ġesù Kristu. 

Dan id-dramm li ilu ma jittella’ fuq palk ‘il fuq minn tletin sena ser jgħaqqad uċuħ pjuttost ġodda fix-xena teatrali ma’ artisti li aħna lkoll sirna familjari magħhom lejn l-aħħar ta’ dax-xahar. F’dan fl-istaġun tal-Halloween ingħaqad magħna. Aqta’ l-biljetti tiegħek minn hawn. 

Dan il-proġett huwa f’ko-produzzjoni ma’ Heritage Malta u appoġġjat mill-Fondazzjoni Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali u l-Kunsill Malti għall-Arti

WARA MA KURAĠĠ minn Narcy Calamatta

Wara li rajt MA KURAĠĠ U WLIEDHA fit-Teatru Manoel bqajt b’xi ftit mistoqsijiet, iżda ħriġt b’ħafna tweġibiet.  Sewwa jew le, li din il-kummiedja ta’ Bertolt Brecht (traduzzjoni mexxejja ta’ Loranne Vella) saret issa f’das-sajf? 

Meta tqis f’liema stadju waslet il-gwerra kontra l-Ukrajna tħoss li issa l-waqt li twissi lin-nies.  Donnu l-aħbarijiet ma għadhomx jgħaġġbuna iżjed.  Miljuni ta’ dollari, mijiet ta’ eluf ta’ armamenti u munizzjon, jaħbu l-għadd ta’ 20 ruħ maqtula kuljum, nofshom tfal.  Il-Media jwasslulna d-dettalji iżda mhux il-messaġġ.

Kif kien jgħid Strinberg, it-TEATRU hu BIBLIA PAUPERUM, il-bibbja tal-fqar.  Jekk tħaddmu tajjeb it-teatru jaf jgħallmek taħseb u tgħarbel il-fatti u toħroġ tagħlima minnhom.

Brecht jinżel ukoll fid-dettall f’Ma Kuraġġ. Għandu vina fl-istorja li tikxef kif il-laħam huwa sustanza ewlenija fil-ħsieb tas-sopravivenza. Is-suldat eroj jidħaq bil-patrijiet biex jisirqilhom merħla ħnieżer. Il-prezz tal-laħam tiela’ u nieżel skont meta jkun hemm il-paċi jew il-ġlied.  Il-black market ta’ laħam skadut u l-effett fuq dawk li jikluh, narawh ċar qisu fuq platt.

Biex jitmexxa dan is-suq kiefer, Brecht ħoloq lil Ma Kuraġġ li l-imħabba għal uliedha tgħattilha l-qilla tal-ħruxija tagħha kontra l-bnedmin kollha.  Tiħbieb ma’ kulħadd biex tisfruttahom għall-għanijiet tagħha. Josette Ciappara, bħala Ma Kuraġġ, għamlet monument lil Brecht. Victor Debono bħala l-Biċċier daħaq bija għaliex ma għaraftux.  Kien jitwemmen li hu biċċier kif iqaxqax il-ġilda tar-robbu u b’leħen żorr li ma tobsrux mingħand Victor, li hu bniedem tant ġentili fil-ħajja. Dawn iż-żewġ atturi ġġustifikaw din il-produzzjoni bil-konsistenza tagħhom mill-bidu sal-aħħar.

Mistoqsija li baqgħet tredden hi, ‘Tajjeb jew le li jsiru dawn il-kummiedji socjali f’teatru mibni mill-borgezija għall-borgezija? Aħjar jew le kieku saret ġo piċċ tal-boċċi?

L-Użu tal-amplifikazzjoni tal-ilħna żied jew naqqas fil-kwalità tal-interpretazzjoni? Id-dawl ħalla wisq irqajja’ fid-dlam u ġara li min jinqabad bla dawl fuqu u jitkellem ma tkunx taf mnejn ġej il-leħen għaliex il-loud speakers joħorġu l-ilħna kollha minn apparat wieħed. 

Għalija l-aqwa li saret. Niżżi ħajr lil min qatagħha li jieħu s-sogru li jtella’ opra siewja bħal din. Faċli tiftiehem għaliex qiegħda tkellem lin-nies ta’ ruħ tajba bħalna. Wara li naraw din il-produzzjoni jkollna ċ-ċavetta biex nibdew napprezzaw id-dettalji tal-aħbarijiet aħjar.

Nistgħu ngħidu li kulltant it-teatru Malti jtina xi ħaġa li nibqgħu niftakru għal żmien wara li nkunu rajnieha. 

 

BIDU ĠDID GĦAL TEATRU MALTA ĠEWWA L-MCAST

Teatru Malta jniedu l-aħħar programm tal-istaġun tal-ħarifa/tax-xitwa filwaqt li jiċċelebra bidu ġdid eċitanti MCAST.  Dan huwa l-ewwel programm tal-kumpanija “mingħajr restrizzjonijiet” wara diversi xhur u jinħass bħallikieku l-artisti u t-timijiet li qed jaħdmu fuqu reġgħu qed jieħdu n-nifs.  Dan l-istaġun se jiftaħ bir-ritorn antiċipat ferm ta ‘Immanuel Mifsud bħala d-direttur għall-produzzjoni ta’ Ottubru “L-Għarusa”, li hija r-reċta b’att wieħed ta’ Ġużè Diacono fejn fiha se tkun qed taħdem Marceline Galea. Din ir-reċta se tittella’ fl-Armerija tal-Kavallieri l-Birgu, bħala kommemorazzjoni tal-110 sena minn għeluq snin Diacono u l-20 anniversarju minn mewtu.

Bl-istess mod, il-produzzjoni ta’ Novembru Il-Fidwa tal-Bdiewa, komposta u diretta minn The New Victorians fi produzzjoni konġunta ma’ FCN, hija adattament kollaborattiv fdat f’idejn The New Victorians u Clare Azzopardi, bħala kommemorazzjoni tal-50 anniversarju mill-mewt ta’ Cremona. Din l-immaġinazzjoni mill-ġdid tax-xogħol klassiku Malti prestiġjuż mill-istess persuni li wasslulna VII twiegħed li tkun produzzjoni awdjoteatrali multidixxiplinarja li żżomm lil dak li jkun imwaħħal f’postu. Din hija ddisinjata li toħroġlok ħafna adrenalina, u hija ambjentata b’mużika diretta ppreżentata minn ensemble ta’ artisti inkluż Jacob Piccinino, Matthias Camilleri u Lee-N Abela, biex insemmu xi ftit, fix-Ximenes Redoubt, in-Naxxar. 

Lupu/Nagħġa, ir-reċta l-iktar riċenti ta’ Simone Spiteri, u l-ewwel produzzjoni konġunta ta’ Teatru Malta ma’ Du’ Theatre, ilha xhur tiġi rriċerkata u żviluppata, filwaqt li bdiet tevolvi bil-mod iżda b’ċertezza fi produzzjoni sħiħa li mistennija tittella’ fuq il-palk f’Jannar li ġej fil-Campus Theatre, il-Belt Valletta. Din il-produzzjoni oriġinarjament ġiet ikkummissjonata mill-Konvenzjoni tat-Teatru Ewropew bħala parti mill-proġett Pipelines, u dan l-ispettaklu jwiegħed li jintriga u jqanqal il-kurżità tiegħek bħal dawl jiċċaqlaq fl-iktar lejl iswed. Il-Festival tat-Teatru għaż-Żgħażagħ Trikki Trakki jirritorna wkoll għas-sitt sena konsekuttiva tiegħu taħt id-direzzjoni tad-Direttur tal-Festival Antonella Axisa f’MSpace. 

Kif żvela dan l-iffirmar ta’ MOU, Teatru Malta jinsab fil-proċess li jiċċaqlaq għalkollox lejn il-campus ta’ MCAST f’Paola. MCAST, li huwa kburi li huwa l-istituzzjoni mexxejja fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali fil-pajjiż, huwa inċentivat minn ethos multidixxiplinarju simili li jaqbel ma’ dak tal-kumpanija teatrali nazzjonali, fejn fil-bini ta’ MCAST, Teatru Malta għandu l-għan li jkompli jevolvi, u joffri ferm iktar opportunitajiet, mhux biss lill-artisti kollaborattivi tagħna, iżda wkoll lill-istudenti tal-MCAST. 

Din ir-relazzjoni hija simbjotika ferm, hekk kif Teatru Malta issa jista’ jistabbilixxi ruħu fil-campus ta’ Paola, juża l-kmamar tal-provi u t-teatru mgħammra sew ta’ MCAST, kif ukoll iħeġġeġ lil studenti żgħażagħ ispirati jingħaqdu miegħu fil-proġetti li dejjem qed jiġu żviluppati. X’se jkunu qed jagħmlu dawn l-istudenti? Ovvjament se jkunu qed jitgħallmu, u sadanittant se jkunu qed jikkontribwixxu għall-ekosistema tat-teatru ma’ kull produzzjoni, fejn se jingħataw l-opportunità li jiksbu esperjenza prattika billi jaħdmu ma’ esperti lokali fil-qasam tat-teatru. Dawn se jvarjaw bejn il-bini tax-xeni, id-disinn tal-kostumi, id-disinn tad-dwal u ħafna iktar. Ninsabu ħerqana biex inkomplu nikbru u nitgħallmu flimkien, ma’ kull proġett. 

Il-possibbiltajiet huma verament bla tmiem, u l-futur jidher sabiħ ferm. Se tingħaqad magħna?