L-GĦARUSA TA’ GUŻÈ DIACONO FL-ARMERIJA MINN NARCY CALAMATTA
Sakemm nhar il-Ħadd attendejt għar-reċta l-GĦARUSA ta’Guż Diacono b’reġija ta’ Immanuel Mifsud kont naħseb li xogħol artistiku bħal dan mhux possibli f’Malta.
Kont naħseb li biex nara reċta ta’ dan il-kalibru jkolli insiefer.
Kont naħseb li biex nara reġija ta’ dan il-kalibru ikolli insiefer.
Kont naħseb li biex nara reċtar ta’ dan il-kalibru jkolli insiefer.
Kont naħseb li biex nara disinn tax-xena ta dan il-kalibru jkolli insiefer.
Ħalli inserraħ moħħ kulħadd. Jien hawn Malta rajt ħafna xogħol tajjeb u ta’ livell internazzjonali. Iżda x’aktarx li kull darba noħroġ diżappuntat għaliex jekk ix-xeni ikunu tajbin, x’aktarx li r-reġija jkollha ħafna difetti. Jekk l-atturi jkunu kollha ta’ kalibru taħt reġista tajjeb ix-xeni jhalluk b’togħma qarsa.
L-Għarusa kienet sħiħa minn kollox. Tabilħaqq mhijiex xi opra kbira biż-żwiemel u l-iljunfanti izda fl-umiltà tagħha, fl-onesta tagħha u fl-indafa tagħha tatna siegħa artistika li ser nibqgħu niftakruha.
Illum ninsabu fl-epoka tas-suċċess u ċ-ċapċip. Dak li jien ngħidlu, ‘Capital City Theatre’. L-aqwa li ngħidu kemm kellna nies u kemm daħħalna flus. F’dawn l-aħħar 30 sena għadni qatt ma smajt li xi ħadd tella’ xogħol teatrali u kellu fjask u tilef il-flus. Ħadd ma jesperimenta u jissogra ħalli jesprimu ruħu b’xi ħaġa ġdida. X’aktarx li naraw xi ħaġa barra minn Malta u nagħmluil-brutta copia tagħha hawnhekk, talli aħna.
L-GĦARUSA li rajna jaqa’ taħt il-kategorija ta’ underground theatre mhux tax-xinxilli. Din l-opra daħlitna f’kunvent tas-sorijiet li ma jħallix ħila li minn barra tara x’hemm ġewwa. Fil-bidu bis-skiet assolut u b’dawl abjad jgħammex ma jirnexxilekx tara x’hemm wara ħafna purtieri tat-tull imdendlin mill-art sas-saqaf. Aktar ma nibdew nisimgħu lis-soru, li għazlet tilbes l-abjad għall-imhabba miċ huda, iktar inħossu li mhux kollox safi u qaddis f’dan il-post eżaltat. Tuteppi, dak l“l-iblah tar-rahal”, huwa l-uniku raġel li jidħol hemm u n-natura tiegħu iġieghlu iqanqal ħafna mistoqsijiet.
Ftit ftit il-purtieri tat-toole jitwarrbu waħda waħda u nibdew naraw iktar ċar. Nintebħu li is-sorijiet li libsin l-abjad safi wkoll għandhom xewqat li ma jixirqux f’inħawi imqaddsa.
Diacono ried jikxef xi ftit dak li kien qed isir fi żmienu, meta x-xbejbiet kienu jiġu sfurzati jaħilfu li jibqgħu magħluqin fi blokka silġ għomorhom kollu.
Mifsud ir-reġista irnexxielu jislet tiżwiq mill-ilħna tal-atturi li jgħinuk tifhem xi jkun il-mistiku mingħajr ma jgerrxek ‘il barra. Mifsud kiteb fil-programm li kienet din il-kwalità li ġiegħlitu jidderieġi din ir-rċcta għaliex tagħti lok għal ħafna esperimentazzjoni. Mhux ta’ kemm tgħid li turi l-erotiżmu bla ma turieh f’għamla li tqażżek. Diacono kien qal li kien ispirat minn L-Għanja tal-Għanjiet ta’ l-Gharef Salmun iżda żamm kollox f’għabex ta’ dawl li jagħmik. Stħajjilt li Austin Camilleri id-disinjatur kien ispirat miż-żifna tas-seba’ velijiet ta’ Salomé.
L-erbgħa atturi kollha ikkonvinċuni. Iżda kien hemm waħda li għamlet il-parti ta’ Sor Wistina, li lili seħritni. Għidt f’qalbi din kif ma nafiex jien? Iżda kif kixfet rasha fl-aħħar, meta neżat il-ħwejjeg ta’ soru, intbaħt li kienet Marceline Galea li gieli kelli x-xorti naħdem maghha. Bravi lkoll.
Iżda fl-ahhar sibt iz-żbiba. Kif ma żasbuhiex li nibqghu ghall-kwarta ohra halli naghmlulhom xi ftit mistoqsijiet. Inheggeg lil TEATRU MALTA biex jaghtuna hafna izjed xoghol artistiku ta’ dan il-kalibru.