ID-DRAMM KONTROVERSJALI L-GĦARUSA TA’ ĠUŻÉ DIACONO JITTELLA’ MILL-ĠDID

Dan l-aħħar ilna nisimgħu bl-għarajjes; bejn is-serji fuq it-televiżjoni u t-tiġijiet li seħħu b’abundanza liema bħala dan is-Sajf. Issa, għall-Halloween, għall-ewwel darba mill-1987,il-kumpanija nazzjonali tat-teatru, Teatru Malta, ser tkun qed ittellà produzzjoni ġdida ta’ L-Għarusa, dramm mistiku miktub minn Ġużé Diacono (Il-Madonna taċ-Ċoqqa, L-Ewwel Jien, Erwieħ Marbuta) li hu wieħed fost il-lista twila mix-xogħlijiet tiegħu li qanqlu kontroversja f’Malta.

Biex niċċelebraw il-mitt sena minn twelidu u infakkru 20 sena minn mewtu, fl-istaġun  tal-Halloween ta’ din is-sena, L-Għarusa ser tittella’ mill-ġdid fil-kuruturi storiċi tal-Armerija, il-Birgu. Bid-direzzjoni tal-poeta u ħassieb Immanuel Mifsud u bid-disinn tas-sett mill-artist kontemporanju Malti, Austin Camilleri, din il-produzzjoni ta’ dan il-ġojjell tal-Istorja teatrali Maltija ser tieħu xeħta differenti mir-rappreżentazzjoni oriġinali tal-play. 

B’Marceline Galea fil-parti ewlenija ta’ Sor Wistina,  din il-verżjoni ta’ L-Għarusa li ser isseħħ bejn il-21 u 31 ta’ Ottubru għal udjenza limitata, hija preżentazzjoni teatrali li ġġegħlek taħseb darbtejn bejn dak li qiegħed jintwera quddiemek u dak li verament huwa minnhu. Sor Wistina forsi tidher qisha kull soru-għarusa li normalment naraw madwar pajjiżna, imma propjament qed taħbi sigriet;  wara li titlef lill-maħbub tagħha u tieħu l-wegħda sagra tal-għarusa u ssir soru, taqa’ f’ngħassa ta’ delużjonijiet u tibda tfixkel l-għerusija romantika li darba kellha mal-maħbub tagħha li traġikament għereq quddiem għajnejha mar-relazzjoni tagħha ma’ Ġesù Kristu. 

Dan id-dramm li ilu ma jittella’ fuq palk ‘il fuq minn tletin sena ser jgħaqqad uċuħ pjuttost ġodda fix-xena teatrali ma’ artisti li aħna lkoll sirna familjari magħhom lejn l-aħħar ta’ dax-xahar. F’dan fl-istaġun tal-Halloween ingħaqad magħna. Aqta’ l-biljetti tiegħek minn hawn. 

Dan il-proġett huwa f’ko-produzzjoni ma’ Heritage Malta u appoġġjat mill-Fondazzjoni Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali u l-Kunsill Malti għall-Arti