Teatru Malta Ser Ivaraw Produzzjoni Oħra Ribelluża
Wara s-suċċess ta’ Sette VII (Sette) Teatru Malta u The New Victorians se jingħaqdu għal darb’oħra f’ko-produzzjoni patrijottika u eċitanti mal-FĊN ta’ IL-FIDWA TAL-BDIEWA ta’ Ninu Cremona.
Biex infakkru l-50 sena mill-mewt ta’ dan il-ġgant letterarju Għawdxi, ser ikun ippreżentat adattament ta’ Clare Azzopardi u The New Victorians tal-ġrajja epika li kiteb Cremona f1-1913. Issa, ‘il fuq minn mitt sena wara li dan il-kittieb tant prolifiku ta l-ħajja lill-ġrajja tar-ribelljoni tal-Maltin kontra t-tiranija ser tingħata xeħta ġdida f’esperjenza awdjo-immersiva fir-Ridott ta’ Ximenes, is-Salini.
Magħmul minn kast ta’ uċuħ ġodda u anke minn dawk familjari, din l-esperjenza teatrali ser tħares lejn il-passat biex tirrifletti fuq l-istat tas-soċjetà tagħna llum billi tingħata lwien kontemporanji kemm bl-adattament tal-iskritt u l-mużika. Apparti minn hekk, dan l-ispettaklu wkoll ser ikun wieħed li huwa inkredibbilment konxju tas-sostennibiltà fil-prattika teatrali, element li jifforma parti mill-vizjoni fit-tul ta’ Teatru Malta.
Fil-fatt, il-kustumi magħmula mill-attivista tal-moda sostenibbli Zoe Camilleri (Zowij Makes) huma kompletament maħduma b’prassi li turi kuxjenza lejn l-ambjent. L-istess prassi wkoll ser tkun preżenti fid-disinn tal-istejġ ta’ Mattea Fenech li ser jinkludi elementi naturali bħall-pjanti u l-ħxejjex korteżija ta’ Sherries Garden Centre.
Il-FIDWA TAL-BDIEWA hija ko-produzzjoni ma’ Fondazzjoni Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali, u appoġġjata mill-Kunsill Malti għall-Arti u Sherries Estates. Din il-produzzjoni ser tkun varata lil udjenza limitata bejn it-18 u s-27 ta’ Novembru. Għal aktar informazzjoni u biex tixtru l-biljetti tagħkom, żuru www.teatrumalta.org.