Teatru Malta Tours
ALICE IN WONDERLESS LAND
Alice fl-Art bla Meravilji huwa pakkett ta’ teatru DIY, magħmul waqt il-pandemija tal-Covid-19. Iżda mhux biss—din id-darba, l-udjenzi se joħolqu t-teatru b’kollaborazzjoni magħna.
Maħsub biex iwassal il-messaġġ li s-soċjetà taħdem fuq prinċipji patrijarkali u b’ħafna modi tittratta lin-nisa bħala oġġetti, dan il-proġett huwa bbażat fuq test ta’ Franca Rame u Dario Fo li kien ispirat mill-istorja ta’ Alice’s Adventures in Wonderland.
L-esperjenza tad-DIY ġiet maħsuba b’tali mod li kull parteċipant ikun provdut bl-għodda u l-istruzzjonjiet biex ikun parti mill-ispettaklu. L-istruzzjonijiet ipprovduti huma ispirati minn biċċiet tal-għamara DIY u shadow puppetry. Fi kliem sempliċi, m'intomx qed tagħmlu l-ispettaklu tiegħkom waħedkom, aħna qed nagħmlu spettaklu flimkien.
ILĦNA MITLUFA
Ilħna Mitlufa hi ċelebrazzjoni tat-tradizzjoni Maltija tal-għana, espressjoni vokali li ntirtet mill-art li qabel konna tant marbutin magħha. Hu vjaġġ mużikali fit-tfittxija tal-leħen li xi darba kellna, użat minn dawk li ġew qabilna biex jesprimu l-biżgħat kif ukoll l-aspirazzjonijiet ta’ kuljum.
Storja antika, minsuġa minn kantanti passati u preżenti u rrakkuntata f’poeżija—imlissna, miktuba u rrekordjata—fejn l-għannej, bħala l-poeta, l-kummidjant, ir-rakkuntatur, jgħanni f’isimna u f’isem dawk li tilfu leħinhom biex b’hekk tiġġedded it-tradizzjoni mhux miksura; li nkunu flimkien fil- għana. Storja li iġġiegħlkom tfittxu leħinkom, meta l-kliem ma jkunux biżżejjed.
Min Hi? (Who is She?)
Spettaklu teatrali solista li jinkludi l-attriċi Lee-N Abela fi rwoli diversi ta’ karattri femminili differenti li ġejjin mill-mitoloġija, il-Bibbja u l-letteratura. Kull waħda mis-sitt xeni tieħu l-forma ta installazzjoni tal-arti taħt il-kurazzjoni tad-direttur u l-kompożitur Ruben Zahra, fejn stejjer mhux daqstant sbieħ viżwalment u estetikament jieħdu xejra artistika.
NASSABA: SONG OF A BIRD JIMMY GRIMA
F'Nassaba: Song Of A Bird, Jimmy Grima jsegwi lil missieru, li huwa nassab għall-għasafar, lejn l-għelieqi kif kien jagħmel meta kien tifel, imma din id-darba bil-kamera. F’inqas minn siegħa, Jimmy jiddokumenta u jiżvela d-dinja, is-sentimenti u l-arti ta’ missieru u sħabu li jafu jsaffru u jsejħu bħall-għasafar tal-għana.
Nassaba: Song of a Bird ta’ Jimmy Grima/the rubberbodies collective (MT/NL), prodotta minn the rubberbodies collective b’kollaborazzjoni ma’ Teatru Malta, għadha kemm spiċċat tour fl-Olanda u l-Isvizzera matul is-sajf! Ma nistgħux inkunu aktar kuntenti li se nġibu dan il-proġett lura f’daru fl-Istitut Kattoliku fil-Furjana, is-Sibt 30 ta’ Ottubru.