WARA MA KURAĠĠ minn Narcy Calamatta
Wara li rajt MA KURAĠĠ U WLIEDHA fit-Teatru Manoel bqajt b’xi ftit mistoqsijiet, iżda ħriġt b’ħafna tweġibiet. Sewwa jew le, li din il-kummiedja ta’ Bertolt Brecht (traduzzjoni mexxejja ta’ Loranne Vella) saret issa f’das-sajf?
Meta tqis f’liema stadju waslet il-gwerra kontra l-Ukrajna tħoss li issa l-waqt li twissi lin-nies. Donnu l-aħbarijiet ma għadhomx jgħaġġbuna iżjed. Miljuni ta’ dollari, mijiet ta’ eluf ta’ armamenti u munizzjon, jaħbu l-għadd ta’ 20 ruħ maqtula kuljum, nofshom tfal. Il-Media jwasslulna d-dettalji iżda mhux il-messaġġ.
Kif kien jgħid Strinberg, it-TEATRU hu BIBLIA PAUPERUM, il-bibbja tal-fqar. Jekk tħaddmu tajjeb it-teatru jaf jgħallmek taħseb u tgħarbel il-fatti u toħroġ tagħlima minnhom.
Brecht jinżel ukoll fid-dettall f’Ma Kuraġġ. Għandu vina fl-istorja li tikxef kif il-laħam huwa sustanza ewlenija fil-ħsieb tas-sopravivenza. Is-suldat eroj jidħaq bil-patrijiet biex jisirqilhom merħla ħnieżer. Il-prezz tal-laħam tiela’ u nieżel skont meta jkun hemm il-paċi jew il-ġlied. Il-black market ta’ laħam skadut u l-effett fuq dawk li jikluh, narawh ċar qisu fuq platt.
Biex jitmexxa dan is-suq kiefer, Brecht ħoloq lil Ma Kuraġġ li l-imħabba għal uliedha tgħattilha l-qilla tal-ħruxija tagħha kontra l-bnedmin kollha. Tiħbieb ma’ kulħadd biex tisfruttahom għall-għanijiet tagħha. Josette Ciappara, bħala Ma Kuraġġ, għamlet monument lil Brecht. Victor Debono bħala l-Biċċier daħaq bija għaliex ma għaraftux. Kien jitwemmen li hu biċċier kif iqaxqax il-ġilda tar-robbu u b’leħen żorr li ma tobsrux mingħand Victor, li hu bniedem tant ġentili fil-ħajja. Dawn iż-żewġ atturi ġġustifikaw din il-produzzjoni bil-konsistenza tagħhom mill-bidu sal-aħħar.
Mistoqsija li baqgħet tredden hi, ‘Tajjeb jew le li jsiru dawn il-kummiedji socjali f’teatru mibni mill-borgezija għall-borgezija? Aħjar jew le kieku saret ġo piċċ tal-boċċi?
L-Użu tal-amplifikazzjoni tal-ilħna żied jew naqqas fil-kwalità tal-interpretazzjoni? Id-dawl ħalla wisq irqajja’ fid-dlam u ġara li min jinqabad bla dawl fuqu u jitkellem ma tkunx taf mnejn ġej il-leħen għaliex il-loud speakers joħorġu l-ilħna kollha minn apparat wieħed.
Għalija l-aqwa li saret. Niżżi ħajr lil min qatagħha li jieħu s-sogru li jtella’ opra siewja bħal din. Faċli tiftiehem għaliex qiegħda tkellem lin-nies ta’ ruħ tajba bħalna. Wara li naraw din il-produzzjoni jkollna ċ-ċavetta biex nibdew napprezzaw id-dettalji tal-aħbarijiet aħjar.
Nistgħu ngħidu li kulltant it-teatru Malti jtina xi ħaġa li nibqgħu niftakru għal żmien wara li nkunu rajnieha.