Lupu/Nagħġa: Tnedija ta’ Proċess minn Simone Spiteri

Kien hemm darba, kważi sena ilu, li Lupu/Nagħġa kienet ħajt ta’ sticky-notes fis-salott tiegħi fejn kittieba stressjata ħafna kienet qed tħares lejh għal sigħat twal mingħajr tmiem. Bħala parti mill-Pipelines Project ikkummissjonat mill-European Theatre Convention, jiena waħda mill-ħames drammaturgi Ewropej li qegħdin jiktbu dwar l-istess tema minn angoli differenti. Li kelli l-kollegi tiegħi viċin tiegħi għenitni mhux biss biex inżomm il-momentum u l-istamina; meta xi drabi ma kellix; iżda wkoll biex insib speċi ta’ kumdità fl-għarfien li jien ma kontx l-unika waħda li qed nissielet b’mod intensiv ma’ biċċa xogħol ikkumplikata bħal din.

Din kienet ħaġa oħra – jiena qatt ma ktibt reċta bi 12-il attur. Lanqas qatt ma ktibt reċta fejn, bi skop, l-ebda wieħed mill-karattri ma għandu isem. Kollha, minbarra wieħed, jifformaw parti minn sistema ta’ kor li tagħmel l-almu kollu tagħha li tikkuntrasta l-kontroparti Griega tagħha u tindaħal, tikmanda u tinterferixxi fl-azzjoni kemm-il darba tista’. Iżda l-identitajiet mhumiex importanti f’din ir-reċta, u dan peress li dan huwa wieħed mill-punti ċentrali li l-istorja ddur miegħu. Aħna numri biss, le? Kemm-il darba smajnieha jew għidnieha? Numru biss. Insinifikanti b’mod konvenjenti meta rridu aħna, iżda madankollu nħallu impatt b’mod kollettiv. Allura x’differenza jagħmel dan?

Milli jidher, ħafna.

U bla dubju, dan se jkun punt ċentrali ta’ diskussjoni fil-provi tagħna.

Il-casting tar-reċta kien biċċa xogħol kbira ħafna. Mhux minħabba n-nuqqas ta’ persuni b’talent li ġew għall-awdizzjonijiet jew il-persuni li kkuntattjajna. Iżda l-proċess tal-casting, almenu kif naħsibha jien, huwa simili għal riċetta kimika li tista’ tisplodi minħabba komponent ħażin jew kejl korrett. Ħafna nies jaħsbu li l-casting huwa biss biex isib attur b’talent tal-istess età meħtieġa għar-rwol. U filwaqt li dan ovjament huwa xi ħaġa kruċjali, l-isfida reali hija l-ibbilanċjar tad-dinamiżmu tal-grupp, il-fiżikalità, l-enerġija fuq il-palk, il-kimika bejn l-atturi u ovjament, l-inkwiet tal-ħajjiet moderni tagħna: id-disponibbiltà tal-ħin.

Iżda, issa qegħdin hawn, b’cast tal-ġenn, tim kreattiv u tekniku tal-ġenn u issa kollox qed jinħass li huwa bħal dawk l-ewwel ftit sekondi qabel il-bidu ta’ tellieqa li ilek tistenna għal żmien twil. Int tkun anzjuż, eċitat, ma għandekx kwiet f’ġismek u trid tisma’ dik l-isparatura tal-bidu sabiex tibda tiġri.Se tkun ġirja, maratona, se niġru bil-mod, u xi drabi se naqgħu wkoll, bla dubju. U mhux se nkunu qegħdin niġru b’mod ortodoss minn punt A sa B. Aktarx iktar se jkun itinerarju stil Pollock li ħafna mill-proċessi ta’ produzzjoni jkunu hekk. Iżda aħna nisperaw li narawk fl-udjenza fejn flimkien se nlestu t-tellieqa u naqsmu miegħek dak li aħna qegħdin inwiegħdu li se tkun biċċa xogħol intensa, eċitanti, li tipprovoka l-ħsieb, u xi ftit satarika u kemxejn li tolqot fil-laħam il-ħaj.

Dak li nispera, almenu.

Ixtru l-biljetti tagħkom għal Lupu/Nagħġa illum billi tidħlu hawn 

Ritratt: Dù Theatre