PETER GALEA JAGĦMILHA TAL-LEĠĠENDA TAL-ISNOOKER TONY DRAGO FI DRAMM ĠDID

L-istorja ta’ kif il-leġġenda tal-isnooker Tony Drago kiseb fama internazzjonali hija waħda li kollha smajna biha.

Magħruf għal kemm taqbiżlu malajr u għall-aġilità tiegħu madwar il-mejda tal-isnooker, biż-żewġ karatteristiċi jsiru sinonimi miegħu daqs l-ilbies li kien jilbes waqt il-kompetizzjonijiet, Tony huwa leġġenda ħajja kemm fix-xena lokali kif ukoll dik internazzjonalil tal-isnooker.

F’Marzu, f’ko-produzzjoni mal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, Teatru Malta se jkun qed jipproduċi dramm b’attur wieħed ma’ ħadd ħlief Peter Galea, li se jieħu l-parti tal-istilla notorja tal-isnooker fid-dramm DRAGO – It-Tvenvin ta’ Tornado Tony, li se jittella’ fil-Klabb tal-Banda La Valette.

Din il-prestazzjoni, li hija ppjanata speċifikament għall-post fejn se tittella’, tinsab taħt id-direzzjoni ta’ Sean Buhagiar, b’kitba ta’ André Mangion, u direzzjoni artistika u awdjoviżiva ta’ Charlie Cauchi.

Ser toqgħod attent għall-iskor? Il-produzzjoni tiftaħ fil-11 ta’ Marzu u tibqa’ għaddejja sal-20 ta’ Marzu bi prestazzjoni kuljum fit-8pm, miftuħa biss għal udjenza limitata ġewwa l-Klabb tal-Banda La Valette.

Għal aktar tagħrif dwar DRAGO “It-Tvenvin ta’ Tornado Tony” u biex tibbukkja l-biljetti għall-prezz ta’ €15/€20, jekk jogħġbok żur is-sit www.teatrumalta.org.mt 

GUEST POST: L-Oriġini ta’ Każin 60+ minn Charlotte Stafrace

Peress li l-għomor medju għal persuna ta’ 65 sena llum żdied bi kważi 20 sena, in-nies qed jgħixu lil hinn minn 80 sena. Ħafna jibqgħu attivi u b’saħħithom.

Filwaqt li l-flessibbiltà fiżika tonqos bl-età, l-għarfien prattiku u l-għerf aktarx li jiżdiedu. L-anzjani huma individwi b’esperjenzi tal-ħajja u taż-żmien influwenzati minn ħafna fatturi.

L-anzjani mhux biss għandhom aktar abbiltà biex jaffaċċjaw l-isfidi importanti tal-ħajja soċjali, iżda jistgħu wkoll jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għall-isfera soċjali u kulturali billi jipparteċipaw fil-kultura u jaqsmu l-istejjer tagħhom.

Matul il-proċess tax-xjuħija, l-arti jista’ jkollha rwol vitali. Il-parteċipazzjoni fl-arti tistimula s-sensi, tagħti ħajja lill-individwi kemm mentalment kif ukoll emozzjonalment u tippromwovi s-saħħa fiżika u konjittiva. L-arti tipprovdi opportunitajiet għall-fejqan, l-espressjoni personali u t-tagħlim fi żmien meta  is-saħħa fiżjoloġika, konjittiva u soċjali tibda tbatti. L-arti mhux biss trawwem u ssostni rabtiet soċjali li jispiraw il-kreattività iżda tista’ wkoll tgħin biex ittejjeb is-saħħa u l-benessri kif ukoll tipprovdi spazju sigur għat-tagħlim.

B’hekk twieled Każin 60+. B’kollaborazzjoni mad-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva, Teatru Malta pprovda spazju fejn, fi żmien sena, anzjani ta’ 60+ jistgħu jiltaqgħu kull xahrejn biex jieħdu sehem f’sessjonijiet ta’ teatru. L-għan ewlieni ta’ dawn is-sessjonijiet huwa li jispiraw il-kreattività u jsaħħu l-ħiliet eżistenti tad-drama u t-teatru kif ukoll joffru lill-parteċipanti għodod ġodda sabiex isiru atturi aħjar, jfakkruhom fi żmien aktar fieraħ u iħeġġuhom jieħdu pjaċir flimkien.

Immexxi minn prattikant tat-teatru ta’ esperjenza, Charlotte Stafrace (Grech), Każin 60+ jiġbor flimkien grupp ta’ kreattivi divertenti minn kull qasam tal-ħajja. Il-parteċipanti jitgħallmu ħiliet ta’ improvizzazzjoni u logħob relatati mal-ġeneri tat-teatru u itejbu t-tekniki vokali tagħhom kif ukoll jiġu mħeġġa jiktbu poeżiji/monologi, jaqraw testi, jiċċaqilqu sabiex isiru fiżikament aktar ħfief u jaqsmu l-esperjenzi ta’ ħajjithom permezz ta’ stejjer fi spirtu ta’ pjaċir.

Il-benefiċċji paralleli ta’ programm kreattiv bħal dan ma jistgħux jiġu njoranti. Riċerkaturi fit-xjuħija jgħidu li l-moħħ għandu plastiċità u jiżviluppa kontinwament waqt l-esperjenzi u t-tagħlim skont kemm jirċievi stimulazzjoni. Każin 60+, prodott ta’ Teatru Malta, għandu l-għan li jagħmel dan.

Mill-ewwel mument li dan il-grupp vivaċi daħal fil-kamra tal-awdizzjoni lura f’Settembru 2021 sal-lum, diġà rajna sens ta’ żvilupp u xewqa għal aktar espressjoni personali, imsaħħa mill-aspetti soċjali ta’ Każin 60+. Barra minn hekk, dan il-programm qed iħeġġeġ u jisfida lill-adulti anzjani biex jinvolvu ruħhom mhux biss bħala spettaturi jew membri tal-udjenza, iżda wkoll bħala kreattivi. Il-kreattività tgħodd.

GUEST POST: ĦANINI, MXEJNA – MINN ALESSIA CARUANA

Tislijiet mill-Belt Valletta!

Qed taqra sew, wara li għal 4 snin sejjaħna ż-Żejtun darna lil hinn minn darna, Teatru Malta uffiċjalment morna lura l-Belt.

Hekk hu, morna lura lejn il-Belt Valletta u għalissa ninsabu f’uffiċċju pittoresk fi Triq il-Fran, għallinqas sakemm insibu d-dar il-ġdida tagħna (ma ndumux ma ngħidulek aktar dwar dan). Dejjem għedna li ma ridniex inkunu marbutin ma’ post speċifiku wieħed u naħseb li sempliċiment qed inżommu mal-ethos tagħna, u nżommuk fuq ix-xwiek fl-istess ħin!

Dan xi jfisser għalik? Tajjeb biex nibdew dan probabbilment ifisser li ma jkollokx għalfejn titlobna nibagħtulek fejn ninsabu fuq il-mappa kull darba li jkollna xi laqgħa fl-uffiċċji tagħna. M’hemmx minn xiex tistħi tafx, jien stess domt mill-inqas ġimgħatejn u bosta tfittxijiet fuq il-google map biex niftakar kif nidħol u noħroġ miż-Żejtun, kull min kellu din esperjenza jista’ jgħolli idu u jgħid “jien” (żgur li ma jien se niġġudika lil ħadd).

Il-paċenzja kemm domt biex nidra naħdem hemm, iżda għal xi ħadd bħali, li qattajt ħajti nibla l-pastizzi, tista’ sserraħ rasek li ma kellix problemi biex tadatta! Iż-Żejtun kellu aktar ġmiel x’joffri minn kemm qatt stajt nimmaġina, passiġġjati tul il-pjazza sal-karozza, qniepen tal-knisja jdoqqu, ġirien jgħajtu u aktarx xi wħud mill-aqwa ħobż mixwi u “Te fit-Tazza” li tista’ ssib f’Malta. Kulħadd kien dħuli u minn tagħna, kulħadd kien lest li jgħin u ħadd qatt ma kien okkupat wisq biex jagħti daqqa t’id meta titolbu. Wisq ħabbejtu dak il-post, u t-teatru Pandora sar id-dar tagħna għal kemm kellna bżonn.

Il-fatt li ġarrejna hija esperjenza qarsa u ħelwa fl-istess ħin, waħda li fiha żarmajna “l-ewwel produzzjoni” tagħna… l-ewwel dar tagħna. Dejjem konna poetiċi bil-mod kif nagħmlu l-affarijiet, għalhekk stennejna sas-Sena l-Ġdida biex nagħmlu dan kollu ftit aktar adattat b’mod drammatiku. Imma biex ma ntawwalx, nixtieq nirringrazzja liż-Żejtun talli laqagħna, tassew offra ftit arja friska mill-ġenn u l-għaġla tal-Belt għal xi żmien – kien sabiħ ukoll li stajt insib parkeġġ mingħajr ma irriskja li naħli l-paga kollha fuq iċ-ċitazzjonijiet.

Mela dik hi l-istorja u dan huwa t-tmiem ta’ era – bħalissa qegħdin fl-indirizz 205, Bini Vincenti, Triq il-Fran, Valletta. L-istess qalb, dehra ġdida – ibagħtilna messaġġ fuq FB jekk tixtieq tiġi tgħidilna hello, għadna ħbib kemm trid – Alessia.

Trikki Trakki 2022 – Workshops

Il-ġimgħa li għaddiet it-tfal ta’ Trikki Trakki tagħna ltaqgħu fit-teatru Blue Box għall-workshops annwali tagħhom, din id-darba personalment! Kienet esperjenza sabiħa li naqsmu l-ispazju tax-xogħol tagħna mal-parteċipanti kollha fi klassijiet ta’ vera fejn huma setgħu jkunu aktar prattiċi mal-mentors kollha tal-workshop tagħhom hekk kif kull wieħed kopra klassijiet dwar:
💚Disinn tad-Dawl
💙Disinn tas-Sett
💛Kitba tal-Iskript
💜Taħriġ tal-Vuċi
🧡Make-Up Teatrali
❤️Moviment
Agħti ħarsa lejn kif marret il-ġurnata tagħhom! Ftakar li Trikki Trakki jirritorna f’Marzu li ġej, allura żomm għajnejk fuq is-socials tagħna u www.teatrumalta.org.mt għall-aġġornamenti kollha 😊
Ritratti: Elisa von Brockdorff

Insellmulek Manwel!

U hekk kif kulħadd reġa’ lura għar-rutina tas-soltu, wasal il-waqt li nsellmu produzzjoni oħra 🥲 IL-QFIL U L-ĦELSIEN SKONT MANWEL DIMECH

Kienu ftit xhur eċċitanti fejn ħdimna ma’ dan il-kast brillanti ta’ atturi, kantanti u artisti li lkoll saru qishom familja għalina. Li naħdmu ma’ kast daqshekk kbir, l-akbar li ħdimna miegħu minn meta bdiet il-pandemija, kien privileġġ.

Grazzi lil FCN tal-kollaborazzjoni fuq din il-kummissjoni, waħda li serviet biex tfakkar lil kulħadd fil-ħajja ta’ wieħed mill-akbar patrijotti Maltin magħrufin ta’ gżiritna f’għeluq il-mitt sena mill-mewt tiegħu fl-1921.

Kien bis-saħħa ta’ Kris Spiteri u Victor Jacono li din il-ħolma ħadet il-ħajja. Meta bdew id-diskussjonijiet dwar dan il-proġett kulma kien jeżisti kien post, suġġett u idea imma dak li Kris u Victor irnexxielhom jiksbu permezz ta’ sigħat bla heda ta’ diskussjonijiet u xogħol qabeż l-aspettattivi kollha tagħna.

Aħna kburin ħafna b’dak li wettaqna flimkien u nħossu li Manwel kien ikun kburi wkoll.

Grazzi talli ġejtu, talli segwejtu u kantajtu magħna. Nerġgħu narawkom ma ndumux 💜

Guest Post: Il-Battalja għall-Ħelsien minn Sarah Zammit Munro

“Trid tiżviluppa l-karattri tiegħek bħallikieku qed tgħix fi żmien Manwel Dimech. Min int? Kif tħossok?”

Dan kien il-kliem li smajna waqt il-provi li wassluna sal-produzzjoni ta’ Il-Qfil u l-Ħelsien Skont Manwel Dimech.

“Kif qed tħossok?” Bħala persuna li rat il-produzzjoni tiżviluppa mill-bidu nett, ngħid li nħossni inkredibbilment privileġġjata li stajt naħdem ma’ kast li rnexxielu jadotta l-mentalità tas-soċjetà Maltija fis-seklu 19 b’mod tant effettiv – sfida, kif ukoll kompitu naturali. Hawnhekk nuża l-kelma ‘naturali’ għax il-messaġġ stess li tkellem dwaru pubblikament Manwel Dimech hu rilevanti anke issa, aktar minn 100 sena wara. Il-ġlieda tiegħu għal-libertà hija battalja li niffaċċjaw fuq bażi ta’ kuljum u b’aktar minn mod wieħed.

Meta bdew il-provi fil-Ħabs Militari l-Antik, malajr sirt inħobb l-interpretazzjoni tal-iskript tal-atturi u l-isforz u x-xogħol iebes tagħhom biex jilbsu personalitajiet ġodda ta’ nies li għexu għexieren ta’ snin ilu. Il-kanzunetti wkoll bdew jieħdu l-ħajja hekk kif il-post u l-kostumi ppermettewlhom li jħaddnu s-sentiment u l-emozzjoni profonda tal-melodiji aktar u aktar, u jikkontribwixxu tant għall-musical kollu kemm hu. Rajthom jagħmlu l-performance bosta drabi issa, u għadni nieħu pjaċir innissel il-linji tagħhom jew niżfen mal-kanzunetti minn wara l-kwinti waqt li jkun għaddej l-ispettaklu. Saħansitra nsib lili nnifsi nkantahom minn taħt l-ilsien minn ħin għal ħin matul il-ġurnata!

Se nagħlaq b’nota ta’ apprezzament lill-kast kollu involut u t-talent mill-aqwa tagħhom, lit-tim kreattiv għall-metodi ta’ ispirazzjoni tagħhom ta’ kif jaħdmu u jipproduċu kontenut li ħalla impatt fuq tant nies, lit-tim tekniku li għamel l-impossibbli possibbli u finalment, lit-tim ta’ Teatru Malta talli pprovdieli opportunità li nkun parti minn produzzjoni li saret daqstant importanti għalija.

“Kulhadd f’postu!”

Ħoss … dwal … erġajna tlaqna!

Agħti r-rigal tat-Teatru dan il-Milied! #Kartawguri

Il-pandemija ma kinitx ħanina mat-teatru🎭 Ilbieraħ it-Times of Malta 📰 irrapportat li l-maġġoranza tal-pubbliku Malti “ma jonfoq xejn flus 💰 fuq il-kultura” bi 3% biss tal-popolazzjoni marret teatru minn meta tnaqqsu r-restrizzjonijiet, kif wera studju reċenti li sar mill-Kunsill Malti għall-Arti 🧠

B’dan f’moħħna, nixtiequ li INTI żżomm f’moħħok it-teatru dan il-Milied🎄u tgħin biex tappoġġja s-settur billi tagħti #Awguri tal-Milied tiegħek permezz tal- #kartawguri tagħna stess li hija disponibbli bħala:

Voucher card ta’ €20 (Safra🟨) u €50 (Ħadra) li tissarraf f’kull prodott ta’ Teatru Malta bħal: 🎟 biljetti għal Spettakli li Għadhom Ġejjin 🎟 Merkanzija Uffiċjali ta’ Teatru Malta👕 u kull ktieb mis-serje tagħna Programm Kitba Ġdida 📚 u Kotba Klassiċi 📚

IXTRI TIEGĦEK ILLUM:

🟨€20 Kard Safra https://teatrumalta.bigcartel.com/product/kart-awguri-safra

🟩€50 Kard Ħadra https://teatrumalta.bigcartel.com/product/kartawguri-safa

LIL MIN GĦANDEK TAGĦTIHOM 🎁?

Forsi tħoss li għandek tagħti lil nanntek xi ħaġa oħra minflok piġama oħra? Forsi qed jerġa’ jibdielek dwar dik ix-xemgħa tfuħ li xtrajt għas-Secret Santa? Forsi zitek xebgħat mis-serati tat-tombla? Hemm aħna! Agħtihom ir-rigal ta’ lejla memorabbli fit-teatru!

Ma jħobbux it-teatru🧐? Tant l-aħjar għax għandna produzzjonijiet, kotba u merkanzija li se jogħġbu lil kulħadd!😎

Qatt ma kien hemm żmien aħjar biex tagħti #rigalteatrali minn dan il-Milied.

SEJĦA GĦAL IMPJIEG: MANIĠER TAL-AMMINISTRAZZJONI

Teatru Malta qed ifittxu biex jimpjegaw Maniġer tal-Amministrazzjoni fuq bażi full time!

Int persuna li għandek il-kunfidenza meħtieġa biex taħdem fl-amministrazzjoni u jinteressak taħdem wara l-kwinti tal-kumpanija tat-Teatru Nazzjonali ta’ Malta? Jekk iva, niżżel is-sejħa tagħna llum u applika sa mhux aktar tard mill-Erba’ 6 ta’ Diċembru biex tingħaqad mat-tim tagħna

Għandi Xi Ngħid (Fuq Manwel Dimech) – Prof. Andrew Azzopardi

Ir-rijabilitazzjoni hija forsi l-aktar kelma jew fost l-aktar li tintuza’ fil-qasam tal-ġustizzja kriminali. M’iniex cert nifhmux x’qed ngħidu biha. F’kelma waħda, din il-kelma tippożizzjona l-maħfra, l-imħabba u r-redenzjoni bħala kontro-piż għall-att negattiv li jkun sar. Ir-rijabiltazzjoni hija d-duwa li għandu bżonn u jixraqlu kull ċittadin għax, ejjew ngħiduha kif inhi, mhux darba jew tnejn nitgħallmu mill-ħazen u l-ħsara li jagħmel ħaddiehor u b’hekk nirfinaw il-mekkaniżmi soċjali tagħna. Apparti hekk, kulħadd jixraqlu ċans ieħor u ieħor u ieħor sakemm jirradrizza lilu nnifsu. Naturalment, dan ma jseħħx mingħajr ma wieħed iħallas għal għemilu. U, allura, ir-rifroma tiġi bħala konsegwenza u b’hekk ikollna ħafna aktar armonija u sens komunitarju.

Issa, mitt sena mill-mewt ta’ Manwel Dimech, b’mod sinonimu ma’ dan il-fenomenu, nibqgħu nirsistu li hemm it-tajjeb f’kulħadd, li hemm il-ġid u l-għerf f’kulħadd u, fil-mument li l-ħabs jnessilna dan, għidu li nistgħu nibdew nitilfu t-tama fil-bniedem. Dimech, għalkemm it-trobbija tiegħu setgħet ikkonċediet telfien fir-rotta, iddawwal f’punt minnhom u, minflok kompla jintelaq, uża l-priguneria biex fassal il-ħsibijiet tiegħu li għadhom jiggvernaw dak li huwa tajjeb fil-mod kif jgħixu n-nies. Għax ir-riforma ġewwinija ta’ vera twasslek biex tinbidel meta tkun qed tirrifletti. Imma mhux biss. Dimech huwa ispirazzjoni għal ħafna għax irnexxielu jittrasforma dik l-energija interna tiegħu fi ġlieda kontra l-atti t’inġustizzja u ma beżax jehodha kontra l-aktar forzi soċjali u politiċi b’saħħithom ta’ dak iz-zmien: il-Knisja Kattolika u l-okkupaturi kolonjali. Ħajtu ma ntemmitx bħala waħda felici għax għall-kawża spiċċa eżiljat u miet ’il boghod minn daru. Ħasra. Kolonna għal ħafna. Fost kollox, dan Dimech, ried iwassal messaġġ biex in-nies jagħmlu battalja kontra l-qerda li ġġib magħha l-awto-kolonjalizzazzjoni—li nkunu servili, li ma nużawx il-ħiliet kritiċi tagħna, li nassimilaw ruħna ma’ tribu jew iehor. Insomma, Dimech kellu xi jgħid fuq ħafna u anke fuq l-oppressivita’ u l-iżmantellar tal-bniedem fil-ħabs. Jibqa’ vuċi b’sahhitha, b’appell qawwi biex dak li huwa verita’ jitla’ fil-wicc. Ejjew nibqgħu nkunu ispirati. Opportunità biex niltaqgħu ma’ dan l-eroj se tkun il-ħidma teatrali ta’ Il-Qfil u l-Ħelsien Skont Manwel Dimech fejn Teatru Malta qed jikkolaboraw ma’ prigunieri biex joħolqu l-elementi tas-sett. Ir-riforma li jikellem fuqha Dimech hekk tingħata l-ħajja.

Ħarġu l-Applikazzjonijiet ta’ Siparju

Qed jintlaqgħu applikazzjonijiet għal borża ta’ studju għal student jew studenta Ph.D. biex jaħdem/taħdem fuq proġett li jistudja t-teatru f’Malta minn perspettiva storika. Il-borża ta’ studju hija ffinanzjata minn Teatru Malta, il-kumpanija nazzjonali tat-teatru ta’ Malta, u sussidjata mill-Università ta’ Malta. Il-proġett huwa kkoordinat mid-Dipartiment tal-Istudji Teatrali tal-Iskola tal-Arti tal-Ispettaklu taħt is-superviżjoni tal-Professur Vicki Ann Cremona u Dr Marco Galea.

L-iskadenza biex tapplika hija t-30 ta’ Novembru, 2021

Għal aktar tagħrif jekk jogħġbok ikklikkja hawn