GUEST POST: ĦANINI, MXEJNA – MINN ALESSIA CARUANA
Tislijiet mill-Belt Valletta!
Qed taqra sew, wara li għal 4 snin sejjaħna ż-Żejtun darna lil hinn minn darna, Teatru Malta uffiċjalment morna lura l-Belt.
Hekk hu, morna lura lejn il-Belt Valletta u għalissa ninsabu f’uffiċċju pittoresk fi Triq il-Fran, għallinqas sakemm insibu d-dar il-ġdida tagħna (ma ndumux ma ngħidulek aktar dwar dan). Dejjem għedna li ma ridniex inkunu marbutin ma’ post speċifiku wieħed u naħseb li sempliċiment qed inżommu mal-ethos tagħna, u nżommuk fuq ix-xwiek fl-istess ħin!
Dan xi jfisser għalik? Tajjeb biex nibdew dan probabbilment ifisser li ma jkollokx għalfejn titlobna nibagħtulek fejn ninsabu fuq il-mappa kull darba li jkollna xi laqgħa fl-uffiċċji tagħna. M’hemmx minn xiex tistħi tafx, jien stess domt mill-inqas ġimgħatejn u bosta tfittxijiet fuq il-google map biex niftakar kif nidħol u noħroġ miż-Żejtun, kull min kellu din esperjenza jista’ jgħolli idu u jgħid “jien” (żgur li ma jien se niġġudika lil ħadd).
Il-paċenzja kemm domt biex nidra naħdem hemm, iżda għal xi ħadd bħali, li qattajt ħajti nibla l-pastizzi, tista’ sserraħ rasek li ma kellix problemi biex tadatta! Iż-Żejtun kellu aktar ġmiel x’joffri minn kemm qatt stajt nimmaġina, passiġġjati tul il-pjazza sal-karozza, qniepen tal-knisja jdoqqu, ġirien jgħajtu u aktarx xi wħud mill-aqwa ħobż mixwi u “Te fit-Tazza” li tista’ ssib f’Malta. Kulħadd kien dħuli u minn tagħna, kulħadd kien lest li jgħin u ħadd qatt ma kien okkupat wisq biex jagħti daqqa t’id meta titolbu. Wisq ħabbejtu dak il-post, u t-teatru Pandora sar id-dar tagħna għal kemm kellna bżonn.
Il-fatt li ġarrejna hija esperjenza qarsa u ħelwa fl-istess ħin, waħda li fiha żarmajna “l-ewwel produzzjoni” tagħna… l-ewwel dar tagħna. Dejjem konna poetiċi bil-mod kif nagħmlu l-affarijiet, għalhekk stennejna sas-Sena l-Ġdida biex nagħmlu dan kollu ftit aktar adattat b’mod drammatiku. Imma biex ma ntawwalx, nixtieq nirringrazzja liż-Żejtun talli laqagħna, tassew offra ftit arja friska mill-ġenn u l-għaġla tal-Belt għal xi żmien – kien sabiħ ukoll li stajt insib parkeġġ mingħajr ma irriskja li naħli l-paga kollha fuq iċ-ċitazzjonijiet.
Mela dik hi l-istorja u dan huwa t-tmiem ta’ era – bħalissa qegħdin fl-indirizz 205, Bini Vincenti, Triq il-Fran, Valletta. L-istess qalb, dehra ġdida – ibagħtilna messaġġ fuq FB jekk tixtieq tiġi tgħidilna hello, għadna ħbib kemm trid – Alessia.