GUEST POST: L-Oriġini ta’ Każin 60+ minn Charlotte Stafrace
Peress li l-għomor medju għal persuna ta’ 65 sena llum żdied bi kważi 20 sena, in-nies qed jgħixu lil hinn minn 80 sena. Ħafna jibqgħu attivi u b’saħħithom.
Filwaqt li l-flessibbiltà fiżika tonqos bl-età, l-għarfien prattiku u l-għerf aktarx li jiżdiedu. L-anzjani huma individwi b’esperjenzi tal-ħajja u taż-żmien influwenzati minn ħafna fatturi.
L-anzjani mhux biss għandhom aktar abbiltà biex jaffaċċjaw l-isfidi importanti tal-ħajja soċjali, iżda jistgħu wkoll jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għall-isfera soċjali u kulturali billi jipparteċipaw fil-kultura u jaqsmu l-istejjer tagħhom.
Matul il-proċess tax-xjuħija, l-arti jista’ jkollha rwol vitali. Il-parteċipazzjoni fl-arti tistimula s-sensi, tagħti ħajja lill-individwi kemm mentalment kif ukoll emozzjonalment u tippromwovi s-saħħa fiżika u konjittiva. L-arti tipprovdi opportunitajiet għall-fejqan, l-espressjoni personali u t-tagħlim fi żmien meta is-saħħa fiżjoloġika, konjittiva u soċjali tibda tbatti. L-arti mhux biss trawwem u ssostni rabtiet soċjali li jispiraw il-kreattività iżda tista’ wkoll tgħin biex ittejjeb is-saħħa u l-benessri kif ukoll tipprovdi spazju sigur għat-tagħlim.
B’hekk twieled Każin 60+. B’kollaborazzjoni mad-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva, Teatru Malta pprovda spazju fejn, fi żmien sena, anzjani ta’ 60+ jistgħu jiltaqgħu kull xahrejn biex jieħdu sehem f’sessjonijiet ta’ teatru. L-għan ewlieni ta’ dawn is-sessjonijiet huwa li jispiraw il-kreattività u jsaħħu l-ħiliet eżistenti tad-drama u t-teatru kif ukoll joffru lill-parteċipanti għodod ġodda sabiex isiru atturi aħjar, jfakkruhom fi żmien aktar fieraħ u iħeġġuhom jieħdu pjaċir flimkien.
Immexxi minn prattikant tat-teatru ta’ esperjenza, Charlotte Stafrace (Grech), Każin 60+ jiġbor flimkien grupp ta’ kreattivi divertenti minn kull qasam tal-ħajja. Il-parteċipanti jitgħallmu ħiliet ta’ improvizzazzjoni u logħob relatati mal-ġeneri tat-teatru u itejbu t-tekniki vokali tagħhom kif ukoll jiġu mħeġġa jiktbu poeżiji/monologi, jaqraw testi, jiċċaqilqu sabiex isiru fiżikament aktar ħfief u jaqsmu l-esperjenzi ta’ ħajjithom permezz ta’ stejjer fi spirtu ta’ pjaċir.
Il-benefiċċji paralleli ta’ programm kreattiv bħal dan ma jistgħux jiġu njoranti. Riċerkaturi fit-xjuħija jgħidu li l-moħħ għandu plastiċità u jiżviluppa kontinwament waqt l-esperjenzi u t-tagħlim skont kemm jirċievi stimulazzjoni. Każin 60+, prodott ta’ Teatru Malta, għandu l-għan li jagħmel dan.
Mill-ewwel mument li dan il-grupp vivaċi daħal fil-kamra tal-awdizzjoni lura f’Settembru 2021 sal-lum, diġà rajna sens ta’ żvilupp u xewqa għal aktar espressjoni personali, imsaħħa mill-aspetti soċjali ta’ Każin 60+. Barra minn hekk, dan il-programm qed iħeġġeġ u jisfida lill-adulti anzjani biex jinvolvu ruħhom mhux biss bħala spettaturi jew membri tal-udjenza, iżda wkoll bħala kreattivi. Il-kreattività tgħodd.