Għandi Xi Ngħid (Fuq Manwel Dimech) – Prof. Andrew Azzopardi

Ir-rijabilitazzjoni hija forsi l-aktar kelma jew fost l-aktar li tintuza’ fil-qasam tal-ġustizzja kriminali. M’iniex cert nifhmux x’qed ngħidu biha. F’kelma waħda, din il-kelma tippożizzjona l-maħfra, l-imħabba u r-redenzjoni bħala kontro-piż għall-att negattiv li jkun sar. Ir-rijabiltazzjoni hija d-duwa li għandu bżonn u jixraqlu kull ċittadin għax, ejjew ngħiduha kif inhi, mhux darba jew tnejn nitgħallmu mill-ħazen u l-ħsara li jagħmel ħaddiehor u b’hekk nirfinaw il-mekkaniżmi soċjali tagħna. Apparti hekk, kulħadd jixraqlu ċans ieħor u ieħor u ieħor sakemm jirradrizza lilu nnifsu. Naturalment, dan ma jseħħx mingħajr ma wieħed iħallas għal għemilu. U, allura, ir-rifroma tiġi bħala konsegwenza u b’hekk ikollna ħafna aktar armonija u sens komunitarju.

Issa, mitt sena mill-mewt ta’ Manwel Dimech, b’mod sinonimu ma’ dan il-fenomenu, nibqgħu nirsistu li hemm it-tajjeb f’kulħadd, li hemm il-ġid u l-għerf f’kulħadd u, fil-mument li l-ħabs jnessilna dan, għidu li nistgħu nibdew nitilfu t-tama fil-bniedem. Dimech, għalkemm it-trobbija tiegħu setgħet ikkonċediet telfien fir-rotta, iddawwal f’punt minnhom u, minflok kompla jintelaq, uża l-priguneria biex fassal il-ħsibijiet tiegħu li għadhom jiggvernaw dak li huwa tajjeb fil-mod kif jgħixu n-nies. Għax ir-riforma ġewwinija ta’ vera twasslek biex tinbidel meta tkun qed tirrifletti. Imma mhux biss. Dimech huwa ispirazzjoni għal ħafna għax irnexxielu jittrasforma dik l-energija interna tiegħu fi ġlieda kontra l-atti t’inġustizzja u ma beżax jehodha kontra l-aktar forzi soċjali u politiċi b’saħħithom ta’ dak iz-zmien: il-Knisja Kattolika u l-okkupaturi kolonjali. Ħajtu ma ntemmitx bħala waħda felici għax għall-kawża spiċċa eżiljat u miet ’il boghod minn daru. Ħasra. Kolonna għal ħafna. Fost kollox, dan Dimech, ried iwassal messaġġ biex in-nies jagħmlu battalja kontra l-qerda li ġġib magħha l-awto-kolonjalizzazzjoni—li nkunu servili, li ma nużawx il-ħiliet kritiċi tagħna, li nassimilaw ruħna ma’ tribu jew iehor. Insomma, Dimech kellu xi jgħid fuq ħafna u anke fuq l-oppressivita’ u l-iżmantellar tal-bniedem fil-ħabs. Jibqa’ vuċi b’sahhitha, b’appell qawwi biex dak li huwa verita’ jitla’ fil-wicc. Ejjew nibqgħu nkunu ispirati. Opportunità biex niltaqgħu ma’ dan l-eroj se tkun il-ħidma teatrali ta’ Il-Qfil u l-Ħelsien Skont Manwel Dimech fejn Teatru Malta qed jikkolaboraw ma’ prigunieri biex joħolqu l-elementi tas-sett. Ir-riforma li jikellem fuqha Dimech hekk tingħata l-ħajja.