Guest Post: Il-Battalja għall-Ħelsien minn Sarah Zammit Munro

“Trid tiżviluppa l-karattri tiegħek bħallikieku qed tgħix fi żmien Manwel Dimech. Min int? Kif tħossok?”

Dan kien il-kliem li smajna waqt il-provi li wassluna sal-produzzjoni ta’ Il-Qfil u l-Ħelsien Skont Manwel Dimech.

“Kif qed tħossok?” Bħala persuna li rat il-produzzjoni tiżviluppa mill-bidu nett, ngħid li nħossni inkredibbilment privileġġjata li stajt naħdem ma’ kast li rnexxielu jadotta l-mentalità tas-soċjetà Maltija fis-seklu 19 b’mod tant effettiv – sfida, kif ukoll kompitu naturali. Hawnhekk nuża l-kelma ‘naturali’ għax il-messaġġ stess li tkellem dwaru pubblikament Manwel Dimech hu rilevanti anke issa, aktar minn 100 sena wara. Il-ġlieda tiegħu għal-libertà hija battalja li niffaċċjaw fuq bażi ta’ kuljum u b’aktar minn mod wieħed.

Meta bdew il-provi fil-Ħabs Militari l-Antik, malajr sirt inħobb l-interpretazzjoni tal-iskript tal-atturi u l-isforz u x-xogħol iebes tagħhom biex jilbsu personalitajiet ġodda ta’ nies li għexu għexieren ta’ snin ilu. Il-kanzunetti wkoll bdew jieħdu l-ħajja hekk kif il-post u l-kostumi ppermettewlhom li jħaddnu s-sentiment u l-emozzjoni profonda tal-melodiji aktar u aktar, u jikkontribwixxu tant għall-musical kollu kemm hu. Rajthom jagħmlu l-performance bosta drabi issa, u għadni nieħu pjaċir innissel il-linji tagħhom jew niżfen mal-kanzunetti minn wara l-kwinti waqt li jkun għaddej l-ispettaklu. Saħansitra nsib lili nnifsi nkantahom minn taħt l-ilsien minn ħin għal ħin matul il-ġurnata!

Se nagħlaq b’nota ta’ apprezzament lill-kast kollu involut u t-talent mill-aqwa tagħhom, lit-tim kreattiv għall-metodi ta’ ispirazzjoni tagħhom ta’ kif jaħdmu u jipproduċu kontenut li ħalla impatt fuq tant nies, lit-tim tekniku li għamel l-impossibbli possibbli u finalment, lit-tim ta’ Teatru Malta talli pprovdieli opportunità li nkun parti minn produzzjoni li saret daqstant importanti għalija.

“Kulhadd f’postu!”

Ħoss … dwal … erġajna tlaqna!