Category: Uncategorized @mt
Sejħa għal: Każin Sittin+
Is-sejħa għall-applikazzjonijiet għal Każin Sittin+ issa hija miftuħa!
Dan se jkun proġett divertenti, kreattiv u edukattiv ibbażat fuq id-dinja tat-teatru. Permezz tas-sħubija tagħkom, intom se tagħmlu parti minn grupp li se jkun immexxi minn prattikant tat-teatru. Mhux biss se tiksbu esperjenzi ġodda fit-teatru iżda possibilment ukoll tirrevedu esperjenzi teatrali mill-passat tagħkom.
Numru ta’ nies professjonali, li jinkludu għalliema mistiedna, se jkunu parti minn dal-programm biex jagħmluh aktar eċitanti u interessanti.
Din hija verament opportunità li m’għandkomx titilfu jekk qed tfittxu esperjeza ġdida x’tippruvaw! Interessati? Applikaw illum billi tniżżlu s-sejħa mill-ħolqa t’hawn taħt.
Jekk ikollkom xi mistoqsijiet, jekk jogħġobkom tiddejqux tibgħatulna email fuq contact@teatrumalta.org.mt, messaġġ fuq Facebook jew iċċemplulna fuq 21220255 bejn id-disgħa ta’ filgħodu u l-erbgħa ta’ wara nofsinhar mit-Tnejn sal-Ġimgħa!
L-Avviżi – Settembru 2021
Hekk kif toqrob il-ħarifa, ix-xogħol fuq il-programm il-ġdid tagħna qed ikompli jintensifika bl-għan li nippreżentaw l-ewwel produzzjoni tagħna fi żmien biss ftit ġimgħat. Ma kontux tafu biha din? Fil-fatt ġdida din l-aħbar. Għalissa, se jkollkom tintefgħu bilqiegħda taraw l-filmati tal-provi mill-ispettakli l-oħra tagħna fuq il-midja soċjali tagħna, hekk kif aħna se nkomplu nurukom xi xeni speċjali minn wara l-kwinti ta’ The Manwel Dimech Project, Nouveau Riche u Il-Qtates ta’ max-Xatt.
Il-Klassi tas-Surmast ukoll se tirritorna f’Settembru, hekk kif Cheek by Jowl… kważi waslu, lesti biex jaqsmu l-workshop intensiv magħna u mal-parteċipanti tagħhom fi żmien biss ftit gimgħat! Biex inkunu għidna kollox, l-kontenut ta’ dan il-workshop huwa ftit sigriet u għaldaqstant ma tantx nistgħu ngħidulkom x’se jiġri eżattament. Imma żommu ruħkom aġġornati billi ssegwuna fuq il-midja soċjali tagħna biex taraw il-kontenut li se nkunu nistgħu naqsmu magħkom.
Proverbjalment, huwa wkoll żmien li fih naqilbu folja ġdida u mhux biss għax il-ħarifa qed toqrob. Għadna kemm nedejna sejħa għall-espressjoni ta’ interess għal Uffiċjal Amministrattiv fuq bażi full-time għat-tliet snin li ġejjin. Jekk għandek xeħta għax-xogħol amministrattiv u int entużjast tat-teatru u tax-xogħol kollu li nagħmlu aħna ta’ Teatru Malta, allura kun żgur li tapplika sa mhux aktar tard mis-17 ta’ Settembru. Jekk tħoss li minitx ezattament maqtugħ għal xogħol fl-amministrazzjoni, allura għandek tkun taf li qed infittxu wkoll maniġers tal-produzzjoni peress li ser ikollna bżonn numru minnhom matul ix-xhur li ġejjin. Jekk int interessat għidilna dwarek u ibgħatilna ittra u CV billi tibgħat email fuq contact@teatrumalta.org.mt jew messaġġ privat fuq Facebook.
Teatru Redifjuxin se jirritorna ukoll b’episodju ġdid fjamant fl-aħħar ta’ Settembru. Min se jkun ir-raba’ mistieden tagħna hija xi ħaġa li qed inżommu mistura għalissa; madankollu, nistgħu ngħidulkom li din il-persuna se tkun parti integrali minn wieħed mill-aħħar proġetti tagħna li semmejtilkom ix-xahar li għadda: Kazin Sittin+. Din is-sejħa għall-parteċipanti hija maħsuba għal adulti anzjani li huma interessati li jitgħallmu aktar dwar it-teatru. Dan il-proġett se jkun divertenti u mimli logħob teatrali, improviżazzjonijiet, moviment u kant, u dan kollhu se jseħħ fi spazju kreattiv li jinqasam u jitgawda bejn persuni tal-istess fehma li ġejjin minn oqsma differenti tal-ħajja. Dan huwa l-mod perfett biex tagħmel ħbieb ġodda u, kif tkun fiha, titgħallem ħiliet ġodda fit-teatru! Jekk int interessat li tifforma parti minn din il-komunità, allura ħu nota għax se nkunu qed noħorġu din is-sejħa din il-ġimgħa d-dieħla fit-8 ta’ Settembru!
#TakeOverThursday – Ritienne Zammit
X’qed jiġri f’Settembru?
Sejħa għall-Artisti: Proġett Manwel Dimech
#TakeOverThursday – Rochelle Gatt
L-isbaħ rigal għal-Rochelle hu meta xi ħaġa tingħad bla kliem u tinftiehem b’mod li jirnexxilu jċaqlaqha. EĦE! Tħobb tiċċalaq immens; Tħobb tiċċaqlaq il-ħin kollu… rota, għawma friska, capoeira, titla’ mal-ġebel jew mal-muntanji. Ħafna mid-drabi ssibha rasha ’l isfel, tħares lejn id-dinja mill-perspettiva opposta. Peress li dejjem ġejja u sejra tixtieq ħafna li l-ajruplani jaħdmu bla-emmissjonijiet. Temmen li kienet tkun ‘hit totali’ kieku twieldet fiż-żminijiet tal-Beatles.
L-ewwel esperjenza tagħha ma’ Teatru Malta kienet veru reċenti. Ħadmet għal-riċerka ma’ The New Victorians u bosta atturi bravi Maltin. Li jmiss hu proġett ‘Manwel Dimech’ fejn ir-rwol tagħha ħa jkun dak ta’ direttriċi tal-moviment ġo spazju storiku. Ingħaqdu magħna għada ħalli tarawha tieħu f’idejha l-midja soċjali tagħna waqt #TakeOverThursday
#TakeOverThursday – Clare Agius
L-attriċi Clare Agius hija isem magħruf ħafna u żgur li mhijiex xi wiċċ ġdid f’din l-industrija. Meta ma tkunx fuq l-iskrins tat-televixin tagħna, tista’ ġeneralment issibha fuq palk, f’kamra tal-provi jew fuq xi sett tal-film. Saħansitra hemm ċans li ssibha ssuq ajruplan, imma dan kollhu jiddependi mill-iskeda tagħha għax, ngħiduha kif inhi, Clare hija persuna imprevedibbli. Post wieħed li mhux ser issibha żgurissmu huwa bilqiegħda! Insomma, biex inkunu għidna kollox, qed nassumu li la kapaċi ttajjar ajruplan, hija ta’ min jafdalha l-midja soċjali tagħna f’idejha Titilfux it-takeover tagħha għada
L-Avviżi – Awwissu 2021
Wasal Awwissu u dan ifisser li wasal iż-żmien tax-shut down! Filwaqt li nixtiequ nistgħu ngħidu li se nagħlqu f’Awwissu, ma nistgħux nagħmlu hekk għax dik tkun gidba kbira. Fil-fatt se nkunu qed naħdmu matul ix-xahar kollu għax m’għandniex ħjiel xi jfisser it-terminu “shut down” imma awguri lil kull min ser ikun off! Ninsabu ħerqana biex naraw ir-ritratti tagħkom. Le, bla ċajt, għax dak hu l-eqreb li se jirnexxilna naslu lejn il-baħar dan ix-xahar.
Fil-fatt dan is-Sajf se ninxteħtu direttament fl-ewwel għadd ta’ provi għal Nouveau Riche. Din hija t-tieni darba li l-atturi tagħna u ż-żeffiena tal-kumpanija Moveo se jkunu qed jaħdmu flimkien minn meta kellhom l-R&D tagħhom ftit tax-xhur ilu. Simon Bartolo u Dorian Mallia huma lesti jpoġġu fuq is-siġġijiet tad-diretturi tagħhom u ma nistgħux inkunu aktar eċċitati naraw dan l-iskript jinbidel f’realtà! Ara l-proċess tagħhom fuq il-midja soċjali tagħna.
Għandna wkoll stħarriġ ġdid li bażikament se jiddetermina l-futur kollu ta’ Teatru Malta! U leee, qed niċċajtaw … IMMA żgur li se jgħinna ninnavigaw tul it-triq tagħna fil-programm ta’ avvenimenti li jmiss li se nvaraw aktar kmieni milli qed taħsbu … agħtuna daqqa t’id u mlew l-istħarriġ tagħna billi tikklikkjaw din il-link… Sinċerament nixtiequ nisimgħu mingħandkom.
Minn provi għal sejħiet tal-awdizzjonijiet, id-9 ta’ Awwissu huwa l-aħħar ċans li intom l-artisti nisa għandkom biex tapplikaw għas-sejħa tal-awdizzjonijiet tagħna għal Qtates ta’ max-Xatt. M’intix ċerta dwar xiex qed nitkellmu? Mela aqbad u kklikkja hawn u ara kif dan il-proġett ġenjali tagħna li jaqbad l-opra maħbuba għat-tfal li hija bbażata fuq il-ktieb oriġinali ta’ Clare Azzopardi u jaqlibha f’teatru tal-pupazzi. L-applikanti magħżula jiġu msejħa għal audition live aktar tard dan ix-xahar. X’qed tistenna? Applika issa!
L-applikazzjonijiet għall-Atelier Francis Ebejer se jiftħu wkoll fil-ġimgħat li ġejjin. Dan huwa ċ-ċans tiegħek li tifforma parti mit-tieni sena tal-Atelier. Il-proġett huwa mmexxi minn Teatru Malta, u jiġbor flimkien applikanti xierqa li huma interessati jiffurmaw parti minn dan il-grupp ikkurat ta’ individwi biex jiddiskutu, jaħdmu, jaqraw, u jikkritikaw it-teatru. L-għan ewlieni tal-proġett huwa li jservi ta’ pjattaforma għal diskussjonijiet miftuħa dwar it-teatru li tippermetti lill-applikanti jsiru parteċipanti fil-promozzjoni tal-industrija tagħna għal waħda professjonali. L-Artisti Assoċjati ta’ Teatru Malta flimkien mad-diretturi artistiċi ta’ Teatru Malta, Spazju Kreattiv, u Teatru Manoel se jikkollaboraw fuq dan bil-għan li jgħinu lil dawk li jagħmlu t-teatru permezz ta’ mezzi bħall-ħolqien ta’ workshops, konsulenzi, qari ta’ skripts, u saħansitra jtellgħu xi xeni. L-applikazzjonijiet se joħorġu dalwaqt.
L-aktar proġett ġdid u reċenti tagħna, Każin 60+, se jkun qed iniedi sejħa ta’ interess aktar tard fil-ġimgħat li ġejjin! Nistħajlukom tistaqsu, x’inhu dan? Tajjeb ngħidu biss li din is-sejħa hija maħsuba għal adulti anzjani li huma interessati jitgħallmu aktar dwar it-teatru. Dan il-proġett se jkun pjaċevoli u mimli logħob tat-teatru, improviżazzjonijiet, moviment u kant, kollha jsiru fi spazju kreattiv li jinqasam u jitgawda ma’ persuni li jaħsbuha l-istess minn oqsma differenti tal-ħajja. Dan huwa mod perfett biex tagħmel ħbieb ġodda u ovvjament titgħallem xi kapaċitajiet teatrali wkoll! Jekk int interessat li tifforma parti minn din il-komunità allura jekk jogħġbok żomm għajnejk fuq dan l-ispazju għal aktar aġġornamenti.
L-aħħar iżda żgur li mhix l-inqas aħbar tagħna hija dwar il-fatt li r-reġistrazzjonijiet għall-konferenza ETC se jitniedu ftit tal-ġimgħat oħra! Diġà ilna ngħidu ħafna dwar kemm aħna eċċitati li se nospitaw dan l-avveniment prestiġjuż fuq ix-xtut tagħna bl-appoġġ tal-Kunsill Malti għall-Arti, it-Teatru Manoel u Spazju Kreattiv!

