L-Avviżi – Awwissu 2021
Wasal Awwissu u dan ifisser li wasal iż-żmien tax-shut down! Filwaqt li nixtiequ nistgħu ngħidu li se nagħlqu f’Awwissu, ma nistgħux nagħmlu hekk għax dik tkun gidba kbira. Fil-fatt se nkunu qed naħdmu matul ix-xahar kollu għax m’għandniex ħjiel xi jfisser it-terminu “shut down” imma awguri lil kull min ser ikun off! Ninsabu ħerqana biex naraw ir-ritratti tagħkom. Le, bla ċajt, għax dak hu l-eqreb li se jirnexxilna naslu lejn il-baħar dan ix-xahar.
Fil-fatt dan is-Sajf se ninxteħtu direttament fl-ewwel għadd ta’ provi għal Nouveau Riche. Din hija t-tieni darba li l-atturi tagħna u ż-żeffiena tal-kumpanija Moveo se jkunu qed jaħdmu flimkien minn meta kellhom l-R&D tagħhom ftit tax-xhur ilu. Simon Bartolo u Dorian Mallia huma lesti jpoġġu fuq is-siġġijiet tad-diretturi tagħhom u ma nistgħux inkunu aktar eċċitati naraw dan l-iskript jinbidel f’realtà! Ara l-proċess tagħhom fuq il-midja soċjali tagħna.
Għandna wkoll stħarriġ ġdid li bażikament se jiddetermina l-futur kollu ta’ Teatru Malta! U leee, qed niċċajtaw … IMMA żgur li se jgħinna ninnavigaw tul it-triq tagħna fil-programm ta’ avvenimenti li jmiss li se nvaraw aktar kmieni milli qed taħsbu … agħtuna daqqa t’id u mlew l-istħarriġ tagħna billi tikklikkjaw din il-link… Sinċerament nixtiequ nisimgħu mingħandkom.
Minn provi għal sejħiet tal-awdizzjonijiet, id-9 ta’ Awwissu huwa l-aħħar ċans li intom l-artisti nisa għandkom biex tapplikaw għas-sejħa tal-awdizzjonijiet tagħna għal Qtates ta’ max-Xatt. M’intix ċerta dwar xiex qed nitkellmu? Mela aqbad u kklikkja hawn u ara kif dan il-proġett ġenjali tagħna li jaqbad l-opra maħbuba għat-tfal li hija bbażata fuq il-ktieb oriġinali ta’ Clare Azzopardi u jaqlibha f’teatru tal-pupazzi. L-applikanti magħżula jiġu msejħa għal audition live aktar tard dan ix-xahar. X’qed tistenna? Applika issa!
L-applikazzjonijiet għall-Atelier Francis Ebejer se jiftħu wkoll fil-ġimgħat li ġejjin. Dan huwa ċ-ċans tiegħek li tifforma parti mit-tieni sena tal-Atelier. Il-proġett huwa mmexxi minn Teatru Malta, u jiġbor flimkien applikanti xierqa li huma interessati jiffurmaw parti minn dan il-grupp ikkurat ta’ individwi biex jiddiskutu, jaħdmu, jaqraw, u jikkritikaw it-teatru. L-għan ewlieni tal-proġett huwa li jservi ta’ pjattaforma għal diskussjonijiet miftuħa dwar it-teatru li tippermetti lill-applikanti jsiru parteċipanti fil-promozzjoni tal-industrija tagħna għal waħda professjonali. L-Artisti Assoċjati ta’ Teatru Malta flimkien mad-diretturi artistiċi ta’ Teatru Malta, Spazju Kreattiv, u Teatru Manoel se jikkollaboraw fuq dan bil-għan li jgħinu lil dawk li jagħmlu t-teatru permezz ta’ mezzi bħall-ħolqien ta’ workshops, konsulenzi, qari ta’ skripts, u saħansitra jtellgħu xi xeni. L-applikazzjonijiet se joħorġu dalwaqt.
L-aktar proġett ġdid u reċenti tagħna, Każin 60+, se jkun qed iniedi sejħa ta’ interess aktar tard fil-ġimgħat li ġejjin! Nistħajlukom tistaqsu, x’inhu dan? Tajjeb ngħidu biss li din is-sejħa hija maħsuba għal adulti anzjani li huma interessati jitgħallmu aktar dwar it-teatru. Dan il-proġett se jkun pjaċevoli u mimli logħob tat-teatru, improviżazzjonijiet, moviment u kant, kollha jsiru fi spazju kreattiv li jinqasam u jitgawda ma’ persuni li jaħsbuha l-istess minn oqsma differenti tal-ħajja. Dan huwa mod perfett biex tagħmel ħbieb ġodda u ovvjament titgħallem xi kapaċitajiet teatrali wkoll! Jekk int interessat li tifforma parti minn din il-komunità allura jekk jogħġbok żomm għajnejk fuq dan l-ispazju għal aktar aġġornamenti.
L-aħħar iżda żgur li mhix l-inqas aħbar tagħna hija dwar il-fatt li r-reġistrazzjonijiet għall-konferenza ETC se jitniedu ftit tal-ġimgħat oħra! Diġà ilna ngħidu ħafna dwar kemm aħna eċċitati li se nospitaw dan l-avveniment prestiġjuż fuq ix-xtut tagħna bl-appoġġ tal-Kunsill Malti għall-Arti, it-Teatru Manoel u Spazju Kreattiv!