Narawkom ilkoll il-ħabs!

Imħabbar il-Kast għal Manwel Dimech

Sa issa probabbilment indunajtu li ilna xi żmien nagħtu ħjiel sottili dwar proġett ġdid. Insomma, mhux eżattament ħjiel sottili qed nagħtu dwaru, sakemm ma tqisx il-graffiti fuq ħajt f’nofs Tas-Sliema mill-artist Twitch bħala ħjiel sottili!

Peress li aħna ma tantx nafu nkunu sottili u verament ma nistgħux niżvelaw ħafna aktar dwar il-proġett għalissa, kull mhu se nagħmlu hu li niżvelaw il-kast tagħna. Imma l-ewwel ejjew ngħidulkom x’inhu dan l-ispettaklu jew aħjar ngħidulkom xi ħaġa dwar il-protagonist ewlieni tiegħu: Manwel Dimech.

Xi wħud jgħidu li r-raġel kellu sejħa waħda vera: li jeħles lill-poplu Malti minn qtil mifni bl-oppressjoni, l-injoranza u l-biża’. Aħna naqblu, u għalhekk iddeċidejna li nagħmlu biċċa teatru mużikali dwaru. Ħabat ukoll li huwa ċ-ċentinarju mill-mewt tiegħu u dan jagħmel kollox aktar sensittiv.

Il-Qfil u l-Ħelsien Skont Manwel Dimech hija biċċa teatru mużikali, interpretata minn għajnejn l-attivist kuraġġuż li witta t-triq għall-ħelsien b’għarfien, ħsieb u perseveranza. Miktuba u taħt id-direzzjoni ta’ Victor Jacono, b’kompożizzjoni u direzzjoni mużikali ta’ Kris Spiteri, din il-produzzjoni inkredibbli se tittella’ mkien ħlief fil-ħabs militari l-antik ta’ Kordin – iva, sewwa rajt, u nassigurawk li dan mhux avveniment fejn tattendi, tpoġġi bilqiegħda, tarah u mbagħad titlaq u tinsa kollox, dan huwa avveniment fejn trid toqgħod bilwieqfa u timxi, u se jitħallew biss 50 ruħ jidħlu kull darba, għalhekk il-postijiet huma limitati immens.

Issa lura għall-kast stellari tagħna. Mhux se niżvelaw min se jkun qed jieħu lura r-rwol ta’ Dimech għalissa, imma ejja ngħidu li hu wiċċ familjari ħafna li interpreta ħafna uċuħ differenti matul is-snin. Allura jista’ bażikament ikun kull wieħed mill-ismijiet f’din il-lista!

Dan l-ispettaklu se jinkludi s-sehem ta’ (nifs qawwi ’l ġewwa) Debbie Scerri, Roger Tirazona, Joseph Zammit, Bettina Paris, Edward Mercieca, Karl Cassar, Stephen Oliver, Nikki Casar u Mark Tonna, Jackie Pace Delicata, Hannah Marie Attard, Michaela Fenech, Jonathan Mohnani, Marco Calleja, Andrew Barberi, Rambert Attard, Martina Schembri, Leah Mifsud, Gianluca Cilia u Jayden Micallef (nifs twil ’il barra).

Allura issa taf minn min hu magħmul il-kast, imma taqlax għajnejk minn hawn għax għandna aktar minn sempliċement poster kbir x’niżvelaw fil-jiem li ġejjin. Fil-fatt għandna ħafna aktar informazzjoni x’nagħtukom.

Teatru Malta fil-Festival Nazzjonali Tal-Ktieb b’żewġ sensiliet ġodda ta’ kotba

Teatru Malta nieda sitt pubblikazzjonijiet ġodda fjamanti taħt żewġ titli ta’ sensiliet separati fil-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2021 – Edizzjoni “Il-Ħanut tal-Kotba” fl-MFCC f’Ta’ Qali

Il-Proġett Klassiċi se jkopri x-xogħlijiet ta’ drammaturgi kanoniċi bħal Ionesco, Pinter, Rame u Fo, kollha tradotti għall-Malti, filwaqt li l-Programm Kitba Ġdida jagħti pjattaforma għal tliet stilel fost il-proġetti ta’ Teatru Malta, jiġifieri Raymond “Fight” Beck, VII (Sette) u L‑Interrogazzjoni.

Dawn il-pubblikazzjonijiet ġew żvelati fil-glorja ġdida kollha tagħhom, wara li ġew immaġinati mill-ġdid, tradotti u editjati sew, ilbieraħ waqt konferenza stampa mmexxija mill-editur tal-pubblikazzjoni Dr Marco Galea, Alfred Buttigieg ta’ LInterrogazzjoni, Andre Mangion ta’ Raymond Fight Beck u Simon Bartolo ta’ VII. Dan tal-aħħar għadu kif ingħata wkoll il-premju Terramaxka mill-Kunsill tal-Ktieb għar-rumanz tiegħu, Il-Kreatura tal-Bir.

Meta mistoqsi dwar il-Proġett Klassiċi Dr Marco Galea spjega li “dawn ix-xogħlijiet kienu tant importanti u rilevanti li ħassejna li għandhom ikunu disponibbli bil-Malti kif ukoll ippubblikati f’format aċċessibbli.” Huwa temm billi esprima t-tama tiegħu li jara aktar minn dawn id-drammi jittellgħu f’Malta fil-futur qarib permezz ta’ dan il-proġett.

Dwar il-Programm Kitba Ġdida Andre Mangion spjega kif li jkollu l-iskript tiegħu stampat u għad-dispożizzjoni ta’ ħaddieħor jippermetti lill-qarrej il-libertà li jieħu f’idejh l-irwol tad-direttur u jimmaġina d-dramm huwa nnifsu f’dawl li qatt ma kien perċepit qabel, u jagħtih wirt ġdid eċċitanti mhux neċessarjament possibbli kieku d-dramm ma kienx ippubblikat u faċilment disponibbli f’dan il-format.

Infakkrukom li Teatru Malta għadu b’ħalib ommu fi snienu fejn jidħol il-festival tal-ktieb, għalhekk ikollna bżonn il-kumpanija kollha li nistgħu niksbu! Se nkunu qed inbiegħu wkoll il-merkanzija ġdida fjamanta fuq l-istand tagħna allura xerred il-kelma u żurna bejn illum u s-7 ta’ Novembru.

Għal aktar informazzjoni dwar il-Proġett Klassiċi u l-Programm Kitba Ġdida jekk jogħġbok żur www.teatrumalta.org.mt.

Grazzi talli ġejtu

Li niftħu l-bibien għal udjenza kien diġà emozzjonali biżżejjed wara xhur ta’ navigazzjoni minn sensiela ta’ regolamenti, posponimenti u għeluq. Illum, filgħodu wara li temmejna l-ewwel produzzjoni tagħna mill-pandemija tal-Covid-19, inħossuna privileġġjati u grati li lestejna O. B’teatru mimli daqs bajda mingħajr distanza soċjali għall-ewwel darba f’daż-żmien kollu. Grazzi lill-udjenzi tagħna talli ġew lura, kif għidna għal darb’oħra, tassew konna qed inħossu n-nuqqas tagħkom.
O. ma kien ikun xejn mingħajr il-kitbiet tal-ġgant li huwa Oliver Friggieri, ikona letterarja u viżjonarju li x-xogħol tiegħu għadu rilevanti sal-lum, ġgant li ra u ħabb lil Malta għal dak li kienet tassew.
Fl-aħħar nett, grazzi lit-tim tagħna, kemm quddiem kif ukoll wara l-kwinti – Elaine u Ann- Marie grazzi talli kienu l-kolla li żżomm dan l-ispettaklu magħqud. Xejn ma kien ikun possibbli mingħajrkom. Ma jonqosx ukoll li nsemmu lil Bloc għas-sett, u lil Andrew Schembri u Late Interactive għad-dwal, ir-riċerkatur u l-assistent Gabriel Lia, il-koreografa Cheryl Lofreda u The MVMT talli biddlu dan ix-xogħol f’poeżija viżiva, lil Claire Tonna u Jamie Cardona talli rreċitaw il-kliem ta’ Oliver b’tant qawwa li faqgħu kull m’hemm, Chris Vella talli pprovda l-ħoss li kien it-taħbit tal-qalb mużikali ta’ dan l-ispettaklu, u lit-tim kollu tat- Teatru Manoel għall-appoġġ kontinwu tagħhom tul dan il-proċess.
X’eċċitament kien. Grazzi talli tajtuna l-opportunità. Narawkom dalwaqt.

L-ewwel lejl t’O.

L-ewwel lejl.

L-ewwel darba.

L-ewwel esperjenza.

L-ewwel lejl t’O. f’teatru mimli daqs bajda.

Is-sensazzjoni li konna lura ġot-teatru kienet diġà waħda sabiħa fiha nnifisha aħseb u ara tara teatru mimli, lest fuq ix-xwiek li jerġa’ jgħix il-meravilja tat-Teatru Manoel. L-ewwel darba. L-ewwel darba li qatt rajt il-letteratura Maltija mfissra b’dan il-mod daqstant artistiku. Il-kliem mirqum ta’ Prof.Friggieri mal-mużika elettronika u maż-żfin stil open style taż-żeffiena tal-concept of movement sar iniggeż ħafna iktar mis-soltu. L-udjenza kienet tinħass issumata, kultant riedet tikser is-skiet b’ċapċipa kbira imma ħasset li kien għadu mhux il-waqt għax l-emozzjoni kienet għadha se tintesfika. L-ewwel esperjenza. L-ewwel esperjenza tiegħi fil-kaxxa biswit dik tad-dawl, nieħu ħsieb is-sustitli li traduċejt wara xhur ta’ qari, analiżi, riċerka u kurazzjoni tal-kitbiet tal-Prof.Friggieri.

Ma’ kull nifs, ma’ kull moviment, ma’ kull vokalizazzjoni l-kelma ħadet il-ħajja u daħlet dritt fil-qalb tal-udjenza li kienet tinħass qiegħda tixtarr dil-lingwa immortali, daqslikieku kollox inkiteb ilbieraħ għal ġenerazzjoni tal-lum. Malli nagħlqet il-purtiera, iċ-ċapċipa li kienu ilhom biex iċapċpu dwiet u n-nies qamu bilwieqfa biex jonoraw lill-politiku li qatt ma ħa ġurament tal-ħatra imma li għalih Malta magħquda kienet waħda mix-xewqat ewlenija. Kelma waħda ‘ġmiel’.

Ara ħa nibdew. 5 minutes to go – Gabriel 

Gabriel Lia huwa r-Riċerkatur u Kuratur tal-kitba ta’ O. 

Nassaba – Song of A Bird Ġejja Lura d-Dar

🇲🇹Nassaba: Song of a Bird 🐦ta’ Jimmy Grima reġgħet lura mit-tour tagħha fl-Olanda u l-Isvizzera. Tliftuha l-ewwel darba? Jew forsi tixtiequ tarawha mill-ġdid? B’xortikom! Għax din il-performance tant milqugħa tajjeb mill-kritika reġgħet lura f’darha u se tittella’ fit-30 ta’ Ottubru fl-Istitut Kattoliku tal-Furjana!

🎫 Il-biljetti għall-ispettaklu jiswew biss €10 u jistgħu jinxtraw mill-ħolqa t’hawn

 

Ir-Ritorn ta’ Teatru Malta għall-ĦRF/XTW 2021/22

Id-direttur artistiku ta’ Teatru Malta Sean Buhagiar, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Dr Jose Herrera u l-President Eżekuttiv tal-Arts Council Malta Albert Marshall nedew il-programm tal-istaġun il-ġdid ta’ Teatru Malta fis-Sala Friggieri ġewwa l-Valletta Design Cluster aktar kmieni llum.

Albert Marshall qal, ‘’Id-dinamika u r-reżiljenza ta’ Teatru Malta brillaw matul dawn l-aħħar xhur tal-pandemija li matulhom Teatru Malta assiguraw li jkomplu jiżviluppaw proġetti futuri għas-snin li ġejjin.”

Il-Programm tal-Avvenimenti għall-Ħarifa/Xitwa, l-ewwel wieħed mill-2020, li fih xogħol ta’ arti oriġinali mill-artista tal-collage Fabio D’Amato, issa huwa disponibbli b’xejn mill-ħwienet kollha tal-Agenda Bookshop, WHSmith u 8tillLate madwar Malta u Għawdex. Il-programm jenfasizza x-xogħol li l-kumpanija nazzjonali tat-teatru ħadmet biex tiżviluppa matul il-pandemija.

“Ninsabu kuntenti li qed nerġgħu lura fir-rwol tagħna bħala l-kumpanija nazzjonali tat-teatru għall-udjenzi tagħna, billi qed nippreżentaw programm li jista’ jeżisti biss hawn Malta waqt li nikkollaboraw ma’ wħud mill-ikbar ismijiet tat-teatru fid-dinja,” qal Buhagiar.

Varjetà ta’ avvenimenti jidhru f’dan il-programm ikkulurit, li jiftaħ b’performace tat-teatru taż-żfin “O”. Iddedikata lill-mibki Oliver Friggieri, sena wara l-mewtu, “O” se tittella’ b’direzzjoni ta’ Buhagiar, koreografija ta’ Cheryl Lofreda u interpretazzjoni ta’ MVMT, Jamie Cardona u Clare Tonna, b’mużika oriġinali ta’ Chris Vella. Se ssir fit-Teatru Manoel, li reċentament għadda minn proċess ta’ restawr. Biljetti għall-avveniment issa huma disponibbli online, hekk kif il-performance se tittella’ fid-29 ta ’Ottubru għal kapaċità ta’ udjenza limitata.

Dan huwa programm li tassew jaħseb għal udjenzi ta’ kull età . L-opra tat-tfal, li tant messet qlub, Il-Qtates ta’ max-Xatt issa ġiet adattata bħala performance ta’ teatru bil-pupazzi mill-pupazzier Sean Briffa u l-artisti Jeremy Grech u Clare Ghigo. L-ispettaklu huwa disponibbli għall-iskejjel madwar il-gżejjer Maltin u se jsir fl-Esplora Planetarium.

Matul it-tnedija, il-Ministru Herrera ħabbar li b’mod partikolari l-Ministeru se jkun qed jippreżenta avviż legali li jistabbilixxi lil Teatru Malta bħala aġenzija stand-alone, li sservi bħala l-kumpanija nazzjonali tat-teatru ta’ Malta. Dan l-avviż legali se jitnieda b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Malti għall-Arti u l-Kultura. 

“Bħala gvern, ninsabu impenjati biex nkomplu nsaħħu s-settur kulturali b’mod li nkomplu noffru aktar aċċessibilta lill-komunita tagħna. Permezz tal-programm li qed inniedu illum għall-iskeda tal-Ħarifa/Xitwa, Teatru Malta qed toffri għażla vasta ta’ produzzjonijiet li jitrattaw temi interessanti u rilevanti, b’mod li nkomplu nżidu l-attendenza ta’ udjenzi ġodda, li tipikament m’humiex midħla tat-teatru,” sostna l-Ministru Jose Herrera. Huwa kompla li qed isiru bosta kollaborazzjonijiet ma’ entitajiet kulturali sabiex jitwassal dan il-programm varjat, kif ukoll kollaborazzjoni ma’ Ministeri u organizzazzjonijiet oħra rilevanti, sabiex inkomplu inżidu fuq l-innovazzjoni fi ħdan is-settur.  

Teatru Malta se jkun qed jaħdmu ukoll fuq strateġija ta’ ħames snin b’konsultazzjoni mal-artisti assoċjati tagħhom Paul Portelli, Lee-n Abela, Jimmy Grima, Marta Vella, Simon Bartolo u Simone Spiteri. L-istrateġija se tiġi ppreżentata għall-konsultazzjoni pubblika fi żmien li ġej.

 Wieħed mill-aktar proġetti stimulanti bħalissa għal Teatru Malta huwa l-konferenza tal-Konvenzjoni tat-Teatru Ewropew (ETC) li Teatru Malta se jospita f’Ottubru bl-appoġġ tal-Kunsill Malti għall-Arti u l-Kultura, Teatru Manoel u Spazju Kreattiv. Il-programm tal-konferenza se jinkludi wkoll vetrina ta’ avvenimenti kkurata minn artisti lokali, inkluż il-produzzjoni tat-tour Nassaba: Song of a Bird ta ’Jimmy Grima, li se tkun miftuħa wkoll għall-pubbliku u se ssir fit-30 ta’ Ottubru fl-Istitut Kattoliku tal-Floriana.

 Produzzjonijiet oħra li jispikkaw jinkludu Il-Qfil u l-Ħelsien Skont Manwel Dimech, performance mużiko-teatrali speċifika għas-sit, bi storja ta’ Victor Jacono u Kris Spiteri, li ser tittella’ f’Novembru fil-Ħabs l-Antik f’Kordin u d-dramm bijografiku Drago, miktub minn André Mangion u ispirat mill-ħajja tal-plejer professjonali u leġġendarju tal-isnooker u l-pool Tony Drago.

 Il-gwardarobba ta’ Teatru Malta issa hija wkoll disponibbli onlajn, li jfisser li issa tista’ tara l-highlights mill-katalgu estensiv tal-kostumi tagħhom. Dawn il-kostumi kollha huma wkoll disponibbli biex jinkrew. Il-merchandise b’edizzjoni limitata ta’ Teatru Malta, imniedi reċentement b’kollaborazzjoni ma’ Souvenirs That Don’t Suck, issa jinsab ukoll online, disponibbli biex jinxtara permezz tal-website ta’ Teatru Malta.

Għal aktar informazzjoni dwar l-aħħar programm tal-avvenimenti ta’ Teatru Malta, jekk jogħġbok żur www.teatrumalta.org.mt jew segwihom fuq il-paġni ta’ Facebook u Instagram tagħhom.

 

 

 

TEATRU MALTA ĦRF-XTW 2021/22

Teatru Redifjuxin Ep.4: Charlotte Grech

 Il-mistiedna li jmiss ta’ #TeatruRedifjuxin tagħna mhi ħadd ħlief l-attriċi Charlotte Grech… jew Stafrace?  Issa dik tiċċarahielna ftit hi fil-podcast il-ġdid tagħna. Hekk kif niltaqgħu mal-wisq talentuża Charlotte, hi tgħidilna aktar dwar it-teatru ta’ żmien “Tigne” kif ukoll telabora fuq il-proġett li qed nagħmlu dan l-aħħar flimkien: KażinSittin+ — li Charlotte bħalissa qed tmexxi.
Ismagħna u segwina permezz tal- holqa hawn