Narawkom ilkoll il-ħabs!
Imħabbar il-Kast għal Manwel Dimech
Sa issa probabbilment indunajtu li ilna xi żmien nagħtu ħjiel sottili dwar proġett ġdid. Insomma, mhux eżattament ħjiel sottili qed nagħtu dwaru, sakemm ma tqisx il-graffiti fuq ħajt f’nofs Tas-Sliema mill-artist Twitch bħala ħjiel sottili!
Peress li aħna ma tantx nafu nkunu sottili u verament ma nistgħux niżvelaw ħafna aktar dwar il-proġett għalissa, kull mhu se nagħmlu hu li niżvelaw il-kast tagħna. Imma l-ewwel ejjew ngħidulkom x’inhu dan l-ispettaklu jew aħjar ngħidulkom xi ħaġa dwar il-protagonist ewlieni tiegħu: Manwel Dimech.
Xi wħud jgħidu li r-raġel kellu sejħa waħda vera: li jeħles lill-poplu Malti minn qtil mifni bl-oppressjoni, l-injoranza u l-biża’. Aħna naqblu, u għalhekk iddeċidejna li nagħmlu biċċa teatru mużikali dwaru. Ħabat ukoll li huwa ċ-ċentinarju mill-mewt tiegħu u dan jagħmel kollox aktar sensittiv.
Il-Qfil u l-Ħelsien Skont Manwel Dimech hija biċċa teatru mużikali, interpretata minn għajnejn l-attivist kuraġġuż li witta t-triq għall-ħelsien b’għarfien, ħsieb u perseveranza. Miktuba u taħt id-direzzjoni ta’ Victor Jacono, b’kompożizzjoni u direzzjoni mużikali ta’ Kris Spiteri, din il-produzzjoni inkredibbli se tittella’ mkien ħlief fil-ħabs militari l-antik ta’ Kordin – iva, sewwa rajt, u nassigurawk li dan mhux avveniment fejn tattendi, tpoġġi bilqiegħda, tarah u mbagħad titlaq u tinsa kollox, dan huwa avveniment fejn trid toqgħod bilwieqfa u timxi, u se jitħallew biss 50 ruħ jidħlu kull darba, għalhekk il-postijiet huma limitati immens.
Issa lura għall-kast stellari tagħna. Mhux se niżvelaw min se jkun qed jieħu lura r-rwol ta’ Dimech għalissa, imma ejja ngħidu li hu wiċċ familjari ħafna li interpreta ħafna uċuħ differenti matul is-snin. Allura jista’ bażikament ikun kull wieħed mill-ismijiet f’din il-lista!
Dan l-ispettaklu se jinkludi s-sehem ta’ (nifs qawwi ’l ġewwa) Debbie Scerri, Roger Tirazona, Joseph Zammit, Bettina Paris, Edward Mercieca, Karl Cassar, Stephen Oliver, Nikki Casar u Mark Tonna, Jackie Pace Delicata, Hannah Marie Attard, Michaela Fenech, Jonathan Mohnani, Marco Calleja, Andrew Barberi, Rambert Attard, Martina Schembri, Leah Mifsud, Gianluca Cilia u Jayden Micallef (nifs twil ’il barra).
Allura issa taf minn min hu magħmul il-kast, imma taqlax għajnejk minn hawn għax għandna aktar minn sempliċement poster kbir x’niżvelaw fil-jiem li ġejjin. Fil-fatt għandna ħafna aktar informazzjoni x’nagħtukom.