Teatru Malta fil-Festival Nazzjonali Tal-Ktieb b’żewġ sensiliet ġodda ta’ kotba
Teatru Malta nieda sitt pubblikazzjonijiet ġodda fjamanti taħt żewġ titli ta’ sensiliet separati fil-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2021 – Edizzjoni “Il-Ħanut tal-Kotba” fl-MFCC f’Ta’ Qali
Il-Proġett Klassiċi se jkopri x-xogħlijiet ta’ drammaturgi kanoniċi bħal Ionesco, Pinter, Rame u Fo, kollha tradotti għall-Malti, filwaqt li l-Programm Kitba Ġdida jagħti pjattaforma għal tliet stilel fost il-proġetti ta’ Teatru Malta, jiġifieri Raymond “Fight” Beck, VII (Sette) u L‑Interrogazzjoni.
Dawn il-pubblikazzjonijiet ġew żvelati fil-glorja ġdida kollha tagħhom, wara li ġew immaġinati mill-ġdid, tradotti u editjati sew, ilbieraħ waqt konferenza stampa mmexxija mill-editur tal-pubblikazzjoni Dr Marco Galea, Alfred Buttigieg ta’ L–Interrogazzjoni, Andre Mangion ta’ Raymond Fight Beck u Simon Bartolo ta’ VII. Dan tal-aħħar għadu kif ingħata wkoll il-premju Terramaxka mill-Kunsill tal-Ktieb għar-rumanz tiegħu, Il-Kreatura tal-Bir.
Meta mistoqsi dwar il-Proġett Klassiċi Dr Marco Galea spjega li “dawn ix-xogħlijiet kienu tant importanti u rilevanti li ħassejna li għandhom ikunu disponibbli bil-Malti kif ukoll ippubblikati f’format aċċessibbli.” Huwa temm billi esprima t-tama tiegħu li jara aktar minn dawn id-drammi jittellgħu f’Malta fil-futur qarib permezz ta’ dan il-proġett.
Dwar il-Programm Kitba Ġdida Andre Mangion spjega kif li jkollu l-iskript tiegħu stampat u għad-dispożizzjoni ta’ ħaddieħor jippermetti lill-qarrej il-libertà li jieħu f’idejh l-irwol tad-direttur u jimmaġina d-dramm huwa nnifsu f’dawl li qatt ma kien perċepit qabel, u jagħtih wirt ġdid eċċitanti mhux neċessarjament possibbli kieku d-dramm ma kienx ippubblikat u faċilment disponibbli f’dan il-format.
Infakkrukom li Teatru Malta għadu b’ħalib ommu fi snienu fejn jidħol il-festival tal-ktieb, għalhekk ikollna bżonn il-kumpanija kollha li nistgħu niksbu! Se nkunu qed inbiegħu wkoll il-merkanzija ġdida fjamanta fuq l-istand tagħna allura xerred il-kelma u żurna bejn illum u s-7 ta’ Novembru.
Għal aktar informazzjoni dwar il-Proġett Klassiċi u l-Programm Kitba Ġdida jekk jogħġbok żur www.teatrumalta.org.mt.