Daniel Azzopardi
Biografija
Daniel Azzopardi huwa ggradwat fl-Istudji Teatrali mill-Università ta’ Malta u għandu wkoll Masters fil-Ġestjoni u Politika Kulturali Internazzjonali mill-Università ta’ Warwick. Wara l-istudji tiegħu f’Malta huwa ssokta bit-taħriġ estensiv fl-arti performattiva fl-Ewropa u r-Renju Unit fejn, fost oħrajn, kiseb akkreditazzjoni distinta minn The London Academy of Music and Dramatic Arts (LAMDA) u The Royal Academy of Dramatic Art (RADA).
Ir-rwoli fir-reċtar tiegħu jinkludu lil Mr Twit fil-produzzjoni ta’ Teatru Qroqq The Twits ta’ Roald Dahl, Mr Kidd f’The Room ta’ Harold Pinter b’direzzjoni ta’ Jon Rosser, Bottom f’A Midsummer Night’s Dream ta’ Shakespeare b’direzzjoni ta’ Lino Farrugia, Oedipus f’Medea ta’ Euripides mad-Drama Centre, Pierrot f’Don Juan ta’ Molière ma’ Chris Gatt, Romeo f’Romeo & Juliet ta’ Shakespeare b’direzzjoni ta’ Albert Marshall, L-Avukat f’Ospizio ta’ Theatre Anon, Thomas DeOrea fil-produzzjoni ta’ Dù Theatre ta’ Il-Marid Immaġinarju ta’ Molière, Hamlet f’Continue Hamlet ta’ Cie Yan Duyvendak, u Bérenger f’Rinoċeronti ta’ Eugène Ionesco b’ direzzjoni ta’ Michael Fenech.
Daniel huwa wkoll attur ippremjat tat-TV li ħa sehem f’għadd ta’ sensiliet mfaħħra f’karattri bħal Benjamin Sultana f’Deċeduti, Dr Lewis Bonello f’Il-Klikka, Gwido Testaferrata fi Strada Stretta u riċentament bħala Tonin f’L-Għarusa.