GĦAL JUM DINJI TAT-TEATRU NIKXFU FTIT MIN DAK LI ĠEJ FL-2019!

Wara li Oliver Friggieri ingħata l-Unur għall-Karriera Artistika’ fil-Premju għall-Arti, b’eċitament nistgħu inħabbru li ilna naħdmu biex intellgħu addatament ġdid tar-rumanz sinonimu mal-Profs Friġġieri: FIL-PARLAMENT MA’ JIKBRUX FJURI f’Ottubru 2019. L’addatament għal-palk se jkun ta’ Immanuel Mifsud. Aktar dettalji jitħabbru mal-bqija tal-programm tal-2019.

Ritratt: Arts Council Malta

Is-Serra: Noħolqu Kuxjenza u Nagħtu Xi Ħaġa Lura!

Teatru Malta se tipproduċi x-xogħol provokanti ‘The HotHouse’ ta’ Harold Pinter, maqlub għall-Malti għall-ewwel darba bħala ‘Is-Serra’. Dan id-dramm mhux biss se jittratta istituzzjoni mental bħala suġġett, imma se jittella’ fit-Teatru tal-Komunità, fl-Isptar Monte Karmeli.

IS-SERRA hija xogħol ta’ Pinter dwar karattri daqxejn strambi li jmexxu istituzzjoni mentali. Aħna rridu noħolqu kuxjenza għax nemmnu f’Teatru relevanti, imma nafu li m’aħniex se nsolvu problemi waħedna. Nixtiequ ngħinu li min qiegħed jagħmel differenza.

Għalhekk, Teatru Malta se jagħti 25% mil-biljetti lill-Fundazzjoni Richmond Malta, li taħdem bis-sħiħ għall-promozzjoni tas-saħħa mentali.

Aktar dettalji hawn.

Iva, illum niċċelebraw il-Ġurnata Dinjija tat-Teatru!

F’din il-ġurnata straordinarja bosta komunitajiet teatrali jiċċelebraw b’bosta attivitajiet u avvenimenti eċitatantii. Fil-fatt, eżatt bħal-lum sena, tnediet il-‘brand’ ta’ Teatru Malta. U x’se jiġri din is-sena? Għandna skont ta’ 25% għall-produzzjoni li jmiss tagħna, ‘Is-Serra’, se jingħataw lilkom kollha, u dan mhux kollox. Żommu għajnejkom fuqna, għaliex daqt se ndewqulkom il-programm tal-2019, kemm kemm naqtgħulkom il-kurżità.

 

 

 

Teknika. Teknika. Teknika. / Il-Klassi tas-Surmast: Claudia Contin Arlecchino

Il-kelma ‘teknika’ tiddefinixxi sengħa jew ħila partikolari meħtieġa fi ħdan qasam speċifiku, normalment għall-finijiet ta’ xogħol. Matul perjodu ta’ għaxar sigħat fuq il-jumejn li matulhom saret il-klassi tas-surmast teatrali prattika, ir-ripetizzjoni ta’ din il-kelma partikolari żgur li saret għal xi mitt darba minn persuna partikolari – Claudia Contin Arlecchino. Contin hija magħrufa bħala esperta tal-forma teatrali tal-Commedia dell’Arte u kif jgħid isimha stess u anke l-passaport uffiċjali, hija l-personifikazzjoni tal-maskra u l-karattru ta’ Arlecchino. Din l-okkażjoni tat l-opportunità lill-istudenti – kif ukoll lili u lill-prattikanti tat-teatru – biex nintilfu f’dinja kompletament teknika ta’ immaġinazzjoni kreattiva, partikolarment l-istil u, ovvjament, it-teknika.

Minħabba l-fatt li jien attur li għadni qed nikber, kif ukoll student tal-istudji teatrali fl-Università ta’ Malta, kelli x-xorti li kont smajt diġà bil-Commedia dell’Arte. Mil-lekċers li attendejt u mir-riċerka personali tiegħi, nista’ nipprova niddefinixxi l-Commedia bħala forma ta’ teatru popolari li oriġina mis-seklu sittax li jiffoka fuq ix-xogħol fi grupp u l-improvviżazzjoni, u li ta’ spiss kien iseħħ f’qafas konkret ta’ diversi maskri u sitwazzjonijiet definiti minn qabel. Fil-fatt, l-atturi professjonali li għażlu li jispeċjalizzaw fi rwol speċifiku wieħed – u li aktar tard saru magħrufin komunement bl-isem tal-maskra tagħhom eż. Arlecchino – żviluppaw tekniki partikolari li komplew iżidu mal-popolarità tat-truppi tal-Commedia madwar l-Ewropa kollha sekli ilu. Sakemm kont għadni ma rajtx lil Contin fuq il-palk bħala Arlecchino, kont nemmen li l-aspett prattiku ta’ din il-forma ta’ arti intilef matul iż-żminijiet. Madanakollu, issa biddilt fehmti u lest li niddikjara li l-istil tal-Commedia dell’Arte għadu tassew ħaj u qawwi. Dan huwa bla dubju grazzi għax-xogħol li qed isir minn Contin u l-kollegi professjonali tagħha.

Claudia Contin bdiet it-taħriġ tagħha ’l fuq minn tletin sena ilu, taħt l-imgħallmin il-kbar tat-teatru fiżiku ta’ dak iż-żmien. Minkejja li dan jimplika li seta’ kellha kollox lest għaliha, wara li tħarriġt taħt il-gwida tagħha għal jumejn, ħareġ ċar li din il-forma tal-arti tirrikjedi l-ikbar preċiżjoni kif ukoll sens kbir ta’ dixxiplina – xi ħaġa li Contin jidher li rnexxielha tipperfezzjona tul l-għexieren ta’ snin li ilha taħdem fil-Commedia. Għaldaqstant, peress li rċiviet taħriġ teatrali u fiżiku taħt dawk li aħna nqisu bħala l-ikbar prattikanti ta’ żmienhom, bħal Jacques Lecoq, Contin stabbilixxiet il-karriera fenomenali tagħha madwar l-aspirazzjoni li tifrex l-għarfien kbir tagħha lill-ġenerazzjonijiet ta’ warajha li jfittxu gwida tajba, bl-istess mod kif kienet għamlet hi ftit taż-żmien ilu.

M’hemmx ritratti jew vidjows tal-imgħallmin tal-Commedia tas-seklu sittax li nistgħu naraw, iżda baqa’ biss deskrizzjonijiet ikkuluriti, illustrazzjonijiet, u noti dwar maskri partikolari u l-ġesti individwali tagħhom. Dawn il-ġesti ġew żviluppati u pperfezzjonati tul is-sekli minn diversi ġenerazzjonijiet li wirtu dan l-istil teatrali importanti li jirrikjedi tant sengħa. Ġesti li jien stajt nimita u li nittama li nirreplika f’xogħli fil-ġejjieni, grazzi għal darb’oħra għat-tagħlim ta’ Contin. Minkejja li l-ispettakli u l-workshops ta’ dak il-weekend seħħew għal ħin qasir u kienu limitati għal ftit sigħat fuq ftit jiem, Contin irnexxielha tgħallem, tenfasizza u tgħaddi l-fehim, it-twemmin u l-imħabba straordinarji li għandha lejn il-Commedia.

Ferruccio Merisi – li jiġi fuq Contin u li ilu kollega tagħha għal aktar minn għoxrin sena, żied dimensjoni differenti għall-parti finali tal-klassi tas-surmast. L-enfasi primarja tiegħu kienet l-iżvilupp tal-vuċi, flimkien mal-‘logħob’ naturali li jrid iseħħ fi ħdan sitwazzjonijiet improvviżati. Minkejja li aħna l-istudenti li konna qed nieħdu sehem fil-workshop improvviżajna biss matul ċerti eżerċizzji, ħareġ ċar kif is-suġġerimenti u l-gwida ta’ Merisi għenu lil Contin tikseb il-ħiliet tagħha ta’ improvviżazzjoni u ta’ logħob pur, li issa tuża fl-ispettakli tagħha.

Il-Commedia dell’Arte hija l-enfasi primarja ta’ Contin u Merisi, iżda żgur li mhijiex l-unika waħda.

Il-workshops u l-programmi li kellna kuljum taw rwol importanti wkoll lill-poeżija tal-vuċi, lill-movimenti ġestikolati kontemporanji tal-ġisem, u lit-teknika meħtieġa għall-iżvilupp ta’ diversi karattri. Fil-fatt, il-klassi tas-surmast li seħħet fuq jumejn, inkorporat ukoll elementi mhux biss tal-Commedia, iżda anke ta’ mima u interpretazzjoni tal-vuċi, biex ma nsemmux l-influwenza tat-teatru Kathakali u t-tekniki taż-żfin Egizzjan biż-żaqq li tejbu t-taħriġ u l-ispettakli ta’ Contin b’mod ġenerali.

Barra minn hekk, waħda mill-affarijiet estremament attwali u rilevanti għall-ġenerazzjoni tal-lum u għas-settur kreattiv, fil-fehma tiegħi hija t-twaħħid tal-elementi soċjali u stilistiċi li jinkludu l-ġeneru u r-rwoli pre-stabbiliti (type-casting). B’dan f’moħħha, Contin jirnexxilha tesprimi l-kunċett passat tal-mara kompletament iffemminata u, b’kuntrast, tar-raġel kompletament matur. Illum il-ġurnata, dawn in-nozzjonijiet jistgħu jiġu skambjati bejniethom u m’għadhomx jintużaw kif kienu – idea li ġeneralment hija n-norma fi ħdan il-prattika tal-Commedia.

Jekk inneżżgħu l-workshop kollu għall-elementi ewlenin tiegħu, nistgħu ngħidu li Contin u l-kollegi tagħha għallmuna l-importanza tal-kunċetti li ġejjin: li naħdmu bil-ġisem biex niksbu qawwa fiżika kompluta billi neliminaw prattikament kull tip ta’ psikoloġija biex niffukaw fuq it-teknika – għax dan huwa dak li hu verament kruċjali fil-Commedia, u għaldaqstant jenfasizza kontinwament il-ħtieġa għal livell ta’ kompetenza u teknika li jmur fil-fond. Kif qalet Contin b’mod perfett: “Wieħed irid jitgħallem kif iħarreġ il-ġisem biex ikun lest għal kollox, kemm fuq il-palk u anke fil-ħajja.”

Tul l-interpretazzjoni tagħha ta’ Arlecchino, joħroġ ċar li Contin għandha ħafna x’toffri. Fis-sens ta’ enerġija pura u diretta, flimkien ma’ ħajja twila ta’ esperjenzi, tekniki u stili differenti li jgħaġġbu lil dawk kollha li kienu xhieda tal-artistrija tagħha. Billi kont parteċipant, osservatur u student għall-ħila pura ta’ Contin dwar din il-forma ta’ arti partikolari, nemmen li jien privileġġjat biżżejjed li nista’ ngħid li ħadt gost ħafna, tgħallimt u ġejt ispirat!

Minn qalbi nirringrazzja lil Contin infisha, flimkien mal-professjonisti li jakkumpanjawha, lil Teatru Malta talli tana din l-opportunità inkredibbli, lid-Dipartiment tal-Istudji Teatrali fl-Università ta’ Malra, lill-Professur Vicki Ann Cremona għall-ħiliet ta’ traduzzjoni uniċi tagħha, kif ukoll lil dawk kollha li kellhom sehem dirett biex ġabu din l-esperjenza fenomenali mhux biss lejn il-gżira tagħna, imma direttament fuq l-għatba tagħna.

Iċ-ċelebrazzjoni tal-Jum tal-Commedia dell’Arte 2018 ma’ Claudia Contin Arlecchino kienet esperjenza verament li ma tintesiex. U waħda li se nżomm f’qalbi għal ħafna u ħafna snin.

AL

Alexander Gatesy Lewis

One-Act Play Festival / Tnedija!

Kun parti mill-Festival tad-Drammi f’Att Wieħed tal-MADC ta’ din is-sena!

Jekk ħsibt li qiegħed tard, tibża’ xejn!

L-iskadenza għall-applikazzjonijiet ġiet ESTIŻA SAD-19 TA’ MARZU 2018!

Issa tafu kif taħdem – jintgħażlu ħames drammi f’att wieħed li mbagħad jittellgħu fil-Playhouse tal-MADC stess f’Settembru. Din is-sena qed isir f’kollaborazzjoni ma’ Teatru Malta u se jinkludi wkoll programm ta’ mentorship qabel il-festival għal drammaturgi u diretturi emerġenti.

L-ewwel avveniment f’sensiela ta’ avvenimenti mfassla apposta għat-teatru se jkun workshop mad-drammaturgu rispettat Brad Birch. Imwieled Wales, Birch huwa rebbieħ tal-Pinter Commission.

Dan il-workshop se jiffoka fuq il-prinċipji tad-drama, u se jiffoka fuq l-istruttura u l-karattri, kif ukoll fuq l-essenza ta’ xi tfisser li wieħed ikun drammaturgu fis-seklu 21 – għal din l-edizzjoni se ssir referenza speċjali għax-xogħol ta’ Harold Pinter… u min aħjar minn Birch biex ikellimna dwar Pinter?

Wara se jkun hemm Meet & Greet, biex il-parteċipanti kollha jkollhom iċ-ċans jitħalltu u jitkellmu fuq daqsxejn ikel u xorb ma’ rappreżentanti tal-MADC u ta’ Teatru Malta, kif ukoll ma’ drammaturgi u diretturi emerġenti oħrajn – opportunità eċitanti (avolja qed ngħiduha aħna) biex jagħmlu networking u jiddiskutu kollaborazzjonijiet possibbli għall-Festival ta’ din is-sena tad-Drammi f’Att Wieħed.

Tixtieq tibbukkja post għall-workshop ma’ Brad Birch? Mela isa, taħlix ħin, ibagħtilna email fuq contact@teatrumalta.org.mt u bbukkja postok!

U jekk għadek m’applikajtx biex tikteb/tidderieġi għall-Festival ta’ Drammi f’Att Wieħed ta’ din is-sena: tistħix, għafas hawn u applika

Il-Qarċilla ddaħħak l-Ħamrun u tpassi lejn Għawdex. Rappreżentazzjoni oħra miżjuda l-Belt, għada!

Ħafna nies marru l-Ħamrun biex jaraw l-atturi bravi tagħna jagħtu ħajja l-iskript satiriku ta’ Leanne Ellul li hekk saret uffiċjalment l-ewwel mara li kitbet il-Qarċilla fl-istorja tat-Teatru ta’ Malta. L-Għarusa Karfusa kellha l-premiere tagħha fit-triq prinċipali tal-Ħamrun waqt il-Karnival. Oħrajn waqfu hekk kif raw l-atturi li jinku l-udjenza bis-satira, kummiedja, mima, u ħafna fantasija. Ħafna baqgħu imbellħa kif semgħu l-lingwa Maltija mitkellma b’kull xorta ta’ aċċenti, b’atturi Franċiżi u Taljani fuq il-palk li taw il-Qarċilla dimensjoni Ewropeja.

Sadanittant, peress li r-rappreżentazzjonijiet tas-Sibt ġewwa l-Belt ġew imħassra minħabba t-temp, ġiet miżjuda rappreżentazzjoni għal għada fit-15:00 l-Belt Valletta, quddiem il-Parlament.

Dettalji fuq it-tim u l-bqija tar-rappreżentazzjonijiet tista’ tinsab hawn.

 

Awdizzjonijiet għall-IKLA T-TAJBA.

Mistiednin għall-Ikla Tajba.

ATTURI, ŻEFFIENA U DAWK KOLLHA LI JAGĦMLU XI FORMA TA’ ARTI PERFORMATTIVA’. 

 

Id-direttriċi Rumena Nona Ciobanu magħrufa għal ħafna xogħolijiet kemm kontemporanji u kemm klassiċi li jinkludu teatru fiżiku u viżiv f’bosta teatru prestiġjużi mal-Ewropa u l-Amerika, u anke fi proġetti f’siti speċifiċi u installazjonijiet. Ciabanu ħadmet għall fost l-aqwa kumpaniji teatrali u universitajiet fl-Ewropa.

Aktar dettalji fuq il-proġett hawn. Dettalji fuq xi trid tagħmel jekk interessat hawn.

 

Xi dwejjaq: Ir-rappreżentazzjonijiet tal-lum (10 ta’ Frar) tal-Qarċilla ġew imħassra. Narawkom għada.

Minħabba l-fatt li l-attivitajiet kollha tal-Karnival Nazzjonali fil-Belt Valletta tal-lum s-Sibt 10 ta’ Frar ġew ikanċellati minħabba t-temp ħażin u l-ħsarat li saru, Teatru Malta kellha tħassar il-prestazzjonijiet kollha tal-lum, jiġifieri dawk tal-17:00, is-18:00 u is-19:00.

Il-bqija tal-programm tal-Qarċilla: L-Għarusa Karfusa se jkompli kif skedat.

Ħamrun: 11 ta’ Frar fid-09.30
Victoria: 11 ta’ Frar fit-15.30
Nadur: 11 ta’ Frar fit-20.30
Ħal-Għaxaq: 12 ta’ Frar fis-19.30

Aktar żvilluppi jiġu kkomunikati hawn fuq dan is-sit u fuq il-media soċjali tagħna.  Aktar informazzjoni fuq il-Qarċilla l-Għarusa Karfusa tinstab hawn.

 

 

 

Imħabbar Il-Kast ta’ Raymond “Fight’ Beck!

Illum tħabbar kast stellari għal Raymond Fight Beck, il-produzzjoni ta’ Teatru Malta li għandha tiddebutta f’Marzu. Miktuba mill-Kittieb Emerġenti ta’ din is-sena André Mangion, l-iskript oriġinali ġie żviluppat u msaħħaħ b’mod li issa huwa lest għall-ġlied. L-attur magħruf John Montanaro se jinterpreta r-rwol prinċipali ta’ Raymond Beck, filwaqt li t-tant maħbub Davide Tucci se jagħmel il-parti ta’ Dyson Cumbo, l-antagonista tad-dramm. L-istorja ta’ Mangion titkellem dwar ix-xjenza ħelwa talboxing fejn bosta boxers lokali ġew intervistati biex issa jiffurmaw parti integrali minn din l-istorja qawwija. Il-kast huwa magħmul minn għadd ta’ veterani tat-teatru, fosthom l-attur b’saħħtu Żep Camilleri, Lilian Pace Vassallo, Philip Mizzi, Peter Galea, it-Triccas u l-kummidjant per eċċellenza Hector Bruno. Atturi oħra bħal Kim Dalli, Ray Abdilla u Toni Busuttil jikkompletaw il-kast glorjuż li għandu jsammar lill-udjenza mas-siġġijiet qishom qalgħu daqqa
ta’ ponn. Il-produzzjoni se ssir ġewwa l-Kavallier ta’ San Ġakbu. Raymond “Fight” Beck għandha direzzjoni ta’ Sean Buhagiar.
Biljetti hawn

Aktar minn 150 Prattikant Fit-Tnedija tal-Prgoramm!

“Il-programm ta’ Teatru Malta qed jgħin biex tintlaħaq il-mira ta’ dan il-gvern rigward l-istrateġija kulturali. Bil-programm ta’ Teatru Malta mmirat għal kulħadd, l-arti u l-kultura huma aktar aċċessibbli għall-komunità. Teatru Malta kien pass meħtieġ għall-isfera kulturali tagħna. Aħna nemmnu li dan il-programm huwa prova li aħna, bħala Maltin, nieħdu t-teatru bis-serjetà. Qed naħdmu ma’ professjonisti; il-komunitajiet, fil-periferiji u l-ispazji. Qed niżguraw li t-teatru tagħna jkun rilevanti u eċċellenti. Huwa bi pjaċir li jien qed nappoġġja dan il-programm,” qal il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici.

 

“Tmintax-il proġett għall-2018. M’hemmx dubju li Teatru Malta se tibda fuq nota tajba. It-Teatru Nazzjonali qed jiżdied mal-lista twila ta’ inizjattivi li jagħtu ħajr lill-Kapitali Ewropea tal-Kultura għar-rieda li tikkollabora ma’ entitajiet bħal Teatru Malta. Aħna ħdimna id f’id biex nipproduċu proġetti ma’ klabbs tal-banda, skejjel u proġett fuq skala kbira ġewwa Għawdex. Aħna ħerqanin għall-ewwel programm ta’ Teatru Malta,” kompla Jason Micallef, Chairman tal-Fondazzjoni Valletta 2018.

 

“Il-Kunsill għall-Arti huwa kburi bl-ewwel programm ta’ Teatru Malta. Aħna nemmnu li dan il-programm qed jisfida l-limiti tat-teatru f’Malta. Din kienet ir-raġuni għaliex ridna li titwaqqaf Teatru Malta, għaliex ridna teatru nazzjonali mingħajr ħitan, mingħajr bibien iżda b’ħafna u ħafna enerġija,” qalet Annabelle Stivala Attard, aġent Chair tal-Kunsill Malti għall-Arti.

 

“Xi darba Teatru Malta kienet biss inizjattiva fuq il-karta; issa dan il-programm qed jagħti ħajja lil din l-idea,” qal Sean Buhagiar, id-direttur artistiku ta’ Teatru Malta li tnediet ġewwa t-Teatru Pandora fost l-entużjażmu tal-artisti u tal-komunità tat-teatru. “Dan huwa l-ewwel programm tagħna, programm li fih nittamaw li kulħadd se jsib xi ħaġa li tolqtu – jista’ tkun li ttih gost, tiddisturbah, taffaxxinah jew tgħaġġbu. Hawnhekk, aħna nemmnu li t-teatru jista’ jagħmilna kollha nies aħjar. Nispera li aħna se nagħtu s-sehem tagħna lejn dan,” ikkonkluda Buhagiar.

 

Teatru Malta tnediet fl-2017 u tul dik is-sena organizzat attivitajiet immirati biex jinstema’ leħen il-komunitajiet, biex jinħolqu xogħlijiet u, aktar minn hekk, biex Teatru Malta titgħallem. Il-programm ħoloq 18-il proġett, fosthom tnax-il produzzjoni teatrali, opra għat-tfal (Il-Qtates ta’ max-Xatt) u operetta (Il-Madonna tiegħi aħjar minn tiegħek) li tittratta l-festi lokali. Il-produzzjonijiet huma kollha varjati, b’temi li jmorru mill-boxing għall-esplorazzjoni tat-tisfir tal-għasafar.

 

Teatru Malta stabbilixxiet għadd ta’ kollaborazzjonijiet għal dan il-programm, fosthom ma’ entitajiet bħall-British Council, l-Assoċjazzjoni tal-Futbol ta’ Malta, Spazju Kreattiv, it-Teatru Manoel, l-MADC, is-CRPD, Valletta 2018 u bosta oħrajn. Apparti dan, Teatru Malta qed jikkollabora wkoll ma’ aktar minn għoxrin artist internazzjonali matul il-programm.

 

Teatru Malta se jkun qed iżur ukoll għadd ta’ postijiet li normalment ma jiġux assoċjati ma’ produzzjonijiet teatrali fil-ħames reġjuni ta’ Malta fi spazji bħall-Grawnd Nazzjonali, it-Teatru tal-Komunità ta’ Monte Carmeli, każini, klabbs tal-banda, skejjel, u anke produzzjoni fuq skala kbira ġewwa Għawdex.

 

Tnediet ukoll il-websajt biex tippromovi l-programm, u din se sservi bħala l-pjattaforma ewlenija ta’ Teatru Malta. Għal aktar tagħrif dwar il-programm ta’ Teatru Malta, żuru www.teatrumalta.org.mt jew ċemplu fuq 21220255.