Teknika. Teknika. Teknika. / Il-Klassi tas-Surmast: Claudia Contin Arlecchino

Il-kelma ‘teknika’ tiddefinixxi sengħa jew ħila partikolari meħtieġa fi ħdan qasam speċifiku, normalment għall-finijiet ta’ xogħol. Matul perjodu ta’ għaxar sigħat fuq il-jumejn li matulhom saret il-klassi tas-surmast teatrali prattika, ir-ripetizzjoni ta’ din il-kelma partikolari żgur li saret għal xi mitt darba minn persuna partikolari – Claudia Contin Arlecchino. Contin hija magħrufa bħala esperta tal-forma teatrali tal-Commedia dell’Arte u kif jgħid isimha stess u anke l-passaport uffiċjali, hija l-personifikazzjoni tal-maskra u l-karattru ta’ Arlecchino. Din l-okkażjoni tat l-opportunità lill-istudenti – kif ukoll lili u lill-prattikanti tat-teatru – biex nintilfu f’dinja kompletament teknika ta’ immaġinazzjoni kreattiva, partikolarment l-istil u, ovvjament, it-teknika.

Minħabba l-fatt li jien attur li għadni qed nikber, kif ukoll student tal-istudji teatrali fl-Università ta’ Malta, kelli x-xorti li kont smajt diġà bil-Commedia dell’Arte. Mil-lekċers li attendejt u mir-riċerka personali tiegħi, nista’ nipprova niddefinixxi l-Commedia bħala forma ta’ teatru popolari li oriġina mis-seklu sittax li jiffoka fuq ix-xogħol fi grupp u l-improvviżazzjoni, u li ta’ spiss kien iseħħ f’qafas konkret ta’ diversi maskri u sitwazzjonijiet definiti minn qabel. Fil-fatt, l-atturi professjonali li għażlu li jispeċjalizzaw fi rwol speċifiku wieħed – u li aktar tard saru magħrufin komunement bl-isem tal-maskra tagħhom eż. Arlecchino – żviluppaw tekniki partikolari li komplew iżidu mal-popolarità tat-truppi tal-Commedia madwar l-Ewropa kollha sekli ilu. Sakemm kont għadni ma rajtx lil Contin fuq il-palk bħala Arlecchino, kont nemmen li l-aspett prattiku ta’ din il-forma ta’ arti intilef matul iż-żminijiet. Madanakollu, issa biddilt fehmti u lest li niddikjara li l-istil tal-Commedia dell’Arte għadu tassew ħaj u qawwi. Dan huwa bla dubju grazzi għax-xogħol li qed isir minn Contin u l-kollegi professjonali tagħha.

Claudia Contin bdiet it-taħriġ tagħha ’l fuq minn tletin sena ilu, taħt l-imgħallmin il-kbar tat-teatru fiżiku ta’ dak iż-żmien. Minkejja li dan jimplika li seta’ kellha kollox lest għaliha, wara li tħarriġt taħt il-gwida tagħha għal jumejn, ħareġ ċar li din il-forma tal-arti tirrikjedi l-ikbar preċiżjoni kif ukoll sens kbir ta’ dixxiplina – xi ħaġa li Contin jidher li rnexxielha tipperfezzjona tul l-għexieren ta’ snin li ilha taħdem fil-Commedia. Għaldaqstant, peress li rċiviet taħriġ teatrali u fiżiku taħt dawk li aħna nqisu bħala l-ikbar prattikanti ta’ żmienhom, bħal Jacques Lecoq, Contin stabbilixxiet il-karriera fenomenali tagħha madwar l-aspirazzjoni li tifrex l-għarfien kbir tagħha lill-ġenerazzjonijiet ta’ warajha li jfittxu gwida tajba, bl-istess mod kif kienet għamlet hi ftit taż-żmien ilu.

M’hemmx ritratti jew vidjows tal-imgħallmin tal-Commedia tas-seklu sittax li nistgħu naraw, iżda baqa’ biss deskrizzjonijiet ikkuluriti, illustrazzjonijiet, u noti dwar maskri partikolari u l-ġesti individwali tagħhom. Dawn il-ġesti ġew żviluppati u pperfezzjonati tul is-sekli minn diversi ġenerazzjonijiet li wirtu dan l-istil teatrali importanti li jirrikjedi tant sengħa. Ġesti li jien stajt nimita u li nittama li nirreplika f’xogħli fil-ġejjieni, grazzi għal darb’oħra għat-tagħlim ta’ Contin. Minkejja li l-ispettakli u l-workshops ta’ dak il-weekend seħħew għal ħin qasir u kienu limitati għal ftit sigħat fuq ftit jiem, Contin irnexxielha tgħallem, tenfasizza u tgħaddi l-fehim, it-twemmin u l-imħabba straordinarji li għandha lejn il-Commedia.

Ferruccio Merisi – li jiġi fuq Contin u li ilu kollega tagħha għal aktar minn għoxrin sena, żied dimensjoni differenti għall-parti finali tal-klassi tas-surmast. L-enfasi primarja tiegħu kienet l-iżvilupp tal-vuċi, flimkien mal-‘logħob’ naturali li jrid iseħħ fi ħdan sitwazzjonijiet improvviżati. Minkejja li aħna l-istudenti li konna qed nieħdu sehem fil-workshop improvviżajna biss matul ċerti eżerċizzji, ħareġ ċar kif is-suġġerimenti u l-gwida ta’ Merisi għenu lil Contin tikseb il-ħiliet tagħha ta’ improvviżazzjoni u ta’ logħob pur, li issa tuża fl-ispettakli tagħha.

Il-Commedia dell’Arte hija l-enfasi primarja ta’ Contin u Merisi, iżda żgur li mhijiex l-unika waħda.

Il-workshops u l-programmi li kellna kuljum taw rwol importanti wkoll lill-poeżija tal-vuċi, lill-movimenti ġestikolati kontemporanji tal-ġisem, u lit-teknika meħtieġa għall-iżvilupp ta’ diversi karattri. Fil-fatt, il-klassi tas-surmast li seħħet fuq jumejn, inkorporat ukoll elementi mhux biss tal-Commedia, iżda anke ta’ mima u interpretazzjoni tal-vuċi, biex ma nsemmux l-influwenza tat-teatru Kathakali u t-tekniki taż-żfin Egizzjan biż-żaqq li tejbu t-taħriġ u l-ispettakli ta’ Contin b’mod ġenerali.

Barra minn hekk, waħda mill-affarijiet estremament attwali u rilevanti għall-ġenerazzjoni tal-lum u għas-settur kreattiv, fil-fehma tiegħi hija t-twaħħid tal-elementi soċjali u stilistiċi li jinkludu l-ġeneru u r-rwoli pre-stabbiliti (type-casting). B’dan f’moħħha, Contin jirnexxilha tesprimi l-kunċett passat tal-mara kompletament iffemminata u, b’kuntrast, tar-raġel kompletament matur. Illum il-ġurnata, dawn in-nozzjonijiet jistgħu jiġu skambjati bejniethom u m’għadhomx jintużaw kif kienu – idea li ġeneralment hija n-norma fi ħdan il-prattika tal-Commedia.

Jekk inneżżgħu l-workshop kollu għall-elementi ewlenin tiegħu, nistgħu ngħidu li Contin u l-kollegi tagħha għallmuna l-importanza tal-kunċetti li ġejjin: li naħdmu bil-ġisem biex niksbu qawwa fiżika kompluta billi neliminaw prattikament kull tip ta’ psikoloġija biex niffukaw fuq it-teknika – għax dan huwa dak li hu verament kruċjali fil-Commedia, u għaldaqstant jenfasizza kontinwament il-ħtieġa għal livell ta’ kompetenza u teknika li jmur fil-fond. Kif qalet Contin b’mod perfett: “Wieħed irid jitgħallem kif iħarreġ il-ġisem biex ikun lest għal kollox, kemm fuq il-palk u anke fil-ħajja.”

Tul l-interpretazzjoni tagħha ta’ Arlecchino, joħroġ ċar li Contin għandha ħafna x’toffri. Fis-sens ta’ enerġija pura u diretta, flimkien ma’ ħajja twila ta’ esperjenzi, tekniki u stili differenti li jgħaġġbu lil dawk kollha li kienu xhieda tal-artistrija tagħha. Billi kont parteċipant, osservatur u student għall-ħila pura ta’ Contin dwar din il-forma ta’ arti partikolari, nemmen li jien privileġġjat biżżejjed li nista’ ngħid li ħadt gost ħafna, tgħallimt u ġejt ispirat!

Minn qalbi nirringrazzja lil Contin infisha, flimkien mal-professjonisti li jakkumpanjawha, lil Teatru Malta talli tana din l-opportunità inkredibbli, lid-Dipartiment tal-Istudji Teatrali fl-Università ta’ Malra, lill-Professur Vicki Ann Cremona għall-ħiliet ta’ traduzzjoni uniċi tagħha, kif ukoll lil dawk kollha li kellhom sehem dirett biex ġabu din l-esperjenza fenomenali mhux biss lejn il-gżira tagħna, imma direttament fuq l-għatba tagħna.

Iċ-ċelebrazzjoni tal-Jum tal-Commedia dell’Arte 2018 ma’ Claudia Contin Arlecchino kienet esperjenza verament li ma tintesiex. U waħda li se nżomm f’qalbi għal ħafna u ħafna snin.

AL

Alexander Gatesy Lewis