Il-Ma…..relli x’cast dak!

Dalwaqt waslet!

Fadal ftit ġimgħat oħra biex il-kast splussiv tagħna jieħu f’idu l-palk  u vera ninsabu fuq ix-xwiek biex jasal Diċembru li ġej. Teatru Malta, il-kumpanija teatrali nazzjonali, tinsab ferm kuntenta li tista’ tħabbar ‘Il-Madonna Tiegħi Aħjar minn Tiegħek’, operetta li se tara lura fuq il-palk lill-kantanta u attriċi veterana favorita mal-Maltin MARY-ROSE MALLIA bħala z-Zija Katja – is-seksieka tar-raħal, ċawla imma reliġjuża u devota kbira tal-Madonna tal-Katina. Iżda l-każini għandhom dawk li jżommu magħhom, u min mhux magħhom jispiċċa kontra tagħhom. Joe Cortis huwa n-Nannu Fred, u għalkemm moħħu jilħaqlu u ma tgħaddilux ħelwa għal melħa, m’għandux ħin għal min ma jżommx mal-Madonna tal-Warda ta’ qalbu! Il-parti tal-Kappillan, bniedem ta’ sabar kbir li dejjem jispiċċa medjatur, se tkun f’idejn Simon Curmi, u l-grazzjuża Amber Mansueto se jkollha l-parti ta’ Violet, in-neputija favorita taz-Zija Katja.

Ismijiet magħrufa oħra mill-kast huma Aaron Fenech, Dorothy Baldacchino, Rachel Vella, Karl Cassar, Maria Eleonora Zammit, Christine Francalanza u Ivan Vella li żgur se jtellgħu l-ikbar spettaklu tas-sena!

Il-Bust ta’ Francis Ebejer – Mikxuf!

Illum saret konferenza stampa fi Spazju Kreattiv biex tfakkar il-25 sena mill-mewt ta’ Francis Ebejer, wieħed mill-aqwa kittieba f’Malta, li matul it-tmiem il-ġimgħa se jittella’ wieħed mid-drammi tiegħu.

Barra minn hekk, il-Proġett Francis Ebejer tnieda formalment mid-diretturi artistiċi tiegħu Dr Toni Sant (Spazju Kreattiv), Kenneth Zammit Tabona (Teatru Manoel) u Sean Buhagiar (Teatru Malta) bil-kxif ta’ bust ġdid ta’ Ebejer fi Spazju Kreattiv. Il-bust inħadem fil-bronż minn fuq abbozz li kien ħadem l-iskultur magħruf Malti Anton Agius.

Il-bust tal-bronż, li kien ikkummissjonat minn Spazju Kreattiv b’kollaborazzjoni ma’ iben il-kittieb – l-artist Damian Ebejer, hu parti minn serje ta’ inizjattivi fit-tul li qegħdin joħorġu mill-Proġett Francis Ebejer u huma mmirati li jiċċelebraw il-memorja, il-ħajja u l-legat ta’ dan il-ġgant letterarju Malti, waqt li jispira xogħol teatrali ġdid – li bħax-xogħol ta’ Ebejer fi żmienu, jisfida l-konfini teatrali tal-lum.

Sean Buhagiar spjega li permezz tal-programm “Siparju”, inizjattiva li għandha l-għan li taħdem fuq analiżi kritika tal-istorja teatrali f’Malta, Teatru Malta beħsiebha tippubblika kollezzjoni tax-xogħlijiet ta’ Ebejer.

Barra minn hekk, illejla Teatru Malta permezz ta’ koproduzzjoni ma’ Teatru Manoel, b’kollaborazzjoni mal-kumpanija taż-żfin ŻfinMalta, se ttella’ għall-ewwel darba addattazzjoni kontemporanja tad-dramm klassiku modern ta’ Ebejed – BOULEVARD – fit-Teatru Manoel! Din il-produzzjoni, li tagħmel parti mill-proġett li għadu kif tnieda, għandha d-direzzjoni ta’ Toni Attard u l-koreografija ta’ Paola Mangiola, id-direttur artistiku ta’ ŻfinMalta. BOULEVARD, li se tibqa’ għaddejja sad-9 ta’ Settembru, se tinkludi tnejn mill-atturi oriġinali tagħha – Karmen Azzopardi u Paul Xuereb – li se jerġgħu jaħdmu r-rwoli prestiġġjużi tagħhom bħala atturi mistiedna fuq l-istess palk, li fuqu kien sar għall-ewwel darba dan id-dramm fl-1964.
Il-produzzjoni vibranti tinkludi wkoll uħud mill-atturi favoriti attwali – Antonella Axisa, Thomas Camilleri, Stephen Mintoff u Aaron Fenech kif ukoll iż-żeffiena Keith Micallef, Martina Zammit,  Nicola Micallef, Jure Gostincar u Abel Hernandez minn ŻfinMalta.

Għal aktar tagħrif dwar il-PROĠETT FRANCIS EBEJER jew BOULEVARD, żur www.teatrumalta.org.mt, www.kreattivita.org u www.teatrumanoel.com.mt

 

 

The Importance of CLEANING UP

We would like to thank Mr. Marco Wallace for bringing yesterday’s unfortunate situation to our attention! Concerned third parties were contacted immediately to handle the amount of rubbish that was left behind after our departure from the Salt Pans last Sunday. Cleaners were on site early this morning, where they conducted several beach clean ups including the Xwejni Salt Pans site clean up. We take such matters very seriously and we would like to make it very clear that site clean up took top priority each and every night of the L-Ikla t-Tajba production. All cast, crew and production team participated in nightly clean ups including closing night last Sunday. The remaining litter that was left behind was always meant to be collected, and we’ve looked into the matter internally.

Teatru Malta would like to take this opportunity to apologize for the inconvenience caused to passers by. Littering is not a matter that should be taken lightly. We would also like to thank the Ministry for Gozo for their hands on assistance on the matter. Teatru Malta also looks forward to personally taking part in an NGO clean up in the coming weeks to highlight just how important this cause is to us as a National Theatre.

 

 

 

RAYMOND ‘FIGHT’ BECK / NIKKONKLUDU

Ta’ spiss tintuża l-metafora tat-twelid meta wieħed jiddeskrivi ż-żmien ta’ tħejija għal xi biċċa xogħol letterarja jew proġett. F’dan il-kuntest ta’ twelid, Raymond “Fight” Beck kien iljunfant. Ma ħax biss disa’ xhur biex issawwar imma bħal mammiferu, ħa ‘l fuq minn sena u nofs.

Fl-onesta’ kollha, qatt ma bsart li se jieħu daqstant ħin u xogħol. Dan il-proġett nibet f’moħħi għas-sempliċi raġuni li persuna qrib tiegħi qatt ma resqet lejn it-teatru u allura ippruvajt noħloq xi ħaġa teatrali msejsa fuq dak li huwa jħobb – il-boxing. Pero’ l-fatt hu li proġetti bħal dawn nemmen li huma mod prattiku ta’ kif aħna insaħħu u nkabbru l-udjenzi teatrali tagħna.

Punt essenzjali tal-proġett kien ir-rabta li ħloqna mad-dinja tal-boxing lokali. Mhux biss biex aħna nieħdu esperjenza sħiħa ta’ dan l-isport, imma kien ukoll importanti li aħna inkunu preżenti fil-gyms u fir-ring biex inqajmu interess f’dawk li forsi qajla jitħajjru jersqu lejn it-teatru. U fil-verita naħseb l-interess kien reċiproku. Fis-sens li ma ħajjarnix biss boxers jiġur jaraw x’isir fit-teatru, imma anka nies tat-teatru qarribnihom lejn il-boxing.

Bħala kittieb, Raymond “Fight” Beck, inħoss li kienet esperjenza kruċjali biex nikber fl-arti li tant inħobb. Il-proċess, kif semmejt, kien twil imma kelli ħafna għajnuniet. Ibda biex, kelli lil Simon Bartolo bħala ‘script mentor’ li sa mill-bidunett beda jistħarreġ b’lenti ħoxna kulma nikteb u flimkien konna niddiskutu kif dan seta’ isir aħjar. L-iscript għadda wkoll mill-għarbiel ta’ ‘readings’ differenti. Għar-readings ħadna ħsieb li nistiednu kemm nies li għandhom esperjenza fil-qasam teatrali kif ukoll nies li huma midħla sew tad-dinja tal-boxing.

Meta konna kuntenti – sa ċertu punt – b’dak li kont wasalt għalih fuq il-karta, bdejna proċess importanti ieħor. L-għażla tal-kast u tat-tim kreattiv. Dan ukoll ħa l-ħin tiegħu. Studjajna b’reqqa t-talent, kemm lokali u kif ukoll barra minn xtutna, biex għaqqadna flimkien grupp ta’ nies disponibli li jagħtu ħinhom u jiffukaw l-enerġiji kreattivi kollha tagħhom fuq dan il-proġett. Personalment kien ta’ sodisfazzjon kbir, li abbażi tal-iscript, li sa dak iż-żmien kien l-unika ħaġa konkretta li kellna f’idejna, irnexxilna inħajjru uħud mill-aqwa talenti lokali, li għal raġunijiet diversi kienu inqatgħu mix-xena teatrali.

Minn hemm it-tim beda jxammar il-kmiem u jiġbed il-ħabel. L-atturi bdew jibnu l-karattri tagħhom. Kellna grupp li segwew b’widna miftuħa d-djalett Żejtuni u għamlu l-almu kollu tagħhom biex il-karattri tagħhom jinstemgħu awtentiċi meta jitkellmu. Kellna naturalment grupp ieħor li sa minn xhur qabel il-provi beda t-taħriġ ma’ Steve Martin – il-coach tagħna – fir-ring. Mill-aspett artistiku bdew ukoll l-ewwel taħżiżiet ta’ kif se jkollna ring tal-boxing ġewwa t-teatru ta’ Spazju Kreattiv. Beda t-taħbil il-moħħ fuq d-dawl, l-ħoss u l-awdjo-viżwal li għandu jkollha l-produzzjoni u ħafna xogħol ieħor.

Nistqarr li għalkemm kont kuntent ħafna bl-iscript miktub, qatt ma immaġinajt li dawn l-erba’ kelmiet, iswed fuq l-abjad, setgħu qatt ikunu il-bażi ta’ tant xogħol artistiku ieħor. Għalija dan kien aspett ieħor ta’ sodisfazzjon. Li tara artisti oħra joħolqu xogħol tant interessanti, li l-punt tat-tluq tiegħu ikun xogħol li għamilt int, naħseb huwa wieħed mill-aktar fatturi ta’ sodisfazzjon għal kull artist.

Naturalment xejn ma kien ikun possibli mingħajr l-involviment ta’ ħafna nies b’talent u qalb kbira. Dan il-proġett ra ‘l fuq minn erbgħin ruħ jaħdmu fuqu. Dan kollu seħħ ukoll bis-saħħa ta’ istituzzjonijiet kreattivi u sportivi li emmnu, bħali, li Raymond “Fight” Beck għandu potenzjal. Fost dawn: Spazju Kreattiv li kien minn tal-ewwel li poġġa il-proġett fuq il-programm tiegħu; il-Kunsill tal-Arti li sostna dan il-proġett finanzjarjament; Fight Factory li laqawna fil-familja kbira ta’ boxers tagħhom u Teatru Malta li ħa taħt l-kappa tiegħu dan il-proġett u bħal coach tajjeb wasslu sa fuq ir-ring.

Il-produzzjoni ġiet u marret. L-udjenza ġiet u ikkumentat. Dakinhar li tiġi biex iżżarma kollox, taqbdek daqxejn dieqa, taf li kull ma se jibqa’ huma xi ritratti u l-memorji…u f’dan il-każ, forsi xi tbenġila ċkejkna ‘l hemm u ’l hawn. Kapitlu magħluq? Nemmen li l-aħħar qanpiena għal Raymond “Fight” Beck għad trid idoqq. Għalissa l-ingwanti se nżommuhom.

SEJĦA GĦAL AWDIZZJONIJIET!

BOULEVARD

Ko-produzzjoni bejn Teatru Malta u Teatru Manoel f’kollaborazzjoni ma’ ŻfinMalta

direzzjoni ta’: Toni Attard

koreografija ta’: Paolo Mangiola

Bejn is-6 u d-9 ta’ Settembru 2018 – Teatru Manoel

‘Boulevard’, dramm tad-drammaturgu nazzjonali Malti Francis Ebejer, ser jiġi adattat f’xogħol teatrali kollaborattiv ġdid ma’ atturi u żeffiena mill-ensemble taż-żfin ŻfinMalta. Se jsiru awdizzjonijiet bil-Malti miftuħin għal kulħadd għal erba’ karattri:

Martiża (mara, età 30+)

Blonk (raġel, età 20+)

Gregorex (raġel, età 40+)

Raoul (raġel, xwejjaħ)

________________________________

DATA: 2.2.18

POST: Teatru Manoel

Ħin: 4pm

L-atturi li se jagħmlu l-awdizzjonijiet għall-karattri ta’ Martiza, Gregorex u Blonk irid ikollhom esperjenza fit-teatru fiżiku, fiż-żfin jew fil-moviment u se jkunu mitlubin jipparteċipaw b’mod attiv fil-proċess kreattiv.

L-atturi se jintalbu wkoll jieħdu sehem f’workshop ta’ 30 minuta fi grupp bħala parti mill-awdizzjoni.

______________________________________

L-atturi jridu jkunu disponibbli għal workshops kreattivi maż-żeffiena bejn l-10am u l-5pm fil-ġranet li ġejjin (għandu mnejn ma jkunux meħtieġa l-ġranet jew il-ħinijiet kollha):

Bejn l-14 u d-19 ta’ Mejju

Bejn il-21 u s-26 ta’ Mejju

Bejn it-28 ta’ Mejju u t-2 ta’ Ġunju

Bejn l-4 u d-9 ta’ Ġunju

______________________________________

Se jsiru wkoll provi addizzjonali għall-atturi:

F’Lulju u Awwissu

Il-ġimgħa tal-produzzjoni se tibda:

Is-Sibt 1 ta’ Settembru

Għad-dettalji ta’ kif tistgħu tagħmlu l-awdizzjoni u l-informazzjoni dwarha, jekk jogħġobkom ibagħtu email fuq hello@teatrumalta.org.mt.

Imħabbar il-kast ta’ ‘IS-SERRA’!

Illum tħabbar il-kast eċitanti ta’ Is-Serra, il-produzzjoni ta’ Teatru Malta li għandha tittella’ nhar is-26, 27, 28 u 29 t’April!

Is-Serra, bl-isem oriġinali ‘The Hothouse’ miktuba mid-drammaturgu kontemporanju magħruf Harold Pinter u bi traduzzjoni eċċellenti għall-Malti minn Simone Spiteri, se jkollha d-direzzjoni ta’ André Agius, li huwa d-Direttur Żgħażugħ għall-2018 tal-programm ta’ Teatru Malta. Dan il-proġett huwa wkoll parti mill-inizjattiva ta’ Teatru Malta li fuq medda twila ta’ snin jiġi tradott u ppubblikat xogħol klassiku modern kull sena. Din is-sena għażilna li niffukaw fuq Pinter biex infakkru l-għaxar anniversarju mill-mewt tiegħu.

Attur lokali maħbub bħalma hu Victor Debono ma tantx tinħtieġlu introduzzjoni, u se jinterpreta r-rwol ewlieni ta’ Roote, id-direttur tal-istitut mentali li kulħadd jirfes fuqu u li ħadd ma jirrispetta, li tilef il-kontroll tiegħu nnifsu u tal-istitut li jirrappreżenta. Fi rwoli ewlenin oħra nsibu lil Mark Mifsud bħala Gibbs, l-impjegat ambizzjuż u effiċjenti, filwaqt li Maria Buckle se tinterpreta r-rwol impenjattiv ta’ Miss Cutts, karattru makakk mhux ftit. Il-kast se jinkludi wkoll atturi favoriti ma’ dawk midħla tat-teatru bħal Joe Depasquale, Anthony Ellul, Benjamin Abela u Kurt Castillo.

Biljetti minn: https://teatrumalta.org.mt/events/hot-house/