Imħabbar il-kast ta’ ‘IS-SERRA’!
Illum tħabbar il-kast eċitanti ta’ Is-Serra, il-produzzjoni ta’ Teatru Malta li għandha tittella’ nhar is-26, 27, 28 u 29 t’April!
Is-Serra, bl-isem oriġinali ‘The Hothouse’ miktuba mid-drammaturgu kontemporanju magħruf Harold Pinter u bi traduzzjoni eċċellenti għall-Malti minn Simone Spiteri, se jkollha d-direzzjoni ta’ André Agius, li huwa d-Direttur Żgħażugħ għall-2018 tal-programm ta’ Teatru Malta. Dan il-proġett huwa wkoll parti mill-inizjattiva ta’ Teatru Malta li fuq medda twila ta’ snin jiġi tradott u ppubblikat xogħol klassiku modern kull sena. Din is-sena għażilna li niffukaw fuq Pinter biex infakkru l-għaxar anniversarju mill-mewt tiegħu.
Attur lokali maħbub bħalma hu Victor Debono ma tantx tinħtieġlu introduzzjoni, u se jinterpreta r-rwol ewlieni ta’ Roote, id-direttur tal-istitut mentali li kulħadd jirfes fuqu u li ħadd ma jirrispetta, li tilef il-kontroll tiegħu nnifsu u tal-istitut li jirrappreżenta. Fi rwoli ewlenin oħra nsibu lil Mark Mifsud bħala Gibbs, l-impjegat ambizzjuż u effiċjenti, filwaqt li Maria Buckle se tinterpreta r-rwol impenjattiv ta’ Miss Cutts, karattru makakk mhux ftit. Il-kast se jinkludi wkoll atturi favoriti ma’ dawk midħla tat-teatru bħal Joe Depasquale, Anthony Ellul, Benjamin Abela u Kurt Castillo.
Biljetti minn: https://teatrumalta.org.mt/events/hot-house/