RAYMOND ‘FIGHT’ BECK / NIKKONKLUDU

Ta’ spiss tintuża l-metafora tat-twelid meta wieħed jiddeskrivi ż-żmien ta’ tħejija għal xi biċċa xogħol letterarja jew proġett. F’dan il-kuntest ta’ twelid, Raymond “Fight” Beck kien iljunfant. Ma ħax biss disa’ xhur biex issawwar imma bħal mammiferu, ħa ‘l fuq minn sena u nofs.

Fl-onesta’ kollha, qatt ma bsart li se jieħu daqstant ħin u xogħol. Dan il-proġett nibet f’moħħi għas-sempliċi raġuni li persuna qrib tiegħi qatt ma resqet lejn it-teatru u allura ippruvajt noħloq xi ħaġa teatrali msejsa fuq dak li huwa jħobb – il-boxing. Pero’ l-fatt hu li proġetti bħal dawn nemmen li huma mod prattiku ta’ kif aħna insaħħu u nkabbru l-udjenzi teatrali tagħna.

Punt essenzjali tal-proġett kien ir-rabta li ħloqna mad-dinja tal-boxing lokali. Mhux biss biex aħna nieħdu esperjenza sħiħa ta’ dan l-isport, imma kien ukoll importanti li aħna inkunu preżenti fil-gyms u fir-ring biex inqajmu interess f’dawk li forsi qajla jitħajjru jersqu lejn it-teatru. U fil-verita naħseb l-interess kien reċiproku. Fis-sens li ma ħajjarnix biss boxers jiġur jaraw x’isir fit-teatru, imma anka nies tat-teatru qarribnihom lejn il-boxing.

Bħala kittieb, Raymond “Fight” Beck, inħoss li kienet esperjenza kruċjali biex nikber fl-arti li tant inħobb. Il-proċess, kif semmejt, kien twil imma kelli ħafna għajnuniet. Ibda biex, kelli lil Simon Bartolo bħala ‘script mentor’ li sa mill-bidunett beda jistħarreġ b’lenti ħoxna kulma nikteb u flimkien konna niddiskutu kif dan seta’ isir aħjar. L-iscript għadda wkoll mill-għarbiel ta’ ‘readings’ differenti. Għar-readings ħadna ħsieb li nistiednu kemm nies li għandhom esperjenza fil-qasam teatrali kif ukoll nies li huma midħla sew tad-dinja tal-boxing.

Meta konna kuntenti – sa ċertu punt – b’dak li kont wasalt għalih fuq il-karta, bdejna proċess importanti ieħor. L-għażla tal-kast u tat-tim kreattiv. Dan ukoll ħa l-ħin tiegħu. Studjajna b’reqqa t-talent, kemm lokali u kif ukoll barra minn xtutna, biex għaqqadna flimkien grupp ta’ nies disponibli li jagħtu ħinhom u jiffukaw l-enerġiji kreattivi kollha tagħhom fuq dan il-proġett. Personalment kien ta’ sodisfazzjon kbir, li abbażi tal-iscript, li sa dak iż-żmien kien l-unika ħaġa konkretta li kellna f’idejna, irnexxilna inħajjru uħud mill-aqwa talenti lokali, li għal raġunijiet diversi kienu inqatgħu mix-xena teatrali.

Minn hemm it-tim beda jxammar il-kmiem u jiġbed il-ħabel. L-atturi bdew jibnu l-karattri tagħhom. Kellna grupp li segwew b’widna miftuħa d-djalett Żejtuni u għamlu l-almu kollu tagħhom biex il-karattri tagħhom jinstemgħu awtentiċi meta jitkellmu. Kellna naturalment grupp ieħor li sa minn xhur qabel il-provi beda t-taħriġ ma’ Steve Martin – il-coach tagħna – fir-ring. Mill-aspett artistiku bdew ukoll l-ewwel taħżiżiet ta’ kif se jkollna ring tal-boxing ġewwa t-teatru ta’ Spazju Kreattiv. Beda t-taħbil il-moħħ fuq d-dawl, l-ħoss u l-awdjo-viżwal li għandu jkollha l-produzzjoni u ħafna xogħol ieħor.

Nistqarr li għalkemm kont kuntent ħafna bl-iscript miktub, qatt ma immaġinajt li dawn l-erba’ kelmiet, iswed fuq l-abjad, setgħu qatt ikunu il-bażi ta’ tant xogħol artistiku ieħor. Għalija dan kien aspett ieħor ta’ sodisfazzjon. Li tara artisti oħra joħolqu xogħol tant interessanti, li l-punt tat-tluq tiegħu ikun xogħol li għamilt int, naħseb huwa wieħed mill-aktar fatturi ta’ sodisfazzjon għal kull artist.

Naturalment xejn ma kien ikun possibli mingħajr l-involviment ta’ ħafna nies b’talent u qalb kbira. Dan il-proġett ra ‘l fuq minn erbgħin ruħ jaħdmu fuqu. Dan kollu seħħ ukoll bis-saħħa ta’ istituzzjonijiet kreattivi u sportivi li emmnu, bħali, li Raymond “Fight” Beck għandu potenzjal. Fost dawn: Spazju Kreattiv li kien minn tal-ewwel li poġġa il-proġett fuq il-programm tiegħu; il-Kunsill tal-Arti li sostna dan il-proġett finanzjarjament; Fight Factory li laqawna fil-familja kbira ta’ boxers tagħhom u Teatru Malta li ħa taħt l-kappa tiegħu dan il-proġett u bħal coach tajjeb wasslu sa fuq ir-ring.

Il-produzzjoni ġiet u marret. L-udjenza ġiet u ikkumentat. Dakinhar li tiġi biex iżżarma kollox, taqbdek daqxejn dieqa, taf li kull ma se jibqa’ huma xi ritratti u l-memorji…u f’dan il-każ, forsi xi tbenġila ċkejkna ‘l hemm u ’l hawn. Kapitlu magħluq? Nemmen li l-aħħar qanpiena għal Raymond “Fight” Beck għad trid idoqq. Għalissa l-ingwanti se nżommuhom.