Ilħna Mitlufa jasal Torino!

 

Dan il-weekend, għal żewġ serati uniċi, il-produzzjoni li timxi minn post għal ieħor, Ilħna Mitlufa se ssir fis-Sala Scicluna ta’ Torino; l-ewwel palk internazzjonali għal dan l-ispettaklu fil-5 u s-6 ta’ April, b’kollaborazzjoni ma’ LabPerm di Castaldo. Is-sala, iddedikata għall-ikona tat-teatru Malti-Taljan tant mibki, Pino Scicluna, għadha kif ġiet inawgurata s-sena l-oħra, u hija xhieda tal-karriera u l-imħabba li Scicluna kellu għas-sengħa tat-teatru. Din l-imħabba tgħix permezz tad-dedikazzjoni ta’ martu Katia Capato li tmexxi l-istabbiliment, bħala wegħda li għamlitlu bosta snin ilu. Ilħna Mitlufa huwa parti minn dak li Sala Scicluna qed issejjaħ il-“Malta Project” tagħha, fejn għadd ta’ produzzjonijiet Maltin se jintwerew fis-sala matul il-programm ta’ avvenimenti li ġejjin. Ilħna Mitlufa hija l-ewwel f’din is-serje ta’ avvenimenti u timmarka wkoll il-bidu ta’ relazzjoni li ilha teżisti bejn Malta u Torino.

Il-wiri ta’ Ilħna Mitlufa f’Torino, se jkun l-ewwel waħda minn sensiela ta’ ġiti antiċipati f’Malta u barra matul il-bqija tas-sena. Li jmiss se tkun fit-Teatru Astra ta’ Għawdex fil-5 ta’ Mejju li ġej. L-ispettaklu matinee ta’ darba biss se jkun bil-Malti iżda se jkollu s-sottotitli. Għandu jċaqlaq l-udjenzi jkunu min ikunu; barranin jew lokali, żgħar jew kbar. Din hija tassew produzzjoni li tolqot korda nostalġika ma’ kulħadd permezz tal-Għana, xi ħaġa li Andrew Alamango, id-direttur mużikali ilu jirriċerka għal ħafna snin. L-ispettaklu jirrakkonta l-wirt ta’ storja antika, minsuġa mill-għannejja tal-imgħoddi u tal-lum, irrakkuntata permezz tal-poeżija – mitkellma, miktuba u rreġistrata.

L-għannej huwa poeta, dak li jżomm il-memorja ħajja, dak li jirrakkonta l-istejjer, l-animatur komiku. Huwa jgħanni f’isimna u f’isem dawk li tilfu l-vuċijiet tagħhom biex b’hekk iġġedded tradizzjoni mingħajr intoppi u jżewweġ il-passat mal-preżent permezz tal-għana.

Mariele Zammit u Andrew Alamango flimkien mad-dramaturg Domenico Castaldo ilhom jipprattikaw dawn l-aħħar tlett xhur għall-prima tal-ispettaklu tagħhom barra minn xtutna, allura jekk tinsab f’Torino titlifhiex. Nassigurawk li ma tkunx diżappuntat.

Għal aktar informazzjoni dwar Ilħna Mitlufa ikklikkja hawn.

 

Image may contain: one or more people, people sitting, guitar and indoorImage may contain: 1 person, sitting, table and indoorImage may contain: 1 person

Photos taken by: Vincenzo Capriolli

Ej nitkellmu dwar S

Min kien Konstantin Stanislavsky?

Konstantin Stanislavski (1863-1938) kien attur u direttur tal-palk Russu li żviluppa t-teknika ta’ reċtar naturalista magħrufa bħala “Metodu Stanislavsky” li nafuha aħjar bħala method acting.

Stanislavski stinka biex jipprovdi lill-atturi bi struttura biex jikkontrollaw b’mod konsistenti performances profondi, sinifikanti u dixxiplinati. Kien jemmen li l-atturi kellhom joqogħdu emozzjonati b’mod awtentiku waqt li jkunu fuq il-palk u, li b’hekk biss kien se jirnexxilhom jużaw is-sentimenti li esperjenzaw fil-ħajja tagħhom stess. Stanislavski żviluppa wkoll serje ta’ eżerċizzji li ħeġġu lill-atturi jesploraw il-motivazzjonijiet tal-karattri, biex b’hekk jagħtu performances iktar profondi.

Allura x’qed noffru?

B’kollaborazzjoni mas-Simpożju annwali dwar Stanislavsky tad-Dipartiment tal-Istudji Teatrali, Teatru Malta se jagħtik l-opportunità li tattendi workshops u taħdidiet mogħtija minn studjużi ta’ kalibru mondjali minn madwar id-dinja. Se jkunu 15 BISS l-applikanti xxurtjati li se jintgħażlu biex jattendu għal din l-attività. Is-simpożju se jseħħ bejn il-5 u s-7 ta’ April li ġej.

Il-workshops se jindirizzaw:

  • L-użu tal-Yoga fit-Taħriġ tal-Atturi
  • L-improvizzazzjoni
  • Il-kummiedja
  • Id-drammi ta’ Chekhov
  • It-teatru tal-Assurd
  • Xogħol fuq l-iskript

Il-preżentazzjonijiet se jindirizzaw:

  • Ir-rabta bejn Stanislavsky u Teatru Mużikali
  • Xogħol fuq l-emozzjonijiet
  • Il-performance fil-prattika
  • Ix-xjenza kognittiva
  • Avatars tal-kompjuter

Kriterji biex tapplika

L-applikanti jrid ikollhom 18-il sena jew iktar u jridu jibagħtu xejn għajr ittra ta’ interess lil contact@teatrumalta.org.mt biex japplikaw. Il-postijiet jingħataw fuq il-bażi ta’ min jiġi l-ewwel jintgħażel l-ewwel.

Id-data tal-għeluq biex tapplika hija nhar l-Erbgħa 20 ta’ Marzu

The S Word huwa proġett ta’ riċerka internazzjonali li huwa organizzat u ġestit b’mod kollaborattiv bejn London South Bank University, L-Università ta’ Malta, University of California Riverside, The University of Leeds, The Western Australian Academy of Performing Arts, Macunaima Theatre School Sao Paulo, u DAMU Theatre Academy Prague.

 

Proġett Francis Ebejer: fiex wasalna?

 

Bħala parti mill-impenn kontinwu ta’ Teatru Malta lejn kitba żagħżugħa u talent ġdid, dan il-proġett se jilqa’ fi ħdanu l-programm tal-kittieb/a emerġenti u tad-direttur/direttriċi żagħżugħ/a. L-ewwel pass biex wieħed jiġi kkunsidrat għal dawn il-programmi huwa s-sehem f’dawn l-avvenimenti.

Il-One Act Play Festival tal-MADC – Stabbilit sa mill-1910, dan il-festival ta’ drammi f’att wieħed, mill-2018 lil hawn u f’kollaborazzjoni ma’ Teatru Malta, beda joffri l-opportunità lil diretturi ġodda biex jirfinaw il-ħiliet tagħhom. Il-festival joffri wkoll l-opportunità lil kittieba ġodda biex jittestjaw il-ħiliet tagħhom.

Il-Cospicua Short Play Festival – Ġie stabbilit reċentement fl-2018, bil-għan li jagħti l-opportunità lil kittieba u diretturi ġodda biex xogħolhom jiġi mtella’ fuq barra għal udjenza mainstream.

Diretturi u atturi emerġenti issa għandhom l-opportunità li jaħdmu ma kittieba ġodda u stabbiliti u jiżviluppaw l-ideat tagħhom f’dramm qasir li se jkun qed jintwera f’Bormla.

Iż-żewġ festivals se jinkludu diskussjonijiet, programmi ta’ mentorshop u workshops għad-diretturi u l-kittieba magħżula sabiex ix-xogħlijiet tal-aqwa fosthom ikunu jistgħu jiġu kkunsidrati minn tliet entitajiet kulturali nazzjonali, jiġifieri Teatru Malta, Spazju Kreattiv u t-Teatru Manoel. Din is-sena Teatru Malta se jkun qed jaħdem ma’ The New Victorians bħala parti mill-programm tad-Diretturi Żgħażagħ u dawn se jaħdmu taħt il-mentorship ta’ Simon Sharkey, filwaqt li Spazju Kreattiv se jkun qed jaħdem ma’ Kurt Gabriel Meli fuq il-verżjoni twila tad-dramm tiegħu ‘Il-Grada’.

Għal aktar informazzjoni dwar il-Proġett Francis Ebejer żur teatrumalta.org.mt jew ibgħatilna email fuq contact@teatrumalta.org.mt .

Biex tapplika:

MADC One Act Play Festival u l-programm ta’ mentorship tiegħu – ibgħat email lil oneacts@madc.com.mt għal aktar tagħrif.

Cospicua Short Play Festival u l-programm ta’ mentorship tiegħu – ibgħat email lil bormla.lc@gov.mt għal aktar tagħrif.

Jiddispjaċina, l-applikazzjonijiet issa għalqu

Min kienet Pope Joan?

Illum Teatru Malta jiddiskuti l-eżistenza tal-Papessa Ġovanna, mara li skont leġġenda popolari, irrenjat bħala Papa għal xi sentejn fil-Medju Evu. L-istorja tagħha l-ewwel dehret fi kroniċi tas-seklu 13 u mbagħad infirxet madwar l-Ewropa. Għal bosta sekli l-istorja tagħha kienet titqies bħala verità, iżda ħafna studjużi moderni issa jqisuha bħala storja fittizja. Il-leġġenda kienet ġeneralment aċċettata bħala verità sas-seklu 16, meta mbagħad dibattitu mifrux fost il-kittieba Kattoliċi u Protestanti kkontesta l-istorja. Diversi kittieba nnutaw li d-distakk twil bejn meta suppost għexet Joan u meta fil-fatt issemmiet għall-ewwel darba fil-kitbiet, ma kienx plawżibbli. Fl-aħħar mill-aħħar dan wassal biex juri li l-istorja ta’ din il-Papa mara kienet impossibbli mill-bidu sat-tmiem.

Jiem bħal “Jum il-Mara” iservu biss biex jieħdu n-nisa lura għal dawk iż-żminijiet meta Joan kellha taħbi l-identità tagħha billi tippretendi li hi raġel biex takkwista l-edukazzjoni li kienet imċaħħda inġustament fi tfulitha; żminijiet meta n-nisa ġew eżaminati u kkastigati talli ażżardaw jippruvaw ikunu aktar minn dak li kienu permessi. Jiem bħal dawn jittrattaw lin-nisa bħala minoranza, jew pjuttost bħala minoranza biżżejjed biex iġiegħlu lin-nies jaħsbu li post fuq FB f’Jum il-Mara jista’ jkun biżżejjed biex jinkludi l-ġid kollu li jagħmlu n-nisa u dak kollu li kisbu. In-nisa huma ħafna iżjed minn kemm jista’ jirrappreżenta jum waħdieni.

Kien allegat li l-Papessa Ġovanna kienet l-unika mara li qatt saret Papa, issa l-verità tagħha waqfet teżisti. L-istorja għattiet il-ħajja ta’ din il-mara taħt velu li seraq il-verità distintiva tagħha, u minflok ma ngħatat kapitolu fi ktieb tal-istorja, ħajjitha xxejnet għal eżistenza fittizja li ġeneralment hija aċċettata biss bħala leġġenda li tibqa’ l-aktar influwenti fl-arti, id-drama, u l-films. F’Lulju li ġej, Teatru Malta bi sħab ma’ Festivals Malta, id-Direttorat għar-Restawr tal-Proġetti ta’ Rijabilitazzjoni (RPO) u l-Istitut Goethe se jiċċelebraw il-ħajja ta’ din il-mara u jgħidu l-istorja tagħha bħala parti mill-Festival Internazzjonali tal-Arti ta’ Malta. Id-dramm Pope Joan ta’ Donna W. Cross se jitella’ fil-Foss tal-Imdina. Se tidderieġi Irene Christ, filwaqt li Maria Buckle se jkollha r-rwol ta’ Joan. Għandek issib il-lista sħiħa tal-kast, li jinkludi ismijiet bħal Antonella Axisa, Chris Galea, Mikhail Basmadjian, Stephen Mintoff u Joseph Depasquale, hawn.

Laqgħa ġenerali tal-kast u l-kru ta’ Pope Joan!

Il-kast u l-kru tal-produzzjoni POPE JOAN li se tintwera f’Lulju jiltaqgħu mad-direttriċi Irene Christ biex jiddiskutu x’hemm lest fil-preparamenti għal dan l-ispettaklu kbir fil-foss tal-Mdina dan is-sajf. L-ispettaklu ilu jitħejja għal xhur sħaħ, iżda fl-aħħar il-biċċiet kollha jidhru li qed jaqgħu f’posthom biex ix-xogħol jitwettaq. Joan hija deċiża u determinata. Ma tħalli xejn iwaqqafha biex tikseb il-libertà u l-poter li huma tagħha bi dritt. Hija ssegwi l-vjaġġ tagħha biex issir, kif tgħidilna l-leġġenda, l-ewwel u l-unika Papa mara li qatt kien hawn.

Ma nistgħux nikxfu wisq aktar għalissa imma hawn ftit ritratti biex inżommu lil kulħadd lest għal din il-performance.

Ara din il-paġna! Aktar informazzjoni dalwaqt.

Opra ġdida għat-tfal Maltin!

Ilbieraħ ġiet imnedija l-opra tat-tfal “Il-Qtates ta’ max-Xatt” mal-ewwel grupp ta’ tfal tal-iskola.

Tkun xi tkun l-età tiegħek, huwa diffiċli li ma tħossokx emozzjonat b’din il-produzzjoni adorabbli għax verament tmiss qalb kulħadd. Il-pupazzi magħmulin mill-artist lokali Matthew Pandolfino huma l-istilel tal-ispettaklu u kull wieħed minnhom jiġi interpretat mill-kast inkredibbli tagħna li rnexxielhom jaqbdu l-maġija tal-ktieb tant maħbub ta’ Clare Azzopardi u jagħtuha l-ħajja fuq il-palk. Id-direzzjoni ta’ Denise Mulholland hija bla intoppi u fiha attenzjoni kbira għad-dettall. Dan jinħass kemm fid-disinn ta’ Sven Bonnici għal sett li jilgħab bil-perċezzjoni tal-udjenza kif ukoll fil-ġmiel ta’ kostumi u props magħmulin minn Matthew Cassar bl-għajnuna ta’ Hannah Grech Pirotta.

Kull membru tal-udjenza li hu familjari mal-ktieb żgur li se jħobb dan l-ispettaklu, u għal kull min ma qraħx, ejjew u ħallu l-kompożizzjoni mużikali ta’ Euchar Gravina teħodkom fuq vjaġġ maġiku differenti minn kull vjaġġ ieħor. Imdawwla mill-bravu Christopher Gatt, din l-istorja tfakkarna li wara kull niket jerġa’ jitfaċċa d-dawl; xi kultant għandna bżonn biss inħarsu lejn l-istilel biex insibuh.

 

Il-Qtates ta’ max-Xatt

Teatru Malta huma eċċitati immens li se jiftħu l-programm tagħhom għall-2019 bl-opra tant-mistennija għat-tfal, Il-Qtates ta’ max-Xatt fit-23 u l-24 ta’ Frar bi sħubija ma’ Festivals Malta. Dan l-ispettaklu maġiku huwa adattament tal-ktieb tat-tfal ferm maħbub tal-awtriċi Maltija Clare Azzopardi, b’direzzjoni ta’ Denise Mulholland u kompożizzjoni ta’ Euchar Gravina. L-opra, adatta għal tfal ta’ bejn it-8 u l-10 snin se ssir fil-bini storiku tal-Mużew Marittimu tal-Birgu.

Din l-istorja ħelwa tittratta s-suġġett sensittiv tat-telfien mill-għajnejn ta’ grupp ta’ kantanti qtates stray li jitħabtu biex jaċċettaw l-“għajbien” ta’ tnejn mill-aktar nies importanti fil-ħajja tagħhom; in-nanna u n-nannu. Udjenzi, żgħar u xjuħ huma mistiedna li jiġu jgawdu din l-interpretazzjoni melodjuża ta’ storja li permezz tal-kant u l-puppazzi tesplora waħda mill-ikbar biżgħat tat-tfal. Nismagħkom tgħidu, pupazzi? Iva! Il-qtates se jieħdu l-ħajja b’vuċijiet favoriti tal-opra bħal Clare Ghigo, Ruth Sammut Casingena, Francesca Aquilina, Sean Borg u Louis Andrew Cassar. Iżda dawn mhux se jkunu l-uniċi talenti li jisirqu l-attenzjoni tal-udjenza għax il-qtates huma pupazzi magħmulin mill-bravu Matthew Pandolfino. In-Nanna se tkun interpretata minn Ruth Sammut Casingena li se tkun qed tagħmel ukoll il-vuċi ta’ Pippistrell il-qattus, filwaqt li r-rwol tan-Nannu se jitħalla f’idejn Jean Pierre Busuttil.

Din l-opra qasira ta’ mhux aktar minn 45 minuta, se tkun il-ħarġa perfetta għall-familja kollha, jekk qed tfittex li tagħmel xi ħaġa kemmxejn differenti fi tmiem il-ġimgħa. Se jkun hemm preżentazzjoni fit-3 ta’ wara nofsinhar u oħra fis-6 ta’ filgħaxija, kemm is-Sibt kif ukoll il-Ħadd. Huwa avveniment perfett għal daqsxejn divertiment qabel jew wara t-te ta’ wara nofsinhar jew xi pranzu bikri tul ix-xatt pittoresk tal-Birgu maċ-ċkejknin tiegħek.

Il-Qtates ta’ max-Xatt huwa xogħol kollaborattiv fi sħubija mal-Kunsill Malti għall-Arti, Festivals Malta, il-Festival tat-Tliet Palazzi, Culture Pass Malta, il-Ministeru għall-Edukazzjoni u Impjieg, LESA u Heritage Malta. Biex tibbukkja l-biljetti tiegħek jew għal aktar informazzjoni dwar dan l-avveniment ħelu, żur teatrumalta.org.mt jew ċempel 21220255.

Għamilna Ħolma Tinkiteb – Teatru Malta 2019 Programme Launch

Dalgħodu Teatru Malta nieda l-programm tiegħu għall-2019 ġewwa ċ-ċinema tas-City Lights fil-Belt Valletta b’kalendarju mimli daqs bajda b’avvenimenti u proġetti eċitanti. Teatru Malta ġie stabbilit fl-2017 bħala l-kumpanija tat-Teatru Nazzjonali. L-għan ta’ Teatru Malta, kif ħareġ biċ-ċar tul is-sena li għaddiet, huwa li jkisser ir-rabtiet mal-insularità f’dak li għandu x’jaqsam mat-teatru u li jimxi lejn ekosistema ta’ teatru li m’għandux ħitan, limitazzjonijiet artistiċi u lanqas limiti stutturali!

Ħolma Tinkiteb – Teatru Malta 2019 Campaign

Il-kampanja ta’ Teatru Malta għall-2019 hija taħbil il-moħħ bl-istampi magħmula minn simboli li ma jinftehmux. Metafori li jibilgħu lill-ħalliem sħiħ. Vjaġġ immexxi mill-inkonxju biex jieħu l-ħajja permezz tal-istampi li jibqgħu mwaħħlin fil-memorja ta’ dawk kollha li jkunu xhieda tagħhom.

 

Hija toħlom bil-qtates li lagħbu bil-ħjut tas-suf u l-buttuni li waqgħu mill-kostumi tal-performers tat-triq huma u jimmarċjaw fost il-folol.

 

Hija toħlom bil-pupazzi rotob li ngħataw il-ġenb hekk kif bniet u subien inġabru biex jieħdu sehem f’festival, u bil-ġagagi tal-isptar ta’ pazjent li qed jistenna bla kwiet biex jgħidilna l-istorja tiegħu.

 

Hija toħlom bil-ġebel li waqqgħu lil Papa mixduda bil-ħarir, u d-demm li nxtered fis-7 ta’ Ġunju.

 

Hija toħlom bl-iskripts tal-atturi li ħadmu bla heda fuq il-monologi tagħhom, u bil-ħamrija friska bil-marka tar-rifsa tar-Rinoċeronti.

 

Hija toħlom b’ġuvni żagħżugħ li jixrob sadistikament ammonti fenomenali ta’ ħalib, u b’post miksi qargħa ħamra ta’ mara li m’għandhiex isem.

 

Hija toħlom bi gwardarobbi mimlijin kostumi kapaċi jlibbsu kull attur fuq il-palk ta’ pantomima.

 

Hija aħna, u aħna hi. Il-ħolma tagħha hija l-ħolma tagħna, u issa l-ħolma tagħna se ssir tagħkom.