Opra ġdida għat-tfal Maltin!
Ilbieraħ ġiet imnedija l-opra tat-tfal “Il-Qtates ta’ max-Xatt” mal-ewwel grupp ta’ tfal tal-iskola.
Tkun xi tkun l-età tiegħek, huwa diffiċli li ma tħossokx emozzjonat b’din il-produzzjoni adorabbli għax verament tmiss qalb kulħadd. Il-pupazzi magħmulin mill-artist lokali Matthew Pandolfino huma l-istilel tal-ispettaklu u kull wieħed minnhom jiġi interpretat mill-kast inkredibbli tagħna li rnexxielhom jaqbdu l-maġija tal-ktieb tant maħbub ta’ Clare Azzopardi u jagħtuha l-ħajja fuq il-palk. Id-direzzjoni ta’ Denise Mulholland hija bla intoppi u fiha attenzjoni kbira għad-dettall. Dan jinħass kemm fid-disinn ta’ Sven Bonnici għal sett li jilgħab bil-perċezzjoni tal-udjenza kif ukoll fil-ġmiel ta’ kostumi u props magħmulin minn Matthew Cassar bl-għajnuna ta’ Hannah Grech Pirotta.
Kull membru tal-udjenza li hu familjari mal-ktieb żgur li se jħobb dan l-ispettaklu, u għal kull min ma qraħx, ejjew u ħallu l-kompożizzjoni mużikali ta’ Euchar Gravina teħodkom fuq vjaġġ maġiku differenti minn kull vjaġġ ieħor. Imdawwla mill-bravu Christopher Gatt, din l-istorja tfakkarna li wara kull niket jerġa’ jitfaċċa d-dawl; xi kultant għandna bżonn biss inħarsu lejn l-istilel biex insibuh.