MILIED tajjeb u SENA ĠDIDA!

https://www.facebook.com/TeatruMalta/videos/452324749038654/

Kellna sena mimlija qtates, ribelli, papiet, rinoċeronti, sħaħar, larinġ, u x’naf jien, u nixtiequ nieħdu din l-opportunità biex nirringrazzjaw lil kull kollaboratur, sieħeb, direttur, membru tat-tim tal-produzzjoni u attur kemm barrani kif ukoll lokali talli emmintu fil-viżjoni tagħna u ngħaqadtu magħna fuq ir-rikba eċċitanti li kienet is-sena 2019! 

Fuq kollox nirringrazzjaw lill-udjenzi tagħna talli magħna daħqu, bkew, u ġew jarawna … INTOM ir-raġuni li nagħmlu dak li nagħmlu. 

Minn qalbna nixtiequ MILIED tajjeb u SENA ĠDIDA mimlija hena u ġid lil kulħadd! 

Muzika ta’ Alex Vella Gregory

#awguri #ontothenext #happyholidays #seeyounextyear #teatrumalta

XENI – L-APPLIKAZZJONIJIET ISSA HUMA MIFTUĦIN!

XENI
Workshop dwar il-Kostruzzjoni, it-Tiżbigħ u l-Bini  tas-Sett
Dati: 17 – 19 ta’ Jannar 2019
Post: Spazju Kreattiv, Kavallier ta’ San Ġakbu, Valletta
No photo description available.
Boulevard, 2018 – Photo: Elisa von Brockdorff
Jinteressawk il-kostruzzjoni, it-tiżbigħ u l-bini  ta’ sett teatrali?
Trid titgħallem minn uħud mill-aqwa nies li s-settur għandu x’joffri?
xeni
Trid tkun taf aktar?
Mela ibgħatilna ittra u CV fuq contact@teatrumalta.org.mt biex tirċievi l-pakkett ta’ informazzjoni tiegħek.
L-iskadenza għall-applikazzjonijiet hija t-18 ta’ Diċembru 2019

Trikk TRAKK ħarġu l-APPLIKAZZJONIJIET!

Il-Festival tat-Teatru taż-Żgħażagħ Trikki Trakki

Il-Formola ta’ Applikazzjoni tant mistennija ta’ Trikki Trakki waslet!

Trikki Trakki huwa festival tat-teatru taż-żgħażagħ li joffri liż-żgħażagħ l-opportunità joħolqu t-teatru. Bażikament huwa teatru magħmul miż-żgħażagħ għaż-żgħażagħ.

Jintgħażlu massimu ta’ 6 skejjel biex jipparteċipaw. Kull skola għandha tipproduċi spettaklu qasir ħafna bbażat fuq test tat-teatru klassiku taħt il-gwida u l-kompetenza ta’ tuturi professjonali u diretturi provduti minna.

Kull skola f’Malta li għandha studenti tas-7 sena, inklużi skejjel tal-istat, tal-knisja u privati, tista’ tkun parti minn dan il-proġett meraviljuż!

Interessati? Ibgħatu email fuq contact@teatrumalta.org.mt għall-iktar informazzjoni!

Trikki Trakki huwa prodott minn Teatru Malta, b’kollaborazzjoni mal-Ministeru għall-Edukazzjoni u d-Drama Unit.

Lanqas għandu idea x’inhu liebes fuq rasu!

It-tnedija tal-aktar produzzjoni reċenti tagħna u l-aħħar waħda (għall-erwieħ) għall-2019: Ħax-Xjuħ iġġib magħha ħafna affarijiet iżda ħaġa waħda b’mod partikolari: Headdress! Għandek mnejn taħseb li m’hemm xejn stramb li attur jilbes xi ħaġa fuq rasu fuq il-palk għax huwa kostum hux? Xi ħaġa li tixtri minn kwalunkwe ħanut tal-kostumi, le? Korrezzjoni… hija ħażina. U l-esej li tfajna fil-link hawn taħt tispjega għaliex.

 

Ħax-Xjuħ imur lura għal żmien meta n-nies ma kienx jimpurtahom dwar it-tifsira ta’ approprjazzjoni kulturali jew jafu s-sinifikat veru wara ċertu lbies. Kien hemm nuqqas ta’ għarfien u b’dak in-nuqqas forsi kien hemm ċertu kuntentizza li ma tantx insibuha llum. L-umoriżmu li jiddependi fuq dak it-tip ta’ nuqqas ta’ għarfien li l-pantomima tixxala fuqu. Dan jagħmilha owkej? It-tweġiba ċara hija le; imma l-ispettaklu tagħna jpinġi b’mod preċiż iż-żmien li qed nirrappreżentaw fuq il-palk? Assolutament. Ejja biss niżguraw li nitgħallmu mill-iżbalji ta’ missirijietna u nkunu aħjar ‘il quddiem. Aqra sew u kun għaqli permezz tal-link hawn taħt.

 

Nadia Vella, tgħidilna aktar dwar Min Hi!

Minn fuq ferrovija fl-Iżvezja għal teatru ġo Bormla, Nadia Vella tirrakkonta kif spiċċat taħdem fuq il-proġett “Min Hi?”

Iddeskrivilna l-proċess tal-provi s’issa.

Kont fuq ferrovija fl-Iżvezja aktar kmieni din is-sena meta tkellimt ma’ Ruben bit-telefon. Huwa spjegali fil-qosor l-ideat tiegħu għal dan il-proġett u bħala dilettanta tal-affarijiet tal-waħx, kont immedjatament affaxxinata. Din hija wkoll l-ewwel esperjenza tiegħi ma’ Teatru Malta u l-biċċa l-kbira tax-xogħol tiegħi s’issa kien bl-Ingliż, għaldaqstant ħadt gost bil-bidla. It-test miktub tant tajjeb minn Trevor Zahra flimkien mal-partitura ritmikament diffiċli ta’ Ruben kienu ta’ sfida, iżda s’issa qed nieħu pjaċir immens naħdem fuqhom. Qegħdin naħdmu wkoll bit-tazzi mimlijin bl-ilma biex nipproduċu ħsejjes, strumenti tal-perkussjoni, kif ukoll looper.

 Din il-Ġimgħa se tidħlu fit-teatru, għandek xi ftit ansjetà dwar il-ġimgħa tal-produzzjoni?

Tiċċajta! Għadni ma ltqajtx ma’ Lee-N s’issa, però minn dak li rajtha tagħmel fil-passat naf li hija attriċi brava li nispera se jkolli l-opportunità nitgħallem ħafna minngħandha. Minħabba li l-iskritt huwa kemmxejn kumpless u l-fatt li naf li Ruben huwa pittma dwar kull dettall, żgur li se jkun hemm xi sfidi tul il-proċess – Imma jiena ħerqana għall-ġimgħa tal-produzzjoni u dak li nista’ nitgħallem minn dawk li qed naħdem magħhom. Diġà kont xortija tajba li kelli l-opportunità naħdem ma’ Moritz, id-disinjatur tad-dawl, meta ħdimt il-parti ta’ Abigail Williams f’The Crucible, u verament ninsab ħerqana biex nara kif id-disinji tad-dawl tiegħu ser jgħaqqdu kollox.

Ruben semma’ li se tkun qed tadotta teknika magħrufa bħala “looping vokali” fil-kant tiegħek, inti diġà familjari ma’ dan il-metodu?

Din hija l-ewwel darba li qed naħdem b’looper. F’waħda mix-xeni qed nużaw il-Miserere Mei Deus ta’ Allegri maħduma għal 3 vuċijiet, imma fil-verità, se tkun il-vuċi tiegħi biss. Ruben se jkun qed iħaddem il-looper waqt li jien kull darba nkanta b’vuċi differenti biex noħolqu l-effett ta’ kor. Din it-teknika se tkun qed tintuża wkoll bit-test mitkellem u b’vokalizzazzjonijiet varji skont ix-xeni.

 X’inhuma l-ħsibijiet tiegħek dwar il-produzzjoni u x’għandha tistenna li tara l-udjenza?

Naf li kien hemm diversi reazzjonijiet għall-wirjiet fit-toroq li diġà ġew ippreżentati biex jippromwovu dan l-ispettaklu. Peress li kull persuna hija differenti, daqstant ieħor hija r-reazzjoni tagħhom għal dak li jaraw. Personalment inħoss li l-kontenut tal-ispettaklu jevoka s-sensi u li kull membru tal-udjenza se jiġi affettwat b’xi mod jew ieħor.

X’imiss għal Nadia Vella wara din?

Kuntenta ħafna li din is-sena diġà kienet mimlija b’xogħol u spettakli. B’xorti tajba għandi għadd ta’ proġetti oħra jistennewni. F’Novembru se nkanta f’kunċert rock bl-isem ‘Tribute to the Fallen Stars’ f’The Garage u din il-ġimgħa se nkun għall-ewwel darba qed nidħol fil-karattru ta’ Wednesday Addams għall-produzzjoni ta’ Arthaus ta’ The Addams Family Musical li se tittella’ fl-2020. Bħalissa qed nistinka wkoll biex is-sena d-dieħla nikseb il-Fellowship tiegħi mat-Trinity College ta’ Londra.

Sean Buhagiar fdat b’mandat ieħor bħala Direttur Artistiku ta’ Teatru Malta

Wara li f’Awwissu li għadda ħarġet sejħa għal Direttur Artistiku ta’ Teatru Malta għas-snin 2020-2022, Teatru Malta jixtieq jifraħ uffiċjalment lil Sean Buhagiar talli għal darba oħra kiseb din il-pożizzjoni. Sean Buhagiar kien ħa l-kariga tal-ewwel direttur artistiku tal-Kumpanija Teatrali Nazzjonali fl-2017.

Teatru Malta Launch, Teatru Metanoia, Luqa – March 2017

Waqt l-ewwel ħatra tiegħu, Teatru Malta produċa numru ta’ produzzjonijiet li involvew għadd kbir ta’ udjenzi. Insemmu pereżempju Ilħna Mitlufa, ħarsa teatrali lejn l-għana Maltija fit-Teatru Salesjan fl-2018, li mbagħad ittellgħet ukoll f’Għawdex u Torino fl-2019; Nassaba – Song of Bird li daret mal-każini lokali, u Raymond Fight Beck, dramm ġdid bil-Malti li ressaq ukoll lill-akkaniti tal-boksing lejn it-teatru għall-ewwel darba. Fl-2018, Teatru Malta stabbilixxa Trikki Trakki, Festival tat-Teatru għaż-Żgħar li issa riesaq b’suċċess lejn it-tielet sena tiegħu.  Teatru Malta huwa rikonoxxut ukoll bħala membru kburi tal-European Theatre Convention (ETC), l-akbar netwerk li teżisti għall-entitajiet teatrali pubbliċi fl-Ewropa. Barra li tipproduci u tippubblika xogħolijiet klassiċi tradotti bil-Malti, il-kumpanija kkumissjonat ukoll proġetti mhux konvenzjonali bħall-produzzjoni VII (Sette) bħala kommemorazzjoni f’għeluq il-100 anniversarju tal-irvellijiet tas-Sette Giugno kif ukoll il-Panto in the Dark, pantomima li twessa’ l-limiti tal-aċċessibbilta billi ttella’ teatru fid-dlam ċappa, l-ewwel waħda ta’ din ix-xorta f’Malta. Bħalissa Sean jinsab jiddirieġi Larinġa Mekkanika, l-ewwel traduzzjoni Maltija ta’ A Clockwork Orange – A Play with Music ta’ Anthony Burgess li qed tiġi adattata għal udjenzi żgħażagħ.

On the set of ”Raymond ”Fight” Beck”, March 2018

Fl-okkazjoni tal-ħatra mill-ġdid tiegħu Style on Sunday se jkun qed jistaqsi lil Sean xi ftit mistoqsijiet dwar il-viżjoni u l-intenzjonijiet tiegħu għat-tliet snin li ġejjin tat-Teatru Malta. Imma aħna nbatu bil-kurżità u għalhekk ma rnexxilniex inżommu lura milli naqsmu magħkom silta ċkejkna mill-intervista hawn!

Dan hija t-tieni mandat tiegħek bħala Direttur Artistiku ta’ Teatru Malta. Meta tħares lura, tħoss li kont tagħmel xi ħaġa differenti matul l-ewwel tliet snin?

Dażgur! Dejjem għidna li ridna nieħdu r-riskji, ridna nagħmlu teatru innovattiv, xogħol li ma kienx qed jiġi prodott f’pajjiżna. Dan huwa riskjuż, u meta tieħu riskji, ovvjament tista’ tagħmel xi żbalji wkoll.

Kif qal Bernard Shaw, is-suċċess ma jikkonsistix f’li qatt ma tiżbalja imma li qatt ma tagħmel l-istess żball għat-tieni darba. L-evalwazzjoni tal-għażliet li nagħmlu turi rispett lejn il-pubbliku tagħna. L-iżbalji li għamilna se jaffettwawlna d-deċiżjonijiet li għad irridu nagħmlu fil-futur. Iżda żgur li se nibqgħu nagħmlu żbalji ġodda. Ma nistgħux nilagħbu mingħajr periklu, aħna dawk li għandna bżonn nieħdu r-riskji, b’rispett lejn is-settur tagħna.

Teatru Malta 2019 Programme Launch, City Lights Cinema Valletta, January 2019 – Photo by Lindsey Bahia

Dak li ma nbiddilx hija l-viżjoni. Hemm bżonn ta’ aktar minn tliet snin biex nipprovdu bidla kulturali u ninsabu tassew kburin ħafna minn dak li ksibna s’issa, fi tliet snin biss. Teatru Malta bena reputazzjoni soda, imma nkunu ferm arroganti kieku ngħidu li għamilna kollox perfett. Kellna produzzjonijiet ta’ suċċess u oħrajn ta’ inqas suċċess. Però dejjem ipproduċejna xogħol b’integrità u bl-uniku għan li nressqu teatru ta’ kwalità għall-pubbliku tagħna. Ruma ma nbnietx f’jum wieħed. Meta nħares lura lejn l-ewwel tliet snin tagħna, nifhem li se jirnexxielna nagħmlu aħjar.

Għall-intervista sħiħa tonqosx milli taħtaf kopja ta’ Style on Sunday nhar il-Ħadd 13 ta’ Ottubru mas-Sunday Times of Malta!

”L-ISTORJA VERA WARA L-MARA BIL-MASKRA”

Wara r-reazzjoni pubblika mingħajr preċedent għal sensiela ta’ dehriet ta’ mara mgħammda li issa qed tissejja ‘Il-Biċċiera tal-Pupi ta’ ‘Ħaż-Żebbuġ’ ‘, Teatru Malta jixtieq tinforma lil kulħadd li din kienet fil-fatt, parti minn serje ta’ wirjiet fit-toroq li kienu ġew imħabbra fil-programm tagħhom għall-2019 f’Jannar li għadda. Dawn il-wirjiet teatrali fit-toroq, li s’issa seħħew f’Ħaż-Żebbuġ, Marsaxlokk, Tas-Sliema u waqt il-festa tar-raħal tal-Gudja, huma parti minn proġett imsejjaħ ”Min Hi?”, Immexxi mill-artist lokali Ruben Zahra u ispirat minn storja qasira miktuba minn missieru, Trevor Zahra.

Haz-Zebbug – Ritratt ta’ Elisa von Brockdorff

L-iskop li dawn il-wirjiet fit-toroq ma ġewx imħabbra s’issa ma kien bl-ebda mod maħsub biex jiġbdu l-attenzjoni għall-pubbliċità. L-intenzjoni kienet purament artistika u waħda direttament relatata mal-istorja qasira miktuba minn Trevor Zahra bit-titlu ”Gerita”; storja mill-ġabra tal-pubblikazzjoni rebbieħa tiegħu “Penumbra” li tiddeskrivi l-istorja ta’ saħħara mhux magħrufa li tivvjaġġa minn raħal għal raħal. Fl-istorja, “Gerita dehret għall-ewwel darba nhar il-festa tar-raħal, tqatta’ l-pupi tal-lastiku b’sikkina tal-qubbajt u tidlikhom bit-tomato ketchup …’’

‘’Meta jien u Ruben konna qed nippjanaw dan ix-xogħol, it-test u d-drama ħdimniehom simultanjament … waħda tikkumpimenta lill-oħra.  Nittamaw li din tkun esperjenza unika ta’ makabrità stilizzata u poetika’’ stqarr il-kittieb Trevor Zahra.

Fil-fatt, il-wirjiet tal-istallazzjonijiet tat-toroq ġew maħsuba għall-udjenzi kollha, minkejja s-suppożizzjoni popolari. Dawn il-wirjiet pop-up, għalkemm huma relatati, bl-ebda mod ma huma marbuta mar-rakkomandazzjoni tal-età ta’ 12+ tal-erba’ spettakli finali, li se jittellgħu fir-Rialto ta’ Bormla. L-istallazzjonijiet tat-toroq se jkomplu għaddejjin sat-12 ta’ Ottubru b’żewġ wirjiet finali li se jsiru t-Tlieta 8 ta’ Ottubru fil-Belt Valletta, quddiem Pjazza Teatru Rjal, u fil-Birgu s-Sibt 12 ta’ Ottubru, waqt l-avveniment tant mistenni Birgu by Candlelight. Dawn l-aħħar żewġ stallazzjonijiet tat-triq kienu dejjem intenzjonati li jkunu l-uniċi żewġ wirjiet imħabbra tal-lott, li jispjega s-silenzju s’issa mill-parti ta’ Teatru Malta. Id-Direttur u l-kompożitur tal-ispettaklu, Ruben Zahra qal li “Demografiji differenti ovvjament se jirreaġixxu b’mod differenti u filwaqt li wħud isibuha diffiċli, oħrajn se jsibuha wkoll tal-waħx u forsi saħansitra kontroversjali” – “dan huwa t-tip ta’ djalogu li t-teatru għandu jqajjem – li tagħti lin-nies suġġett u huma jipproġettaw il-biżgħat u l-aġendi tagħhom stess, hija xi ħaġa interessanti ħafna. Il-wirjiet tat-toroq kienu jkunu tilfu kull ambitu kieku n-nies kienu avżati dwarhom.

Marsaxlokk – Ritratt ta’ Maria Galea

Id-direttur artistiku ta’ Teatru Malta, Sean Buhagiar, stqarr li “Kien interessanti ħafna li tara kif it-teatru tat-triq sar is-suġġett ta’ aħbarijiet foloz fuq il-midja soċjali. L-istorja tat-teatru wriet li t-teatru tat-triq jista’ jkun effettiv ħafna fil-bidu ta’ konversazzjoni umana, huwa prodott regolarment minn kumpaniji tat-teatru madwar id-dinja. … Huwa wkoll preżenti ħafna fit-tradizzjonijiet tagħna, madankollu ġie trattat b’mod differenti minħabba l-biża’ komuni ta’ dak li mhux magħruf. Hija r-responsabbiltà tagħna bħala kumpanija tat-Teatru Nazzjonali li nieħdu r-riskji, u naħdmu biex nagħmlu programm fuq ix-xogħol li jimraħ f’postijiet ġodda”.  Buhagiar jikkonferma wkoll li, “Però, billi nħobbu nieħdu r-riskji ma jfissirx li ma nimxux mar-regoli, u huwa għalhekk li l-awtorizzazzjoni uffiċjali, il-permessi u l-valutazzjonijiet tar-riskju kienu kollha osservati qabel kull wirja fit-triq. Aħna issa nistennew bil-ħerqa l-ispettakli fir-Rialto”.

Għaldaqstant, dan il-proġett, Min Hi?, se jilħaqq il-qofol tiegħu l-Ħamis 31 ta’ Ottubru fil-ġmiel ta’ teatru li għandhom Bormla, ir-Rialto. Din se tkun l-ewwel darba fi kważi seba’ snin li dan iċ-ċinema meraviljuż ta’ stil art-deco faċċata l-baħar, se jerġa’ jiftaħ il-bibien tiegħu għall-pubbliku ġenerali. L-attriċi brava Lee-N Abela se tkun qed twettaq sensiela ta’ rakkonti makabri bil-Malti bbażati fuq varjetà ta’ karattri femminili popolari matul l-istorja. Is-Sopran Nadia Vella se tkun qed tkanta live matul l-ispettaklu. L-udjenzi jistgħu jistennew li jesperjenzaw għadd ta’ xeni affaxxinanti li jiżviluppaw quddiem għajnejhom stess. Dawn jinkludu kaxex tal-mużika, puppazzi, linef, bebbux, pupi u kurżitajiet oħra.

Il-postijiet bilqiegħda huma limitati u l-produzzjoni se tibda tintwera fil-lejla ta’ Halloween biex imbagħad tibqa’ għaddejja sat-3 ta’ Novembru għal 4 iljieli ta’ tkexkix biss. Biex tibbukkja l-biljetti tiegħek għal Min Hi? żur kultura.mt jew inkella tista’ żżur ukoll teatrumalta.org.mt għal aktar tagħrif idħlu hawn.

 

”Din hija farsa mimlija azzjoni!” – Michael Fenech

Hawn min, bir-raġun, jista’ jaħseb li RINOĊERONTI, miktuba fl-1959 fil-ġeneru magħruf bħala t-Teatru tal-Assurd, hija kummiedja xi daqsxejn antikwata.  It-terminu Teatru tal-Assurd huwa umbrella li taħtha jistkennu bosta kittieba diversi ħafna stilistikament minn xulxin, imma, għandhom preokkupazzjonijiet komuni mal-filosfi eżistenzjalisti. Il-bniedem huwa dgħajjef quddiem dinja kiefra u bla sens, il-lingwa ma taqdix sew il-funzjoni tagħha li tgħinna nifhmu lil xulxin.  U l-mewt hija xhieda li minkejja li qatt ma għandu ċans jirbaħ, l-unika triq għall-bniedem hija li jissielet – ġlieda mitlufa vera, imma x’tagħmel?  

Ritratt ta’ Darren Agius 

Ionesco kellu ħabta jgħaqqad temi politiċi, bħall-populiżmu, ma’ pożizzjonijiet personali, bħat-twemmin li fil-qiegħ ta’ qalb il-bniedem hemm bhima tissielet mar-raġuni, bil-pessimiżmu intiż li l-bhejjem, fl-aħħar, dejjem jirbħu. 

Allura ġejtu taraw teżi filosofika, kollha tidwir tal-kliem u sofistikazzjoni ta’ ħsieb, fuq temi tqal u ta’ dwejjaq?

Ritratt ta’ Lindsey Bahia

Lanqas xejn!  Din hija farsa mimlija azzjoni – minn invazjoni ta’ bhejjem sa terrimot; minn trasformazzjoni u logħob bil-kliem sa korjografija u ċajt kurrenti.  It-traduzzjoni litterarja ta’ Clare Azzopardi u Albert Gatt mit-test Franċiz oriġinali hija l-bażi ta’ dan l-addatment tiegħi, fejn il-ħsieb huwa li RINOĊERONTI, miktuba sittin sena ilu, tista’ tiġri f’Malta tal-lum.  Tbiegħedt mit-test ta’ Ionesco biss biex insaħħah ir-rilevanza tax-xogħol, biex nagħmlu kurrenti u biex inżid mal-battuti komiċi li Ionesco jinfilsa il-ħin kollu, anki fl-iktar mumenti fejn ma tistennihomx. Mill-bqija RINOĊERONTI għadha rilevanti u kurrenti daqs l-ewwel darba li telgħet.  

Ħajr lit-tim kreattiv li ta sehem fil-binja ta’ din il-produzzjoni u partikolarment lil Teatru Malta ta’ dan il-proġett siewi ta’ traduzzjonijiet marbuta ma’ produzzjonijiet tat-teatru modern dinji.  

 

XILALLU – Audition Call

Ħej INT! Iva, INTI!!!

Teatru Malta qed ifittxu Artisti tat-Triq: b’ħiliet taċ-Ċirku, tal-Mużika, tat-Taħdit u n-Narrazzjoni, tal-Beatbox, tar-Rap, tal-Parkour, tal-Ġinnastika, tat-Tixbit, tat-Teatru Fiżiku, bil-Pupazzi U SAĦANSITRA bl-Iskateboards biex ikunu parti mill-proġett tat-teatru tat-triq, XILALLU

Taħseb li għandek dak li qed infittxu?

Ibagħtilna email fuq contact@teatrumalta.org.mt biex nibgħatulek iżjed informazzjoni!

No photo description available.

”Kont xortija tajba bizzejjed li ngħatajt l-opportunita naħdem fuq xi ħaġa monumentali bħal din” – Simon Bartolo jgħidilna aktar dwar l-esperjenza tiegħu bhala t-traduttur ta’ VII

Li naħdem bħala traduttur waqt li qed jinħoloq dramm kontemporanju mużikali ġdid hija esperjenza li tisfidani u tippremjani fl-istess ħin. Kelli niftiehem mad-direttriċi, il-produttur, il-kompożituri, l-atturi u ovvjament, mal-kittieba nfisha. Rajt kull xena tinbena quddiem għajnejja fl-istess ħin waqt li kont inkun qed naħdem fuqha. Kont nisma’ l-atturi jaqrawha u mbagħad jgħiduli x’jaħsbu dwar il-kliem li nkun tajthom, biex inbiddel u neditja skont il-ħtieġa. Huma jafu l-karattri iżjed minni u għandi rispett kbir għall-opinjoni tagħhom. Ġieli kont frustrat meta naħseb li xi ħadd biddilli xi biċċiet fid-dokument il-kbir li juża kulħadd, biex imbagħad nirrealizza li kont jien stess li wettaqt it-tibdil! Kelli naqta’ xeni li kont inħobb u nqaċċat bċejjeċ li domt naħdem fuqhom iljieli sħaħ. L-agħar mument kien meta tlift ġurnata sħiħa kitba li qatt ma reġgħet instabet. Tgħid għadha ddur xi mkien ġo cyberspace bħal astronawta mitlufa fl-ispazju? Aħjar ma nibqax naħseb dwarha għax issa ntilfet, għaddiet u marret. L-importanti hu li din kienet esperjenza sabiħa immens li xi kultant qatgħatli nifsi bil-frustrazzjoni imma ġeneralment tellgħatni l-ġenna bil-pjaċir.

Ritratt ta’ Kris Micallef

Kont xortija tajba bizzejjed li ngħatajt l-opportunita naħdem fuq xi ħaġa monumentali bħal din u se jkolli nammetti li kien hemm mumenti fejn iddubitajt xi ftit minni nnifsi. Imma issa li xogħli lest nħossni kburi bir-riżultat u nista’ noqgħod nara l-performers jużaw it-test brillanti tal-kittieba brava Erin Carter li jiena ttraduċejt u adattajt, inħoss sodisfazzjon li huwa uniku u differenti mis-sodisfazzjon li jkolli meta nkun jien il-kittieb. Nissaponi li bħala traduttur nista’ ngawdi l-performance kompletament, mingħajr ma jkolli dik l-ansjetà familjari tal-kittieb dejjem xi ftit jew wisq preżenti li ttellifni ftit mill-pjaċir.

Ritratt ta’ Kris Micallef

VII huwa wieħed mill-aktar proġetti eċċitanti li qatt kelli x-xorti naħdem fih. Il-mużika hija eċċezzjonali, l-istorja hi ovvjament waħda mill-aktar biċċiet importanti fl-istorja reċenti ta’ ġensna u tqanqal tant emozzjonijiet fija li nispiċċa bid-dmugħ, u l-proċess innifsu kien tajjeb minħabba li The New Victorians huma ħabrieka u jafu x’qed jagħmlu. Kollox ma’ kollox din kienet esperjenza pożittiva ferm. Kont se niġġennen? Da żgur! Li kelli nerġa’ ngħaddi minnha, nagħmilha? Assolutament.

Tixtieq tkun taf xi ġralha Malta fis-VII ta’ Ġunju? Ixtri biljett illum minn https://www.kultura.mt/event/376

 

Ritratt ta’ Simon Bartolo ta’ Olwyn Jo