”Kont xortija tajba bizzejjed li ngħatajt l-opportunita naħdem fuq xi ħaġa monumentali bħal din” – Simon Bartolo jgħidilna aktar dwar l-esperjenza tiegħu bhala t-traduttur ta’ VII

Li naħdem bħala traduttur waqt li qed jinħoloq dramm kontemporanju mużikali ġdid hija esperjenza li tisfidani u tippremjani fl-istess ħin. Kelli niftiehem mad-direttriċi, il-produttur, il-kompożituri, l-atturi u ovvjament, mal-kittieba nfisha. Rajt kull xena tinbena quddiem għajnejja fl-istess ħin waqt li kont inkun qed naħdem fuqha. Kont nisma’ l-atturi jaqrawha u mbagħad jgħiduli x’jaħsbu dwar il-kliem li nkun tajthom, biex inbiddel u neditja skont il-ħtieġa. Huma jafu l-karattri iżjed minni u għandi rispett kbir għall-opinjoni tagħhom. Ġieli kont frustrat meta naħseb li xi ħadd biddilli xi biċċiet fid-dokument il-kbir li juża kulħadd, biex imbagħad nirrealizza li kont jien stess li wettaqt it-tibdil! Kelli naqta’ xeni li kont inħobb u nqaċċat bċejjeċ li domt naħdem fuqhom iljieli sħaħ. L-agħar mument kien meta tlift ġurnata sħiħa kitba li qatt ma reġgħet instabet. Tgħid għadha ddur xi mkien ġo cyberspace bħal astronawta mitlufa fl-ispazju? Aħjar ma nibqax naħseb dwarha għax issa ntilfet, għaddiet u marret. L-importanti hu li din kienet esperjenza sabiħa immens li xi kultant qatgħatli nifsi bil-frustrazzjoni imma ġeneralment tellgħatni l-ġenna bil-pjaċir.

Ritratt ta’ Kris Micallef

Kont xortija tajba bizzejjed li ngħatajt l-opportunita naħdem fuq xi ħaġa monumentali bħal din u se jkolli nammetti li kien hemm mumenti fejn iddubitajt xi ftit minni nnifsi. Imma issa li xogħli lest nħossni kburi bir-riżultat u nista’ noqgħod nara l-performers jużaw it-test brillanti tal-kittieba brava Erin Carter li jiena ttraduċejt u adattajt, inħoss sodisfazzjon li huwa uniku u differenti mis-sodisfazzjon li jkolli meta nkun jien il-kittieb. Nissaponi li bħala traduttur nista’ ngawdi l-performance kompletament, mingħajr ma jkolli dik l-ansjetà familjari tal-kittieb dejjem xi ftit jew wisq preżenti li ttellifni ftit mill-pjaċir.

Ritratt ta’ Kris Micallef

VII huwa wieħed mill-aktar proġetti eċċitanti li qatt kelli x-xorti naħdem fih. Il-mużika hija eċċezzjonali, l-istorja hi ovvjament waħda mill-aktar biċċiet importanti fl-istorja reċenti ta’ ġensna u tqanqal tant emozzjonijiet fija li nispiċċa bid-dmugħ, u l-proċess innifsu kien tajjeb minħabba li The New Victorians huma ħabrieka u jafu x’qed jagħmlu. Kollox ma’ kollox din kienet esperjenza pożittiva ferm. Kont se niġġennen? Da żgur! Li kelli nerġa’ ngħaddi minnha, nagħmilha? Assolutament.

Tixtieq tkun taf xi ġralha Malta fis-VII ta’ Ġunju? Ixtri biljett illum minn https://www.kultura.mt/event/376

 

Ritratt ta’ Simon Bartolo ta’ Olwyn Jo