Għalliema ħudu nota! Trikki Trakka reġgħa magħna!

Iċċekkjaw l-emails u ħudu nota, għax malajr tinsew data oħra!

https://www.facebook.com/TeatruMalta/videos/220743069324754/?v=220743069324754

Qed naħdmu fuq l-edizzjoni li jmiss; żommu ruħkom aġġornati biex tipparteċipaw fil-maġija ta’ Trikki Trakki 2021. Għalissa agħtu titwila lejn xi memorji ħelwin minn 2020!

 

#BEZZJONI: Josette Ciappara

Ritratt: Elisa von Brockdorff

Josette Ciappara huwa isem li jaf kulħadd, mhux magħna ta’ Teatru Malta biss. Ħdimna ma’ Josette għal snin sħaħ u jekk inti taf lilha jew lil bintha Marta Vella mela mhux talli int probabilment ġejt mistieden fid-dar sabiħa tagħhom f’Ħal Kirkop, imma probabbilment ukoll iltqajt mar-Re tal-familja, Pug … il-pug li bla mistħija ta’ xejn ipprova jisraq l-attenzjoni minn fuq Josette f’dan ir-ritratt. Pug u Josette inqaflu u żammew kumpanija lil xulxin waqt il-pandemija, xi ħaġa li Pug żgur li ħa pjaċir biha għax huwa ovvjament imdorri sew bl-iskeda ma taqta’ xejn ta’ Josette.

Bejn il-fatt li tgħallem, tidderieġi u għadd ta’ proġetti oħra, it-terminu “mistrieħ” huwa kunċett stramb għal Josette, iżda issa fl-aħħar sabet il-ħin biex tnaqqas ir-ritmu u tieħu nifs fil-fond, fid-dar u b’distanza sikura minn ħaddieħor.  Ejja naraw flimkien x’qaltilna bħala parti minn Bezzjoni, serje ta’ Teatru Malta b’inkontri bieb bieb ma’ ikoni tat-teatru Malti.

 

Josette Ciappara hija normalment assoċjata mal-Edukazzjoni. Hija segwiet fil-passi ta’ ommha bħala għalliema, u introduċiet id-drama fit-tagħlim tagħha biex tilħaq aktar studenti. Rebħet borża ta’ studju mill-ambaxxata Franċiża u kellha offerti minn żewġ skejjel fir-Renju Unit. Meta ġiet lura Malta, saret membru tad-Drama Unit u tutur fl-MTADA minn fejn kienet iggradwat.

Fl-2001 inħatret kap taċ-Centru Mikelang Borg, li rrimpjazza l-MTADA. Matul l-aħħar sena tagħha bħala kap taċ-Ċentru tad-Drama, organizzat Festival tad-Drama Internazzjonali. Hija ħadet diversi rwoli ewlenin fi drammi u f’serje televiżivi.

“Illum jien uffiċjalment irtirata u saħansitra rnexxili nidħol bi tkaxkira fil-lista tal-“vulnerabbli”! Dan ifisser li jien mistennija nkun aktar attenta minn ħaddieħor f’dan il-mument storiku fejn id-dinja kollha twaqqfet. Mhux eżattament waqfien għalija peress li għadni mħabbta bil-proġetti normali tal-iffilmjar tal-programm tat-TV Staqsini 20 ma’ Ray Calleja u t-timijiet taċ-Ċirasa u l-Banana, li jipproduċu videos għall-iskejjel li huma involuti fil-YEP (Programm Edukattiv YiXue) li tnieda s-sena l-oħra bil-Kulleġġ Maria Regina fejn fl-aħħar qed nintroduċu mod pedagoġiku alternattiv biex ngħallmu lit-tfal kif jikkalmaw u jkunu aktar iffokati, qed nispiċċa l-aħħar lectures tal-Università fuq l-internet, u fl-aħħar insib ħin biex nagħti tindifa kif tmiss il-liġi, naqra l-kotba, nippermetti aktar ħin lili nnifsi għal sessjonijiet ta’ prattika u meditazzjoni u fl-aħħar iżda mhux l-inqas li ngawdi l-kumpanija tal-għażiż Pug. U iva, norqod ukoll!

“Dan iż-żmien stramb kien speċi ta’ barka f’ħafna modi. Nifhem li meta nintlaqtu minn “kriżi”, il-moħħ jitħalla jistrieħ. Il-prijoritajiet jinbidlu u aktar ma naċċetta inqas inħossni stressjata. Ovvjament qed inħoss in-nuqqas tat-teatru, nipposponi l-proġetti, is-safar, inżomm id-distanza mill-komunità Spero, nitbiegħed mill-maħbubin tiegħi minħabba “l-vulnerabilità” tiegħi, imma fuq kollox inħossni ferħana u aktar b’saħħti u qed nistenna bil-ħerqa “n-normalità” tirritorna mill-ġdid għax naf li “Dan ukoll se jgħaddi”.

#BEZZJONI: Michael Tabone

Ritratt: Elisa von Brockdorff

Id-dar ta’ Michael kienet l-ewwel waħda li żorna u tiegħu kien ukoll l-ewwel ritratt li ħadna f’gallarija! Sewwasew fil-qalba ta’ Belt Valletta bilkemm tingħaraf.  baħħ! La nies, la vuċijiet, la għaġġla… xejn ħlief Michael ixejrna mit-tieqa tal-gallarija tiegħu. Leqgħana tagħna l-merħba malajr. Naturalment konverżazzjoni mill-gallarija kienet kemmxejn aktar diffiċli milli stennejna imma rnexxielna għax fuq kollox konna qed nitkellmu ma’ professjonist tat-teatru li jagħmilha l-prijorità tiegħu li jipproġetta l-vuċi għall-udjenza hawn huma l-ħsibijiet tiegħu dwar il-ħajja waqt is-sokor tal-lockdown attwali, bħala parti mis-serje tagħna ta’ kull ġimgħa #BEZZJONI, serje ta’ inkontri bieb bieb ma’ ikoni tat-teatru Malti

Michael Tabone twieled fix-Xagħra, Għawdex fis-27 ta’ Novembru 1953. Huwa kien attiv bħala attur għal aktar minn tletin sena u jirreċta fi drammi ma’ kumpaniji tat-teatru f’Malta.

“Bħalissa parti mir-rutina tiegħi hi li kuljum insajjar u ngħaddi  ħin  naqra minn xi ktieb ta’ l-istorja ta’ Malta. Kultant nisma’ l-aħbarijiet biex inżomm ruħi aġġornat. Ġieli jċempluli xi ħbieb u noqgħodu nitkellmu. Filgħaxija spiss insegwi l-filmati tad-drammi tan-National u l-Globe Theatres li qed juru fuq YouTube, jew nara xi film. Il-ġimgħa l-oħra fettilli niżbarazza kamra u sibt xi kaxxi bi programmi u scripts ta’ reċti li kelli sehem fihom matul is-snin. Issa qed  nirranġahom wara xulxin skont id-data, mill-ewwel reċta li kont għamilt fil-kors tal-MTADA fl-1979 sa l-aħħar waħda fit-Teatru Manoel f’Novembru li għadda. 

“Fl-aħħar erbgħin sena kelli x-xorti ninterpreta karattri fi drammi ta’ kittieba  magħrufa fosthom Ewripide, Shakespeare, Marlowe, Molière, Goldoni, Chekov, Brecht u Pinter.  Ħdimt ukoll fi drammi ta’ wħud mill-aqwa awturi tat-teatru Malti fosthom Francis Ebejer, Oreste Calleja, Ġuze’ Chetcuti,  Joe Friggieri, Vince Vella u Trevor Zahra.  Nittama li din l-imxija tgħaddi malajr biex l-attivitajiet teatrali jissoktaw b’aktar saħħa artistika.’’

#BEZZJONI: Michael Sciortino

Ritratt: Elisa von Brockdorff

Wara li soqna sal-Imqabba biex inżuru lill-attur Michael Sciortino, ovvjament spiċċajna nsibu n-numri tad-djar kollha minbarra tiegħu! Bdejna naħsbu li r-riħ kien forsi rebħilna imma mbagħad ċemplilna Michael u ddireġina minn ħdejn il-ħanut taż-żebgħa u fit-triq it-tajba. Fl-aħħar! F’radda ta’ salib (insomma wara 10 minuti) sibna ruħna quddiem biebu. F’roqgħa dell f’ġurnata xemxija ħafna, intfajna nparlaw ma’ Michael għal ħin twil dwar kull ħaġa minn produzzjonijiet tal-passat għan-negozju tal-lum u kif wieħed irid jinqasam f’elf biċċa bejn ix-xogħol, id-dar, il-provi u r-reċtar. Mhux ħaġa faċli u tajjeb li ngħidu li Michael diġa kien qabad jidra jnaqqas mill-ġenn sa minn qabel ma l-Covid-19 ġegħlitna nnaqqsu kollha kemm aħna!  Ejja naraw il-ħsibijiet tiegħu dwar il-ħajja fl-iżolament bħala parti mis-serje #BEZZJONI ta’ Teatru Malta, sensiela ta’ inkontri bieb bieb ma’ ikoni tat-teatru Malti. 

 

MICHAEL  SCIORTINO twieled fis-26 ta’ Novembru 1949. Tela’ l-ewwel darba fuq il-palk meta kellu 15-il sena, fis-Seminarju. Minn dakinnhar attenda diversi korsijiet fid-drama ma’ diretturi barranin u Maltin u ggradwa mill-MTADA fl-1979. Ħadem ma’ l-aqwa diretturi Maltin u oħrajn barranin.  Illum huwa attur veteran tal-palk Malti, ir-radju u t-televizjoni. Kellu partijiet importanti f’bosta films barranin. Hu magħruf l-aktar għal partijiet karatteristici li interpreta.  

 

Minħabba l-pandemija, kelli ninqafel id-dar skont l-istruzzjonijiet u nappella lil kulħadd jagħmel bħali!  Ngħaddi ħafna ħin fil-ġnien li bħalissa jrid ix-xogħol: żbir, bexx, tisqija u qtugħ tal-frott. Sikwit immur nimxi mal-mara Marjanna u ġieli ngħinha f’xi xogħol tad-dar. Minħabba din l-epidemja qed insib ħin biex indur dawra mad-dar u nsewwi xi affarijiet li kien ilhom pendenti.  Kważi ta’ kuljum nikkomunika ma’ tal-familja bl-IT.  Il-pjaċir tiegħi nagħti xi lezzjonijiet lin-neputijiet, Ben u Ethan, fl-Irlanda għax wara kollox jien kont għalliem u din is-sejħa għadni nħossha.  Forsi dan hu punt pożittiv li ħareġ minn din is-sitwazzjoni.  Qabel kienu jgħiduli biss “Hello Nannu, bye, bye”, mentri llum iqattgħu hin twil jitkellmu miegħi.

 

Din il-pandemija ġabet ukoll xi frustrazzjoni, għax kont ibbukkjajt biex nattendi,  ma’ Marjanna,  kunċert ta’ Andrè Rieu ġo Maastricht fit-2 ta’ Lulju,  li ġie mhassar.  Kienet ħolma qadima, li forsi għad isseħħ! Frustrat ukoll li ma nistax ngħannaq lil uliedi u marti bħal qabel.  Hemm ċerta biza’, speċjalment minħabba l-età. Imma nemmen li dan għad jgħaddi u ma jdumx. Il-parir li nagħti hu “Tabbużawx, obdu l-istruzzjonijiet, ħudu ħsieb tagħkom u ta’ madwarkom, dan għad jgħaddi.” 

Għalkemm illum jiena rtirat xorta għadni naghti sehmi meta tinqala’ l-okkazzjoni.

 

Miżura għal Miżura – Sean Buhagiar

L- ewwelnett, nemmen li għandna nkunu kburin bir-reazzjoni medika ta’ pajjiżna għall-Pandemija Covid-19. Kollox ma’ kollox, inħoss li għandna xorti tajba mhux ħażin f’dak li huma r-riperkussjonijiet tas-saħħa li din il-pandemija setgħet kellha fuq gżiritna. Fil-fatt, bħalissa diġà qed naraw lill-pajjiż iqajjem mill-ġdid l-ekonomija tiegħu. Ħafna setturi qegħdin jerġgħu jibdew bil-mod bit-tama li n-normal il-ġdid joħroġ verżjoni aħjar tagħna; relazzjoni aħjar ma’ din l-art ħelwa.

U l-arti se titħalla ssir aħjar ukoll? Ilni naħdem professjonalment fl-arti għal dawn l-aħħar 15-il sena u nista’ ngħid bla eżitazzjoni li l-Covid-19 żgur kien l-iktar maltempata vjolenti fl-irwiefen u l-grigalati kollha tagħna. Madankollu, jiena wieħed li jemmen li l-arti teatrali, u l-arti kollha jekk niġu f’dan, ser jirnexxu; kif dejjem għamlu, minħabba l-kilba salvaġġa tal-artisti biex jagħmlu l-arti. M’għandix dubju li t-teatru jibqa’ ħaj kif baqa’ ħaj wara bosta repressjoni pandemika, reliġjuża u politika u wisq agħar. Madankollu, hija l-industrija li tinsab f’riskju hawn, jew saħansitra l-industriji. Snin u snin ta’ xogħol minn nies li ppruvaw iġibu l-isfera kulturali tagħna fuq quddiem tal-politika ekonomika. Snin ta’ riskji u għaraq minn artisti li ħadu l-qabża biex l-etika tagħhom tilħaq l-estetika tagħhom u jgħixu minn fuq l-arti tagħhom. Skont l-aġġornament tar-rapport tal-ekonomija kreattiva tal-2016, il-qasam tal-arti rreġistra tkabbir medju fl-impjiegi ta’ 6% kull sena bejn l-2010 u l-2015, u nemmen li riċerka aktar ġdida se turi aktar tkabbir fis-settur sal-wasla tal-Covid-19.

Is-sitwazzjoni preżenti fl-arti tal-ispettaklu tfakkarni fl-ewwel paġni ta’ To The Lighthouse ta’ Virginia Woolf. L-omm tgħid li t-temp se jkun tajjeb għada, mhux l-iktar preżunzjoni probabbli fil-Hebrides Skoċċiżi. Naraw liċ-ċkejken James ferħan se jtir għaliex se jkun jista’ jżur il-fanal. Dan sakemm Woolf tikteb: “Imma,” qal missieru, jittawwal mit-tieqa tal-kamra, “mhuwiex se jkun tajjeb.” Għalija, l-omm hawnhekk hija l-attitudni pożittiva tal-gvern, James huwa l-industrija tagħna, u r-regolamenti attwali huma l-missier.

Se nispjega. Riċerka lokali u internazzjonali wriet li l-arti teatrali ħadet daqqa kbira. Din id-daqqa kienet milqugħa b’mod sinifikanti mill-fatt li l-gvern, fuq rakkomandazzjoni tal-Kunsill Malti għall-Arti, tratta lill-artisti bl-istess mod bħal impjegaturi u impjegati oħra li ntlaqtu bl-istess mod u pprovda paga ta’ emerġenza għal freelancers u impjegati fis-settur tal-arti. Dik kienet aħbar sabiħa. Hekk kif żviluppaw l-affarijiet, kemm ir-restrizzjonijiet kif ukoll il-pagi tnaqqsu u l-industriji ewlenin bħat-turiżmu ngħataw spinta u kienu ggwidati biex jerġgħu jibdew bl-ajruport skedat li jerġa’ jiftaħ. Il-qasam tal-arti madankollu ngħata wegħda limitata. Kif qed naraw, huwa diffiċli ħafna għat-teatri u l-entitajiet kulturali ffinanzjati pubblikament biex joħolqu xogħol ta’ kwalità għaliex il-proċess ta’ kif isir dan ix-xogħol issa għandu kumplikazzjonijiet sinifikanti. Barra minn hekk, nemmen li r-regolamenti attwali jagħmluha prattikament impossibbli għas-settur privat li jerġa’ jaqbad jagħmel it-teatru mingħajr ebda għajnuna. Issa, dan jista’ joħloq ambjent perikoluż jekk dawk li jaħdmu fis-settur pubbliku jew għalih jiddeċiedu li t-triq ‘il quddiem hija li jintuża finanzjament eżistenti biex timtela dik il-ħofra. Dan ikun musmar fit-tebut għas-settur indipendenti u alternattiv tagħna. Bħala Diretturi Artistiċi tal-entitajiet Kulturali Nazzjonali, irridu nagħżlu fost l-aqwa, ma rridux niddeċiedu min hu l-aqwa. Hemm differenza ġmielha.

Il-qasam tal-arti hu industrija żgħira fil-gżejjer, u l-produzzjonijiet “live” qed jikbru bil-mod il-mod f’komunità b’saħħitha fejn is-settur indipendenti u alternattiv jistinka kontinwament għall-udjenzi u l-qligħ. Entitajiet bħal tagħna, Teatru Malta, poġġew l-iżvilupp tal-udjenza bħala prijorità primarja għaliex nemmnu li hija t-triq preżenti għat-tkabbir sostenibbli tal-industrija. Madankollu, għamilna dan b’kollaborazzjoni ma’ bosta freelancers u professjonisti, mhux waħidna. Iċ-ċentru huwa b’saħħtu biss daqs il-periferija; jekk tmut dik, kollha kemm aħna nispiċċaw inbattu fil-kwalità tax-xogħol li nipproduċu.

Smajna kif il-pandemija issa hija opportunità. Hekk hu, hekk għandu jkun. Għat-teatru lokali, din tista’ tkun opportunità biex niffokaw fuq xogħol lokali aktar ġdid, biex noħolqu proġetti iżgħar li jistgħu jimxu minn post għal ieħor, biex niddeċentralizzaw aħjar u nagħtu ħin lit-teatri ewlenin tagħna jiġu ristrutturati u modernizzati. L-opportunitajiet qegħdin hemm, u huwa għalhekk li rridu npoġġu bilqiegħda b’mod urġenti flimkien ma’ dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet biex dawn l-opportunitajiet ikunu possibbli. Dak li qed nipproponi bħala l-ewwel pass huwa li n-nies wara r-restrizzjonijiet jiltaqgħu magħna u jagħmluna parti minn dawn il-konverżazzjonijiet. Ninsab ċert li dawn ir-restrizzjonijiet huma miktuba b’intenzjonijiet l-iktar nobbli, madankollu għandna bżonn xi spjegazzjonijiet.

Jeħtieġ li nissensibilizzaw lil dawk fil-poter dwar l-importanza ta’ konsultazzjoni u kollaborazzjoni aktar mill-qrib ma’ kelliema awtorizzati għas-settur kulturali: għall-faċilità ta’ komunikazzjoni, l-entità ideali li għandha tkun ikkonsultata hija l-Kunsill Malti għall-Arti li jirrappreżenta xejn inqas minn ħdax-il Organizzazzjoni Kulturali Pubbliċi apparti l-finanzjament ta’ artisti u organizzazzjonijiet indipendenti. Huwa ovvju li l-organizzazzjonijiet tal-arti ma kinux parti minn dawn il-konverżazzjonijiet. Fil-fatt, inħoss li s-settur kollu jħoss li l-kundizzjonijiet attwali ma tantx jagħmlu sens. Għandna verament bżonn li nkunu prattikament 25 persuna f’teatru b’100 post, waqt li naraw aktar minn mitt persuna jiżfnu fi klabb? Għalfejn persuna ta’ 65 sena tista’ tmur taħdem f’uffiċċju, iżda ma tistax titla’ fuq palk ma’ attur ieħor? Għalfejn hemm impjegati li jitħallew jaħdmu flimkien fi kċina iżda l-persunal ta’ wara l-kwinti teatrali jrid iżomm 2 metri distanza? Għadu kemm tħabbar li l-limitu ta’ 75 persuna għal laqgħat tal-massa se jitneħħa wkoll. Dan japplika għat-teatri? Qatt kien japplika? Dawn is-sitwazzjonijiet huma ta’ qsim il-qalb għal ħafna mill-produtturi tagħna. Tal-inqas, spjegawlna kif daħlu fis-seħħ dawn ir-regolamenti u kif waslu għalihom l-esperti. Ħafna minna jesperjenzaw valutazzjonijiet tar-riskju kull ġimgħa, nagħmlu dan għall-għejxien. Id-diretturi jduru madwar restrizzjonijiet ta’ spazju, restrizzjonijiet ta’ baġit u kull xorta ta’ restrizzjonijiet oħra. Aħna nifhmu u nafu x’qed nagħmlu. Ejja nkunu parti mid-diskussjoni biex inkunu nistgħu nagħmlu l-almu tagħna ħalli nagħmlu dan ix-xogħol flimkien. L-istess bħal kif il-bars u r-ristoranti għandhom il-klijentela tagħhom, aħna għandna l-udjenzi tagħna. Irridu tassew inġibu lura lil dawk li ġew jarawna qabel u nkomplu nistinkaw biex inġibu lil dawk li qatt ma ġew.

F’diversi pajjiżi madwar id-dinja it-teatri fetħu bi gradi varji ta’ restrizzjonijiet. Mill-Kroazja għaċ-Ċina, bosta għandhom linji gwida ċari u pjanijiet ta’ finanzjament fis-seħħ għall-industrija. Fil-Ġermanja l-gvern ħabbar pakkett ta’ appoġġ għas-settur kulturali li jiswa madwar €1 biljun; fin-Netherlands, il-gvern ħareġ pakkett addizzjonali ta’ €300 miljun biex jappoġġja l-arti u biex jinvesti fl-impjieg fis-settur; u fi New Zealand, Creative New Zealand laqgħet l-akbar investiment tal-gvern fl-arti f’żewġ deċennji wara aħbar li l-Gvern se jinjetta €14,4 miljun addizzjonali fil-finanzjament ta’ Creative New Zealand biex jappoġġja artisti, prattikanti kreattivi u organizzazzjonijiet tal-arti tul is-sentejn li ġejjin. Kif iddikjaraw il-Konvenzjoni tat-Teatru Ewropew fl-ittra reċenti tagħhom lill-UE: Il-Kultura mhix lussu, iżda parti integrali tas-soċjetajiet demokratiċi tagħna; il-kultura għandha importanza soċjali u ekonomika biex tegħleb il-kriżi u toħloq il-ġejjieni tal-Ewropa. Ilkoll inħobbu nemmnu li aħna ġeneralment iktar utli minn kolazzjon Ingliż (jew xi gin & tonic) għall-benesseri tal-pajjiż, u huwa għalhekk li rridu nkunu trattati bl-istess mod ta’ dawn l-industriji meta niġu għar-rilaxx tar-regolamenti u l-inċentivi biex nerġgħu nibdew. Neħtieġu nkunu megħjuna biex nerġgħu nagħmlu t-teatru, mingħajr biża’ li niksru xi liġi, jew li nfallu. Dan huwa t-tieni punt tiegħi; ir-rilaxx ulterjuri tar-restrizzjonijiet mhux se jkun biżżejjed.

Onestament nemmen li teżisti ansjetà ġenerali fis-settur tagħna għax il-produtturi mhumiex ċerti jekk hux qed ikunu għażżiena billi ma jagħmlu xejn, jew ribelli jekk jagħmlu xi ħaġa. Mhuwiex ċar jekk aħniex ninċentivaw l-arti jew jekk għadniex nibżgħu bihom. It-tieni pass fl-opinjoni tiegħi huwa li ninċentivaw aktar il-produzzjoni. Il-gvern għamel argument qawwi b’dettalji dwar kemm jonfqu flus il-Maltin f’sena kalendarja meta jsiefru. Il-gvern għalhekk wiegħed li se jagħmel l-almu tiegħu biex jinċentiva lill-Maltin biex jonfqu l-istess ammont f’Malta dan is-sajf. Madankollu, niddubita kemm dawk l-ammonti ta’ flus jintefqu kollha fuq akkomodazzjoni u ristoranti. In-nies imorru t-teatru, jaraw musicals, wirjiet taċ-ċirku u jżuru mużewijiet u postijiet kulturali. Ikun jagħmel ħafna sens li dawn il-vawċers ikunu disponibbli għall-arti u l-kultura wkoll; Jekk hija kwistjoni dwar liema avvenimenti għandhom jiġu aċċettati; Jiena ċert li l-Kunsill tal-Arti jista’ jgħin. Sfortunatament ma naħsibx li dan ikun biżżejjed. Wara ammont eċċessiv ta’ produzzjonijiet bl-istreaming, fuq ix-xandir u online, għandna bżonn immorru lura għall-produzzjonijiet ħajjin, bil-mod iżda żgur. Huwa f’idejna li niksbu l-fiduċja u l-interess tal-udjenza. Iżda dan jista’ jiġri biss industrijalment jekk is-settur ikun inċentivat. Bl-inċentivi u l-ipprogrammar it-tajjeb, rajna li l-attendenza fil-ħwienet tax-xorb u ristoranti tiżdied bil-mod, għalkemm b’eżempji sinifikanti ta’ nuqqas ta’ konformità mar-regolamenti. Jidher li l-propensità li tirriskja li żżur postijiet bħal dawn tiżdied meta tara lil ħaddieħor jattendi. Għalhekk, minkejja li n-nies x’aktarx iħossuhom l-aktar sikuri meta jkun disponibbli vaċċin, mhuwiex minnu li n-nies ma jmorrux it-teatru qabel ma jkun hemm vaċċin. Din hija r-raġuni għaliex għandna bżonn ukoll fondi diretti u inċentivi fiskali biex il-produtturi u l-freelancers jerġgħu jaqbdu jtellgħu produzzjonijiet “live” minnufih.

Minbarra l-udjenzi, dawn l-istess produtturi u freelancers għandhom bżonn iħarrġu lilhom infushom u lill-persunal tagħhom biex jaderixxu ma’ din l-era ta’ wara l-Covid-19. Mhuwiex sempliċi daqs id-diżinfettar tal-ispazju u ejja ħa mmorru. Mill-persunal li jilqa’ n-nies sal-maniġers tal-palk, hemm wisq inċertezza u xettiċiżmu dwar kif dawn is-sistemi jaħdmu fit-teatri pubbliċi tagħna, aħseb u ara t-teatri privati. Mingħajr l-inċentivi u l-opportunità li jinħoloq bħalissa, il-professjonisti jistgħu jitilfu l-kunfidenza u l-ambitu li joħolqu mill-ġdid jekk dawn ir-restrizzjonijiet jibqgħu fis-seħħ.

Sirt naf b’tama kbira li l-Ministeru għall-Patrimonju Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Malti għall-Arti (ACM) qed iwaqqaf COVID-19 Transition Arts Advisory Group biex jappoġġja l-irfigħ u l-adattament tal-miżuri COVID-19. Nispera li nara preżenza tas-settur privat u freelance involuti u li d-diskussjonijiet iwasslu għal spjegazzjonijiet, gwida, u għajnuna tant meħtieġa. Dawn id-diskussjonijiet bejn is-settur pubbliku u dak privat jistgħu jwasslu wkoll għal ippjanar koordinat li jgħin biex jiġu evitati kalendarji kulturali kaotiċi futuri wara l-COVID-19. Nibża li jekk ma jkollniex, se nkunu qed inħarsu lejn kalendarju kulturali xpakkat u eżawrjenti għall-2021/2022. Lanqas li kieku, xorta nemmen tassew li r-restrizzjonijiet attwali biex isir it-teatru għandhom jiġu riflessi kemm jista’ jkun malajr: kull jum li jgħaddi jista’ jfisser inqas impjiegi, inqas enerġija, aktar ansjetà għal settur li kien qed jikber b’kuraġġ matul dawn l-aħħar snin. Jixirqilhom aħjar. Regoli u regolamenti ħorox mingħajr proċessi ta’ konsultazzjoni u gwida ma jgħinux.

Naħseb li ħafna minna jħossu li bħalissa hemm wisq piżijiet u wisq miżuri. Aħna rridu biss li niġu ttrattati miżura b’miżura; irridu nagħtu l-istess sigurtà bħal setturi oħra, għax hekk kif Shakespeare tenna fid-dramm ċelebri tiegħu Measure for Measure: “Id-dubji tagħna huma tradituri, u jġegħluna nitilfu l-ġid li nistgħu niksbu, billi nibżgħu nippruvaw.”

#BEZZJONI: Narcy Calamatta

Photo: Elisa von Brockdorff

Id-dar ta’ Narcy Calamatta sibnieha bla problemi ta’ xejn għax jekk qatt ħdimtu miegħu mela allura bħalna x’aktarx li wassaltuh sad-dar xi darba jew oħra… meta l-paċenzjuża martu ma kinetx taxi duty miegħu. 

Narcy kien wieħed mill-ewwel kollaboraturi ta’ Teatru Malta u wieħed mill-ewwel persuna tat-teatru li kellna l-gost u l-pjaċir naħdmu magħha fuq … kif tistgħu tobsru, proġett tal-Commedia dell’Arte. Illum huwa kkunsidrat bħala estenzjoni tal-familja ta’ Teatru Malta. B’kappell tax-xemx u maskra f’idu bil-lest għall-appuntament għal grokk whisky bid-distanza soċjali mal-ġar tiegħu, waqt li ħadnielu dan ir-ritratt poġġa bilqiegħda fuq il-bank tal-parapett tiegħu biex nitħaddtu ftit dwar il-ħajja waqt il-COVID-19 bħala parti minn Bezzjoni, serje ta’ Teatru Malta b’inkontri bieb bieb ma’ ikoni tat-teatru Malti.

Lil Narcy Calamatta ħafna jafuh fuq it-television jew fit-teatru, kif ukoll fuq ir-radju u fil-ġurnaliżmu. Qalilna li kif sema’ li l-Covid 19 imxiet miċ-Ċina għall-Italja, huwa ngħalaq ġewwa u ma ħariġx ħlief għal xi mixja kultant.  

Narcy bi tbissima qalilna, “Fl-aħħar l-anġlu kustodju tiegħi ma setgħetx tkompli tgħidli għażżien u qagħdet tfissidni daż-żmien kollu.  Nistqarr li xtaqt noħroġ indur lin-nies ħalli ngħidilhom xi ċajta u nferraħhom ftit. Iżda meta qaluli biex naċċetta li nerġgħu nuru s-sensiela televiżiva komika, Wenzu u Rozi, għedt sehmi għamiltu!  Iddispjaċini li f’Marzu l-għaqda tal-palk tiegħi ZARARTI kellha ttella’ farsa tal-Commedia dell’Arte għall-anzjani u niesna b’xi diżabilità u kellna nħassruha. 

“Kelli nsiefer ħalli nara kunċert u tħassar kollox.  Iżda inxtħett fid-daqxejn ta’ għarix li għandi fil-bitħa ħalli nikteb.  Lestejt skript tal-films bl-Ingliż fuq suġġett patrijottiku. Jekk qatt isir dal-film, il-Lockdown tkun serviet biex Malta jkollha biex tiftaħar mal-barranin.  Issa qed nikteb novelli għat-tfal u fi ħsiebni nikteb novelli għall-kbar ukoll.  Viva l-Lockdown għaliex kieku qatt ma kont insib ħin nikteb daqshekk. Viva t-telefon u l-emails. Viva t-TV RAI 5 u Classica tgħallimt ħafna ħwejjeġ ġodda u gawdejt ħafna kultura. Il-ħajja baqgħet għaddejja. Inselli għall-atturi kollha li għedtuli li mortu dduru għal din is-sensiela, Bezzjoni. Sliem u saħħa lil ħuti Maltin u barranin kollha.”

Hekk għalaq Narcy tagħna.

#BEZZJONI: Marylu Coppini

Photo: Elisa von Brockdorff

Ma kinetx ħaġa faċli li nsibu nipparkjaw f’San Pawl il-Baħar viċin il-villeġġjatura ta’ Marylu Coppini. Wara li nżilna u tlajna t-triq tagħha darbtejn bla ma rnexxielna nsibu l-bieb ħsibna li konna ntlifna. Imbagħad qgħadna ftit iktar attenti u sibna din il-ġawhra ta’ dar moħbija wara faċċata magħluqa b’rixtellu li ma tagħmel ebda ġustizzja lil waħda mill-aħħar villeġġjaturi li fadal f’dik l-erja.

Meta laqgħatna bis-sarkażmu u l-inteliġenza tipiċi tagħha fil-ġnien sbejjaħ li għandha quddiem id-dar, aħna ħassejna li għandna nistaqsu jekk tħobbx il-ġardinaġġ iżda Marylu kienet pronta u assiguratna li qatt kien jinteressaha l-ġardinaġġ u li żgur m’għandhiex l-intenzjoni li tibda issa. Però ammettiet li ssaqqi … xi kultant!

Dak il-bieb blu pittoresk tagħha kien l-isfond perfett u l-aqwa aċċent ta’ kulur meħtieġ għal dak li kien jum pjuttost griż u msaħħab. Hija ċċekkjat li l-isponża tal-vileda li kellha fuq il-ħoġor tat-tieqa ma kinetx se tiġi tidher fir-ritratt, irranġat xagħarha, sabet id-dawl tajjeb u, bla ma nafu kif, tela’ s-siparju!

Marylu Coppini bdiet il-karriera tagħha bħala attriċi minn età żgħira fil-film tat-tfal Treasure In Malta, miġbud f’Malta fl-1962. Aktar tard għallmet id-drama lit-tfal u ħadet sehem f’ħafna produzzjonijiet tal-palk ma’ diversi kumpaniji lokali iżda prinċipalment mal-MADC. L-ewwel rwol tagħha bħala direttur tal-palk kien fl-1988 meta ddiriġiet The Importance of Being Earnest fit-Teatru Manoel, segwita minn produzzjonijiet kbar oħra fosthom pantomimi, musicals kif ukoll drammi ta’ Shakespeare.

Marylu kellha diversi rwoli f’serje televiżivi popolari fosthom Aħn’Aħna jew Maħniex, Miskin Mike, Villa Sunset, L’erbgħa Li Huma, Iċ-Ċaqqufa u oħrajn. Bħalissa hija d-direttur artistiku tal-MADC.
“Nistqarr li s’issa rnexxieli ndawwar dan l-iżolament sfurzat mhux mistenni f’opportunità tant mixtieqa biex nagħmilha tal-osservatur. Probabbilment dan huwa minħabba li wasal fuqna meta kont għadni kemm spiċċajt minn rwol impenjattiv fuq il-palk u kelli bżonn waqfa tajba wara l-provi u l-wirjiet. Fil-verità madankollu il-biża’ tal-palk ġie sostitwit minn biża’ ferm iżjed fatali ta’ tip kompletament differenti!

Ikolli nammetti li l-ħtieġa inizjali li kelli għall-mistrieħ għenitni naċċetta s-sitwazzjoni u naraha bħala żmien għar-riflessjoni, jiġifieri biex nipprova noħloq ikliet interessanti kuljum għar-raġel tiegħi u għalija nnifsi! Għadni kemm spiċċajt ngħaqqad l-ingredjenti flimkien għal dik li x’aktarx hija s-sittin ikla konsekuttiva!

Dan il-perjodu attwali tiegħi bħala direttur artistiku tal-MADC ifisser li ilni fil-mentalità “tal-ippjanar” kważi kontinwament għal dawn l-aħħar seba’ snin u ħassejtni perplessa nipprova naċċetta li nżomm lura minn pjanijiet quddiem produzzjonijiet li diġà għandhom l-atturi lesti u li issa se jkollhom ikunu posposti għal min jaf meta!

Min-naħa pożittiva, is-sitwazzjoni attwali tal-covid qed tħeġġeġna biex nagħmlu użu sħiħ mit-teknoloġija brillanti li għandna għad-dispożizzjoni tagħna, u l-ġimgħa d-dieħla se naraw li l-MADC tipproduċi l-ewwel streaming tagħha ta’ One-Act Play online. Id-dramm jittratta s-sopranaturali u jippreżenta lista interessanti ta’ atturi tajbin joħorġu kuntenti mill-ibernazzjoni biex jipparteċipaw f’eżerċizzju drammatiku mingħajr sforz! Nispera li dan it-tip ġdid ta’ produzzjoni ikun l-ewwel wieħed minn ħafna.

L-ibernazzjoni ġegħlitni wkoll finalment nipprova nindirizza għexieren ta’ snin ta’ affarijiet u bċejjeċ akkumulati inklużi diversi vidjows u DVDs ta’ produzzjonijiet li ddiriġejt jew irreċtajt fihom kemm fuq il-palk kif ukoll fuq it-televiżjoni sabiex jirnexxili naġġorna kollox biex ikolli aċċess aktar faċli malli s-sitwazzjoni tippermetti!

B’dispjaċir, jew forsi b’xorti tajba, drajt l-ibernazzjoni u nispera biss li meta jasal il-waqt li nerġa’ nħaddan “in-normalità” ma jkolli ebda problema biex nadatta ruħi għaliha!”

#BEZZJONI: Albert u Jane Marshall

Ritratt: Elisa von Brockdorff

Ftit tal-ġimgħat ilu, kien it-Tnejn u l-vapur ta’ Għawdex reġa’ beda jopera, aħna tlaqna kollox minn idejna u tlaqna lejn ix-Xewkija. Kien waranofsinhar pjuttost imsaħħab u ħadna l-opportunità biex immorru naraw lil dik il-koppja dejjem simpatika, Jane u Albert Marshall għax dawn inzertaw Għawdex eżatti kif beda l-lockdown!

Hemm fi sqaq ċkejken mill-ewwel rajna l-bieb aħmar jgħajjat tagħhom. It-tnejn li huma staqsewna jekk kellniex problemi biex insibuhom iżda b’bieb sabiħ bħal dak (u bl-għajnuna ta’ google maps) sibna d-dar tagħhom bla telf ta’ żmien.

Albert staqsa għaliex wasalna tard imma Jane malajr fakkritu li fil-fatt ma konniex tard imma fil-ħin, konna bgħattna email oħra li hu mid-dehra ma kienx intebaħ biha. Fuq kollox dawn l-affarijiet wieħed jistennihom meta jkun tassew imħabbat il-ġurnata kollha jmexxi l-Kunsill Malti għall-Arti minn fuq Zoom.

Jane qaltilna li kienet xi ftit inkwetata li l-pjanti tagħha f’Malta kienu bil-għatx u mbagħad, qabel ma ħadnilhom dan ir-ritratt, iċċekkjat il-bieb ma jmorrux jispiċċaw imsakkrin barra! Huma qasmu magħna l-ħsibijiet tagħhom dwar il-ħajja f’dawn iż-żminijiet tal-COVID-19 bħala parti mis-serje ta’ Teatru Malta #BEZZJONI, serje ta’ laqgħat bieb bieb ma’ ikoni tat-teatru Malti 

Jane Marshall hija attriċi veterana li l-karriera teatrali u televiżiva tagħha bdiet fis-snin sittin. Jane tibqa’ magħrufa għall-interpretazzjoni kontroversjali u kommoventi tagħha tat-tfajla ribelli, Rita, fil-famuża IL-MADONNA TAĊ-ĊOQQA. In-nies iħobbu lil Jane wkoll għall-partijiet li interpretat f’teleserji ewlenin bħal IPOKRITI, F’BAĦAR WIEĦED, VAGANZI F’ĦAL BLA RAS u oħrajn. Jane għamlet ħmistax-il sena msiefra l-Awstralja fejn kienet maħbuba mill-komunita’ Maltija-Awstraljana għal xogħolha fil-qasam tat-teatru mużikali bil-Malti l-aktar f’Sydney u Melbourne.

L-aktar dehra reċenti ta’ Jane fuq it-television Malti kienet fis-serje STRADA STRETTA. Żewġha ALBERT MARSHALL huwa kittieb, direttur tal-palk u t-televiżjoni, għalliem u xandar. Albert huwa meqjus bħala artist li kien responsabbli għal diversi ‘new waves’ innovattivi fl-oqsma letterarji, teatrali u televiżivi Maltin. Illum jokkupa karigi għoljin fl-oqsma tax-xandir u setturi kulturali tal-pajjiż.

Jane tfisser kif ħajjitha u ħajjet żewġha Albert inqalbet ta’ taħt fuq – forsi għall-aħjar…

“Inqbadna Għawdex malli feġġew l-ewwel każi tal-imxija. Stajna mmorru lura Malta, imma l-parir mediku kien li nibqgħu hawn peress li kemm jien u kemm Albert naqgħu fil-kategorija tal-“vulnerabbli” – “venerabbli”, kif jgħidilhom Albert.

Għal-ewwel ħadtha bi kbira ħafna u kont anzjuża immens, speċjalment meta l-ħsibijiet kienu jaqgħu fuq it-tfal u n-neputijiet li jgħixu tant ’il bogħod minna fl-Awstralja – kienu se jżuruna dalwaqt – f’Ġunju… Issa tħassar kollox u min jaf meta se nkunu nistgħu niltaqgħu.

Aħna xxurtjati għax fejn inqbadna kienet id-dar tagħna fix-Xewkija: Albert kellu u għad għandu sfida kbira biex izomm ix-xogħol kumpless tiegħu tal-Kunsill tal-Arti u impenji oħrajn li għandu, għaddejja online – telefonati twal u konferenzi virtwali ma jaqtgħu xejn. Imma għallinqas iffrankajt li noqgħod inlestilu l-qomos kuljum biex imur għax-xogħol pulit!

It-tindif tad-dar ħa dimensjoni oħra, għax moħħni biex naħsel u niddiżinfetta x-xirjiet li ġentilment jitwasslulna wara l-bieb, aktar milli noqgħod infarfar u nagħmel it-tindif ġenerali tas-soltu.

Bħal kulħadd qed niddedika ħafna ħin għat-tisjir, u bdejt nipprova nagħmel ftit eżerċizzju kuljum u xi kultant immorru xi mkien ’il bogħod u nimxu mixja fejn ma naraw u ma niltaqgħu ma’ ħadd.

Imma xorta waħda lil Albert il-ħin kollu nfakkru biex jaħsel idejh sew; biex jagħmel hekk, u ma jagħmilx hekk – ġennintu!

Kif qaleb it-temp, bdejt inħossni ħafna aħjar: aċċettajt is-sitwazzjoni u bħala terapija bdejt inkattar il-qsari u l-fjuri u nagħtihom ħafna attenzjoni.

Qed inqatta’ ħafna ħin ukoll nisma’ l-mużika u npinġi – sigħat twal inpinġi – naħdem fuq proġett li ħajjarni bih Mark, it-tifel tagħna li jgħix l-Awstralja. Kont ilni ma npinġi żmien twil – minn meta kont għadni l-Iskola. Qed inżomm djarju wkoll! Dan id-djarju m’għandux appuntamenti għand il-hairdresser fih, jew ħinijiet għal rehearsals, jew dati ta’ kunċerti u stedin ma jaqta’ qatt għal avvenimenti kulturali pubbliċi fejn wieħed irid joqgħod jiddandan! Il-ħajja sempliċi saret togħġobni wisq.

Imma l-ħsieb tat-tfal u n-neputijiet daqstant ’il bogħod fl-Awstralja u l-fatt li ma nafx meta se nerġa’ narahom, ikiddni wisq.”

Albert iżid il-biċċa tiegħu:

“Jane tat ħjiel ta’ x’inhi n-narrattiva tiegħi f’dawn iċ-ċirkustanzi biżarri u straordinarji. Inżid biss li mal-weġgħa tan-nuqqas ta’ wliedi u wlied uliedi (li għal xi raġuni f’dawn iż-żminijiet qed inħossha aktar akuta) żdiedet weġgħa oħra – dik li ninsab mifrud mill-għeżież kotba tiegħi. Għawdex għandi xi kotba, imma mhumiex ‘il-librerija’ tiegħi. Mingħajr il-kotba tiegħi, l-iżolament inħossu doppjament. Minkejja, kif qalet Jane, li ninsab f’kuntatti kontinwi mal-kollegi tiegħi u nies oħra fuq il-bankijiet ta’ xogħli, xorta nħossni iżolat (f’gaġġa bil-guzwajer tad-deheb, jekk tridu).

Min jafni jaf li għalija l-kuntatt fiżiku mal-proxxmu tiegħi huwa karatteristika bażika tal-imġiba tiegħi – erħini ngħannaq u nbewwes b’affezzjoni ġenwina. Hekk maħluq jien. Issa fuq it-television nismagħhom jgħidu li qatt u qatt aktar m’aħna se nkunu f’pozizzjoni li nistgħu nġibu ruħna hekk: verboten…kixxi…Margaret Atwood…

Qed ngħeja niċċassa lejn skrin inanimat nagħmel laqgħat virtwali u konverżazzjonijiet anemiċi. Imma almenu qed insib il-ħin nispiċċa proġetti ta’ kitba mibdija u issa mitmuma. Qed nabbozza xi xogħlijiet għat-teatru… U qed naħseb ħafna kif se nqatta’ l-bqija ta’ ħajti issa li din l-esperjenza gegħlitni nidħol f’qoxorti waħda sew u niddistillizza x’inhu essenzjali u x’mhux. Qed inħossni patri novizz lejlet id-dħul tiegħu għall-ħajja monastika…

Imma fil-qalba ta’ qalbi naf li, għax minn ewl il-bniedem li meta jgħaddi s-saram, il-proponimenti u l-istħajjil kollu jtiru ma’ riħ ta’ siegħa, se nerġgħu lura għall-‘mamma rutina’ u n-normi li sawruna:

‘Normalità ġdida’ qed isejħulha… Jekk tippermettuli, jien inżid kelma: ‘normalità ġdida immaġinata”.

 

VII (SETTE) Reġa’ Magħna – Did-Darba fuq l-Iscreens Tagħkom!

Lestu għal Sette Giugno kif imiss, hekk kif VII (SETTE) – il-produzzjoni spettakolari li ħalliet lil kulħadd b’ħalqu miftuħ – ser tixxandar fuq it-televiżjoni b’xejn! 

• Fuq TVM il-Ħadd 7 ta’ Ġunju fl-4.15PM u
• Fuq TVM 2 it-Tlieta 9 ta’ Ġunju fl-10.30PM

Il-Produzzjoni tixxandar ukoll fuq Lovin Malta fl-okkażjoni tal-ewwel anniversarju 

The New Victorians ħolqu u ddiriġew din il-performance kontemporanja flimkien ma’ Erin Carter bħala kittieba, Simon Bartolo bħala traduttur, Luke Azzopardi bħala disinjatur tal-kostumi bl-appoġġ u l-kontribuzzjoni artistika ta’ camilleriparismode, Aldo Moretti bħala disinjatur tas-sett, u l-involviment ta’ ZfinMalta.

B’hekk, b’kollaborazzjoni ma’ FĊN, Teatru Malta tiċċelebra dan l-anniversarju nazzjonali billi xxandar dan l-ispettaklu mużikali liema bħalu.