#BEZZJONI: Narcy Calamatta
Photo: Elisa von Brockdorff
Id-dar ta’ Narcy Calamatta sibnieha bla problemi ta’ xejn għax jekk qatt ħdimtu miegħu mela allura bħalna x’aktarx li wassaltuh sad-dar xi darba jew oħra… meta l-paċenzjuża martu ma kinetx taxi duty miegħu.
Narcy kien wieħed mill-ewwel kollaboraturi ta’ Teatru Malta u wieħed mill-ewwel persuna tat-teatru li kellna l-gost u l-pjaċir naħdmu magħha fuq … kif tistgħu tobsru, proġett tal-Commedia dell’Arte. Illum huwa kkunsidrat bħala estenzjoni tal-familja ta’ Teatru Malta. B’kappell tax-xemx u maskra f’idu bil-lest għall-appuntament għal grokk whisky bid-distanza soċjali mal-ġar tiegħu, waqt li ħadnielu dan ir-ritratt poġġa bilqiegħda fuq il-bank tal-parapett tiegħu biex nitħaddtu ftit dwar il-ħajja waqt il-COVID-19 bħala parti minn Bezzjoni, serje ta’ Teatru Malta b’inkontri bieb bieb ma’ ikoni tat-teatru Malti.
Lil Narcy Calamatta ħafna jafuh fuq it-television jew fit-teatru, kif ukoll fuq ir-radju u fil-ġurnaliżmu. Qalilna li kif sema’ li l-Covid 19 imxiet miċ-Ċina għall-Italja, huwa ngħalaq ġewwa u ma ħariġx ħlief għal xi mixja kultant.
Narcy bi tbissima qalilna, “Fl-aħħar l-anġlu kustodju tiegħi ma setgħetx tkompli tgħidli għażżien u qagħdet tfissidni daż-żmien kollu. Nistqarr li xtaqt noħroġ indur lin-nies ħalli ngħidilhom xi ċajta u nferraħhom ftit. Iżda meta qaluli biex naċċetta li nerġgħu nuru s-sensiela televiżiva komika, Wenzu u Rozi, għedt sehmi għamiltu! Iddispjaċini li f’Marzu l-għaqda tal-palk tiegħi ZARARTI kellha ttella’ farsa tal-Commedia dell’Arte għall-anzjani u niesna b’xi diżabilità u kellna nħassruha.
“Kelli nsiefer ħalli nara kunċert u tħassar kollox. Iżda inxtħett fid-daqxejn ta’ għarix li għandi fil-bitħa ħalli nikteb. Lestejt skript tal-films bl-Ingliż fuq suġġett patrijottiku. Jekk qatt isir dal-film, il-Lockdown tkun serviet biex Malta jkollha biex tiftaħar mal-barranin. Issa qed nikteb novelli għat-tfal u fi ħsiebni nikteb novelli għall-kbar ukoll. Viva l-Lockdown għaliex kieku qatt ma kont insib ħin nikteb daqshekk. Viva t-telefon u l-emails. Viva t-TV RAI 5 u Classica tgħallimt ħafna ħwejjeġ ġodda u gawdejt ħafna kultura. Il-ħajja baqgħet għaddejja. Inselli għall-atturi kollha li għedtuli li mortu dduru għal din is-sensiela, Bezzjoni. Sliem u saħħa lil ħuti Maltin u barranin kollha.”
Hekk għalaq Narcy tagħna.