Gianni Selvaggi
Biografija
Gianni Selvaggi, attur, mużiċist u kittieb ta’ nisel Taljan u Malti, li ilu fix-xena tal-ispettaklu sa mill-2012. Bejn l-2014 u l-2017 kien jagħmel parti mill-kumpanija tat-Teatru Manoel Youth Theatre. Fl-2019 mar jgħix Londra biex ikompli jistudja fejn kiseb MA in Performance (Acting) flimkien ma’ Distinction minn Mountview Academy of Theatre Arts.
Fl-2017, kien wieħed mill-kittieba tal-musical fuq is-saħħa sesswali ‘My Fanny Valentine’ li ħa sehem fih ukoll, u li ttella’ f’Edinburgh Fringe. Il-ħiliet mużikali ta’ Gianni jingħaqdu max-xogħol tiegħu fuq il-palk, hekk kif iwaħħad il-kitba tal-mużika u d-disinn tas-sound
f’rappreżentazzjoni mtella’ minn persuna waħda. L-ewwel biċċa xogħol li għamel bħala solist kienet ‘…You Make Lemonade’ fl-2018, kienet kummiedja drammatika dwar il-maskilità tossika, il-kanċer fl-irġiel u s-saħħa mentali. L-iktar biċċa xogħol riċenti ta’ Gianni kienet ‘BLENDER’ li tindaga fil-ħolqien tal-aċċent Italo-Malti permezz ta’ rappreżentazzjoni awto-etnografika u prattiċi intermedjali.
Fost il-kollaborazzjonijiet tiegħu, Gianni ħadem ma’ Teatri Kombëtar fil-Kosovo, Teatru Due Parma fl-Italja, SNG Nova Gorica fis-Slovenja, Teatr Opole fil-Polonja, Hallmark fl-Istati Uniti, Sky Italia, Cheek by Jowl, Project Cabaret f’Malta u The Three Palaces Festival f’Malta wkoll.
Huwa wkoll associate music coordinator u attur residenti ma’ WTN Theatre f’Malta u l-fundatur ta’ SHED Theatre Collective.