Guest Post: ”Il-bidla mid-drammaturġija għall-koreografija” minn Ruben Zahra
Il-vjaġġ tal-preżentazzjoni taż-żfin “Who is She?” beda fl-2019 permezz tax-xogħol teatrali tiegħi “Min Hi?” – produzzjoni ta’ Teatru Malta li fiha hemm l-interpretazzjoni tal-attriċi Lee-N Abela. Kont kurjuż bl-idea li l-azzjoni fiżika tad-drammaturġija tiġi trasposta f’moviment koreografiku. Ħdimt maż-żeffiena Zoe Camilleri biex niġġenera l-materjal għal preżentazzjoni taż-żfin solo ta’ 15-il minuta– komposta mill-ġdid għall-istess narrattiva tax-xogħol teatrali. Il-bidla mid-drammaturġija għall-koreografija kienet interessanti ferm għaliex, għalkemm il-kunċett u n-narrattiva baqgħu l-istess, hija xogħol kompletament ġdida. L-iskript (bit-traduzzjoni Ingliża) ġiet imqassra għal frażijiet qosra u ppreżentata bħala parti integrali tal-mużika ta’ sfond irreġistrata minn qabel. Il-moviment ġie ġġenerat mill-ġdid permezz ta’ tekniki ta’ azzjoni fiżika. Dan ta lil Zoe l-libertà li toħloq il-moviment tagħha stess permezz tal-improvizzazzjoni … li minnu ħadt mumenti b’saħħithom biex nikkomponi l-vokabularju għall-preżentazzjoni. Ħadt gost ħafna naħdem ma’ Zoe. Ħerqan li nerġa’ naħdem ma’Zoe biex niżviluppaw dan ix-xogħol aktar. Grazzi Dance Festival Malta tal-opportunità … u grazzi Teatru Malta talli tajtu spinta lill-vjaġġ.
Ritratti minn Matthew Maribelli