Category: Uncategorized @mt
L-Avvizi #4 – November News Letter
Kif jista’ jkun li diġà wasal Novembru?!
Din is-sena surreali fl-aħħar daqt tispiċċa imma qabel ma naslu fl-aħħar tagħha fadlilna nlestu l-pupi għall-aktar proġett reċenti tagħna Alice fl-Art bla Meravilji li ġie mniedi m’ilux bħala parti mill-programm ta’ avvenimenti tal-festival Żigużajg. Huwa proġett ferm differenti mill-avvenimenti kollha li qatt tellajna u fil-verità lanqas biss nistgħu nsejħulu avveniment. Dak li qed noffru lill-udjenzi din is-sena hi esperjenza, esperjenza komunikata permezz ta’ pupa magħmula b’mod kumpless li ġġiblek din il-biċċa xogħol ta’ Teatru DIY speċifika u bid-distanza soċjali.
Jekk int għalliem li attendejt il-laqgħa għall-iskejjel biż-Zoom ta’ ŻiguŻajg il-ġimgħa li għaddiet, probabbilment taf li għandna biss 40 pupa xi nqassmu. Jiġifieri 20 pupa programmati bil-Malti u 20 oħra programmati bl-Ingliż għax dan huwa tabilħaqq proġett bilingwi. Kull pupa tiġi b’sett ta’ struzzjonijiet li jgħinuk kif tuża l-pupa, il-kards jew leħħiet, u l-USB tal-fenek provduti fil-kaxxa maħduma bir-reqqa ta’ Alice. Kollox jinftiehem bla problemi meta jkollok il-pupa, trid biss qabelxejn tordnaha biex tkun tista’ tilgħab magħna.
Nixtiequ nfakkru wkoll lil kull min qed jaqra li Alice fl-Art bla Meravilji hija tajba biss għal adolexxenti minn 14-il sena ’l fuq peress li s-suġġett diskuss huwa adult aktar milli jidher. Allura sakemm int qed tħaffef biex tilħaq waħda mill-pupi f’edizzjoni limitata ta’ Alice (li mbagħad se tibqa’ proprjetà tal-iskola tiegħek għal dejjem), aħna ninsabu okkupati naħdmu fuq l-irfinar ta’ Alice. Xagħarha qed jiġi ssettjat minn Michael and Guy dal-ħin stess, u meta ngħidu li qed jiġi ssettjat, infissru li qed isiru 40 parrokka ċkejkna biex jeħlu ma’ 40 qurriegħa miżbugħa friska! Il-ħwejjeġ ta’ Alice wkoll qed jitfasslu u jitħietu bħalissa, mill-koordinatriċi tal-kostumi residenti ta’ Teatru Malta, Sarah Grech il-persuna responsabbli li tagħmel kull waħda mill-ilbiesi ta’ Alice tagħna.
Fil-qosor, il-ħajja tal-plastik hija iktar ikkumplikata milli ħsibna! Mela jekk int interessat li toffri lill-istudenti tiegħek xi ħaġa iktar minn online streaming, u trid lezzjoni teatrali divertenti dwar il-konsumiżmu, il-femminiżmu u l-ambjenti soċjali mela tħarisx lil hinn minn Alice fl-Art bla Meravili, proġett ta’ Teatru DIY li adattajna mill-kitba oriġinali ta’ Franca Rame u Dario Fo. Il-proġett fih mużika oriġinali ta’ Alexandra Alden u t-talent vokali tal-attriċi Mariele Zammit.
U qabel ma ninsew, il-pakketti tar-riżorsi għal Alice fl-Art bla Meravili dalwaqt ikunu disponibbli wkoll, il-konsulent tagħna Lou Ghirlando qed tlestihom qabel ma nibagħtuhom biex jiġu ddisinjati imma mbagħad se ntellgħuhom bla dewmien.
Biex tordna l-pupa tiegħek ikklikkja hawn, imla l-formola pprovduta u stenna għal aktar struzzjonijiet.
50 Dolls Heads Later
Set Designer Francesca Mercieca is currently hard at work creating around 50 dolls heads in anticipation of upcoming project #AliceInWonderlessLand. As she settles on the finishing touches of what these dolls’ faces will look like. You might be wondering what on earth we’ll need these dolls for. We’ll feed your curiosity soon enough, and no it’s not a collaboration with Barbie….but for now we’ll focus on letting Francesca and her team work their magic so that our teens can have the best experience possible in November.
We may have already said too much already.
Teatru Malta Take Over – Alexandra Alden
You might be asking yourselves what Alexandra Alden’s doing here… well you’ll find out soon enough as part of a new series called #TeatruMaltaTakeOver
Alexandra is working on an enchanting tune for our upcoming project, and as she’s huddled up in the recording studio she’s found some time to check in on us and let us know what she’s up to. Stay tuned for her #TakeOver this #TakeOverThursday and follow us down this obscure rabbit hole …
L-Avvizi – Newsletter #3
Wasal Ottubru u miegħu waslet ukoll il-Ħarifa, iż-żmien meta bħas-siġar inwaqqgħu l-weraq il- qadim biex nagħmlu wisgħa għall-ġdid. Hekk qed nippruvaw nagħmlu dan ix-xahar bil-produzzjonijiet tagħna. Alice fl-Art bla Meravilji ta’ Franca Rame u Dario Fo, il-koproduzzjoni tagħna mal-Festival ŻiguŻajg, li issa daħlet fit-tielet fażi tagħha. Normalment bħalissa nkunu lesti biex nibdew il-provi għal spettaklu bħal dan imma minflok ninsabu okkupati li nagħlqu r-reġistrazzjonijiet u ngħaqqdu l-pupi tal-plastik għal dik li qed insejħu l-ewwel produzzjoni teatrali DIY tagħna. Din hi xi ħaġa ġdida għalina, mod ġdid kif inħarsu lejn it-teatru, iżda l-iskop warajha huwa li nwasslu l-maġija tat-teatru direttament lill-udjenzi tagħna u nħalluhom “jagħmluh huma stess” minflok ma nagħmluhulhom aħna. Aktar dwar dan f’Novembru waqt il-festival ta’ ŻiguŻajg …
Ġulbiena, il-Pantomima fid-Dlam f’forma ta’ Radjudramm miexja ġmielha wkoll, u bħal ma għamilna b’Alice fl-Art bla Meravilji hawnhekk ukoll għażilna li nesploraw mezz komunikattiv li nafu li mhux se jkun affettwat mill-pandemija li għaddejjin minnha f’dawn iż-żminijiet. Allura bis-saħħa tal-Covid-19 din is-sena lkoll tistgħu tgawdu t-tielet edizzjoni tal-Panto fid-Dlam tagħna fuq ir-radju fl-20 ta’ Diċembru. Fejn u kif għandkom issiru tafu dalwaqt, kull ma nistgħu ngħidulkom għalissa hu li kien hemm xi tibdil żgħir fil-kast u li l-provi sejrin tajjeb. Din se tkun verament xi ħaġa tajba fid-dlam għal dawk kollha li jħobbu jnaqqru tard bil-lejl.
Is-sejħa għall-applikazzjonijiet tal-Maniġer tal-Gwardarobba tagħna għaddiet ukoll dan is-Sajf, u wasslitna biex nagħtu merħba lil membru ġdid fit-tim ta’ Teatru Malta! Dan ifisser li l-Gwardarobba tagħna qed toqrob sew issa biex sa fl-aħħar tiftaħ il-bibien tagħha għall-pubbliku. Proġett li ħa ’l fuq minn sentejn biex jitlesta, imma l-affarijiet tajbin jieħdu ż-żmien u aħna eċċitati għal dak li ġej.
Dak kollox min-naħa tagħna għalissa, imma ara ma jfettlilkomx tillargaw ’il bogħod wisq tafx! Forsi vera li għadna mhux qed nagħmlu t-teatru “live” bħal ma mdorrijin nagħmlu s-soltu, imma nisperaw sewwa li se jkollna s-sena l-2021 kollha biex nagħmlu hekk. Din is-sena nibqgħu sikuri, għalikom u għalina stess permezz ta’ mezzi ġodda u divertenti ta’ produzzjoni teatrali. Inwegħdukom li mhux se tkunu diżappuntati.
Creative Team Announced – Alice in Wonderlessland
Is-sessjonijiet fl-istudjo għal Alice fl-Art ta’ bla Meravilji issa ntemmu u qed inħejju ruħna għall-fażi li jmiss ta’ dan il-proġett DIY kumpless. Ma kinetx xi ħaġa faċli li nagħmlu t-teatru bil-kontra u dan kien ċertament test kbir għalina imma nzertajna xortina tajba li għandna tim daqstant tajjeb jaħdem fuq il-proġett. Hawn huma:
Tfassil u Direzzjoni: Sean Buhagiar
Kompożizzjoni Musikali: Alexandra Alden
Disinjatur tal-Produzzjoni u Artista Vidjo: Francesca Mercieca
Artista Vokali: Mariele Zammit
Konsulent tad-Dramaterapija: Lou Ghirlando
Kreazzjoni tal-Pupa: Kyle Fenech
Traduzzjoni għall-Malti: Marco Galea
Traduzzjoni għall-Malti: Simone Galea
Traduzzjoni għall-Ingliż: Simon Bartolo
Qarrej tal-Provi: Simon Bartolo
Koproduzzjoni bejn Teatru Malta u Fondazzjoni Ċentru għall-Kreattività
Ibqa’ segwina għax ġejjin ħafna affarijiet sa ma naslu għall-festival f’Novembru!
L-Avvizi #2 Newsletter
Meta nħarsu lura naraw li dan kien bla dubju l-iktar Sajf kajman li qatt kellna. Ma kellux ikun hekk, suppost kien mifqugħ bi produzzjonijiet u avvenimenti Sajfin. Konna ilna nħejju xhur sħaħ, iżda dak kollu li ġara ġegħilna wkoll nirrealizzaw kemm huwa importanti li nieqfu għal mument, nagħtu ħarsa madwarna, u nqisu l-passi li jmiss biex inkomplu nimxu ’l quddiem. Dan jinkludi l-konklużjoni tal-pjanijiet tagħna għall-2021 u l-2022, li żgur mhux se jiddiżappuntaw. Biex ma ntawlux, qed nippjanaw li niġu lura bis-saħħa.

F’Awwissu li għadda, is-silta teatru pop-up tagħna Xilallu saret mingħajr intoppi, anke bil-miżuri u r-restrizzjonijiet kollha fis-seħħ. L-artisti rnexxielhom jattiraw lil kull min kien għaddej minn Triq ir-Repubblika b’sorpriża u taw spettaklu mill-aqwa. Iżda meta wieħed iqis iċ-ċirkostanzi li għaddejjin minnhom bħalissa aħna, flimkien mal-kollaboraturi tagħna Studio 18 u l-Aġenzija Żgħażagħ, iddeċidejna li nwaqqfu dan il-proġett divertenti għalissa. Aħjar uff milli aħħ.

Nixtiequ nawguraw ukoll lil Colin Willis li għadu kemm għalaq 76 sena fl-4 ta’ Settembru! Matul dawn l-aħħar sentejn kellna pjaċir insiru nafu lil Colin u s-sieħba tiegħu Nanette, u huwa għal din ir-raġuni li qed jiddispjaċina nħabbru li uffiċjalment se jkollna nwaqqfu A Stroke of Bad Luck. Minkejja ħafna sforzi u ostakli tul it-triq, għażilna li nagħtu prijorità lis-saħħa fuq kull ħaġa oħra u li nħallu lil dan l-ispettaklu jistrieħ għalissa.
F’Settembru se nkunu qed niffokaw fuq Alice fl-Art ta’ bla Meravilji, adattament ta Alice nel paese senza Meraviglie ta’ Franca Rame, li qed naħdmu fuqu f’koproduzzjoni mal-Festival ta’ ŻiguŻajg 2020. Jekk int familjari mal-kitbiet u x-xogħol ta’ Dario Fo allura forsi hemm daqsxejn ċans li ma tajtx kas tal-fatt li kien ir-raġel ta’ Rame, mara ta’ talent straodinarju, li mhux biss hija kittieba b’għadd ta’ pubblikazzjonijiet tagħha stess, imma spiss kitbet ukoll xogħol flimkien ma’ żewġha Fo.

Dan iwassalna għall-qofol tal-ħarġa u r-raġuni għaliex iddedikajna l-proġett taż-żagħżagħ tagħna għal ŻiguŻajg ta’ din is-sena għall-emanċipazzjoni tan-nisa. Se jkollna ħafna “girl power” f’Novembru. B’differenza mis-snin ta’ qabel, il-proġett tagħna għal ŻiguŻajg ta’ din is-sena se jkun teatru DIY, fejn l-istudenti u l-udjenzi jkunu jistgħu joħolqu l-ispettaklu tagħhom stess mill-iskola.

Nistħajlukom tistaqsu, “Imma kif?” Mhux se ddumu ma tieħdu risposta. Qed naħdmu sigħat twal biex inlestu fil-waqt l-elementi tradizzjonali kollha li dejjem ikun hemm bżonn għal dramm: ħoss, vuċijiet, transizzjonijiet ta’ skripts, bini ta’ props, u x’naf jien. Il-ġimgħa li għaddiet lestejna s-sessjoni ta’ reġistrazzjoni tagħna mal-brava Mariele Zammit li se tkun il-protagonista tagħna, Alice. L-ispettaklu se jkun imfassal u dirett minn Sean Buhagiar u se jittella’ kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż. U jekk qed taħseb li dan se jerġa’ jkun xi online streaming ieħor, sejjer żmerċ għax hemm ħafna iktar milli tista’ timmaġina fil-qiegħ ta’ din il-ħofra tal-fenek 😉

Imma stenn, dak mhux kollox! Filwaqt li sfortunatament ħafna mill-pantomimi għal Diċembru ta’ din is-sena kellhom jitħassru, aħna se nibqgħu għaddejjin b’tagħna. Biss, din id-darba kun żgur li tilqana f’darek billi tismagħna fuq ir-radju. Marta Vella u Vikesh Godhwani għadhom kemm temmew l-iskript tagħhom għad-dramm tar-radju ta’ Teatru Malta li jmiss: Ġulbiena – A Panto in the Dark. F’koproduzzjoni ma’ Spazju Kreattiv, din hija l-ewwel darba li qatt dħalna fil-qasam tar-radju u ninsabu eċċitati dwar dak kollu li għandna ppjanat għall-ġimgħat li ġejjin.
L-Atelier Francis Ebejer ukoll se jitnieda dalwaqt. L-Atelier huwa dixxendenti dirett tal-predeċessuri tiegħu, il-Progett u mbagħad il-Premju Francis Ebejer. Se jintroduċi artisti assoċjati mat-tim ta’ nies li se jkunu qed jiffurmaw il-ġenerazzjoni li jmiss ta’ dawk li jagħmlu t-teatru. Huma se jipprovdu istruzzjoni, mentoring u workshops prodotti b’kollaborazzjoni mat-Teatru Manoel u Spazju Kreattiv. Ma tantx għandna wisq x’ngħidu aktar dwar dan għalissa però tista’ tgawdi l-arti tagħna għal dan il-proġett waqt li tistenna li joħorġu l-applikazzjonijiet.
Narawkom f’Ottubru 🙂 Ritratti: Elisa von Brockdorff
L-Avviżi #1
Orrajt jew? Aħna Teatru Malta u jekk qed taqra dan l-artiklu jiġifieri li probabbilment jew inktibt fil-paġna tagħna, jew ġejt tara xi waħda mill-produzzjonijiet tagħna, jew inkella ġieli ħdimt magħna. Kien x’kien merħba lilek, għandna pjaċir niltaqgħu miegħek jew nerġgħu narawk.
Forsi diġà taf imma jekk le, aħna l-Kumpanija dħulija tat-Teatru Nazzjonali tiegħek bla ħitan. Issa stenna naqra ħej, mingħajr ħitan ma jfissirx li naħdmu minn ġo xi tinda fid-deżert jew minn ġo xi dgħajsa f’nofs ta’ baħar! L-uffiċċju tagħna proprjament jinsab fiċ-ċentru tas-sbejjaħ Żejtun… ġo binja… bil-ħitan. Però dak li rridu nfissru żgur meta ngħidu “bla ħitan”, hu li fejn nidħlu aħna kollox huwa possibbli u li tista’ tarana nitfaċċaw kullimkien. Kellna spettakli fi klabbs tal-ħamiem, fi stadjum tal-football, fis-salini, fid-dlam u l-aktar reċenti fis-salott ta’ xi ħadd. Xi kultant intellgħu xows f’teatri wkoll imma ġeneralment nżommu lura mill-għażliet ovvji u nħobbu nżommu l-udjenzi tagħna bil-kurżità.
Bħala kumpanija, ġejna mwaqqfa fl-2016 u ilna għaddejjin naħdmu full-blast mill-2018, nipproduċu teatru madwar Malta u Għawdex għal kważi tliet snin issa. Dejjem impenjati u jkollna nammettu li xi kultant tkun iebsa li nleħħqu, allura kif l-aħjar li nżommuk infurmat jekk mhux bi newsletter jew fuljett (sejjaħlu li trid) darba fix-xahar? Kemm jekk tkun opportunità ta’ xogħol, auditions, inħabbru produzzjoni, xi dati żejda, hu x’inhu se tkun taf b’kollox malajr malajr f’news-letter-flash! (ħeħ, dik ma stajniex nagħmluha bil-kelma “fuljett”!)
Il-Ħidma Tkompli! Aġġornament tal-Programm AUG-DEC 2020
Teatru Malta għadhom kemm ippubblikaw l-ewwel aġġornament uffiċjali tagħhom wara l-pandemija Covid-19. Jista’ jkun li ndunajtu li l-Kumpanija Nazzjonali tat-Teatru li s-soltu tkun dejjem għaddejja bl-attivitajiet, ħadet pass naturali lura matul dawn ix-xhur li għaddew, imma dak hu li jiġri meta jkollok tipposponi kull ma tkun programmajt li se jiġri tul l-2020 biex tħares is-saħħa u l-benesseri kemm tal-artisti kif ukoll tal-udjenzi.
“Mhix xi ħaġa li mdorrijin nagħmlu” qal id-Direttur Artistiku Sean Buhagiar, “Fil-fatt, li nkunu kawti għandha tifsira suġġettiva hawnhekk. L-etos tagħna jibqa’. Teatru Malta jieħu r-riskji, u ma nħossx li qed inkunu kawti b’dak li għandna mħejji, f’termini ta’ kontenut artistiku.”
Teatru Malta insista li dan mhux iż-żmien li “nilagħbu bil-fondi pubbliċi u ma rridux nilagħbu bi skedi ta’ artisti.” Tant hu hekk li meta ġew biex joħolqu programm għall-bqija tal-2020, iddeċidew li jiffavorixxu proġetti li jistgħu jsiru kemm jekk il-pandemija tippersisti u kemm jekk le, biex b’hekk jipprovdu naqra ċertezza tant meħtieġa fi żmien fejn donnu xejn mhu ċert. Però dan ma jfissirx li Teatru Malta kienu b’idhom fuq żaqqhom matul il-pandemija. Fil-fatt huma nedew għadd ta’ inizjattivi bħal TeleTeatru, Kwarta Kwarantina, Bezzjoni u Theatre Depozit li permezz tagħha 24 artist applikant setgħu jibbenefikaw minn dan il-fond ta’ emerġenza minħabba l-pandemija, u wasslet għal 4 produzzjonijiet li se jinħadmu fis-snin li ġejjin, biex b’hekk inħoloq ix-xogħol għal aktar minn 110 artisti u membri tal-krù fl-industrija, b’total ta’ 20% tal-baġit annwali tagħhom iddedikat għall-produzzjonijiet investiti f’din l-inizjattiva.
“Iffokajna fuq il-bżonn li nappoġġjaw lill-artisti f’dan iż-żmien ta’ bżonn filwaqt li bqajna leali għan-natura tagħna li l-produzzjonijiet jiġu l-ewwel. L-applikanti li jirnexxu jirċievu fluss ta’ flus tant meħtieġ filwaqt li jiggarantixxu ħinhom għas-sentejn li ġejjin. Kien ikun eħfef għalina li noħorġu bil-qawwi bi produzzjonijiet għal għarrieda, bil-premessa li nerġgħu nirriġeneraw l-ekonomija jew li niftħu t-triq għat-teatru ħaj. Madankollu, inħoss li dan mhuwiex dak li l-ekosistema tagħna teħtieġ bħal issa, u lanqas ma huwa r-rwol ewlieni tagħna.” Il-Kumpanija Nazzjonali tat-Teatru dawret ħarsitha lejn l-artisti waqt dawn iż-żminijiet inċerti għas-setturi tal-arti u l-kultura u issa tinsab kuntenta bl-ipproggrammar tal-bqija tal-2020, bir-ritorn f’Awwissu li ġej, tal-ispettaklu pop-up – Xilallu – fil-Belt Valletta, f’kollaborazzjoni mal-Aġenzija Żgħażagħ u Studio 18. F’Novembru se ssir kollaborazzjoni eċċitanti mal-Festival ta’ ŻiguŻajg fil-forma ta’ produzzjoni innovattiva li tinvolvi Teatru DIY , “Alice fl-Art bla Meravilji”, traduzzjoni għall-Malti ta’ dramm tal-kittieba leġġendarja Taljana Franca Rame. F’Diċembru se naraw ir-ritorn tas-serje għażiża Pantomima fid-Dlam, f’kollaborazzjoni ma’ Spazju Kreattiv. Il-panto bit-titlu “Ġulbiena” se tixxandar għall-udjenza fuq ir-radju, u dan ifisser li l-pandomima ta’ din is-sena se tkun l-ewwel dramm radjofoniku fl-istorja ta’ Teatru Malta!
IKKLIKKJA HAWN biex tniżżel l-aġġornament tal-programm
U fadal ħafna x’joħroġ minn Teatru Malta. Jekk qabbadnik xi ftit tal-kurżità żur teatrumalta.org.mt għal aktar informazzjoni, jew inkella ċempel fuq 21220255 jew segwihom fuq Facebook għall-aħħar aġġornamenti dwar il-Kumpanija Nazzjonali tat-Teatru tagħna.
COVID-19: Linji Gwida għall-produzzjonijiet Teatrali
Il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Malti għall-Arti, qed jippubblika l-COVID-19 Transition Guidelines għall-produzzjonijiet artistiċi li se jiġu organizzati f’teatri pubbliċi u privati, kemm fuq ġewwa u fuq barra inkluż performance spaces oħrajn.
L-għan ta’ dawn il-linji gwida huwa li jippromwovu prattiċi sikuri tax-xogħol għall-maniġment tat-teatru, producers, ekwipaġġ u artisti, kif ukoll biex jissalvagwardjaw il-benesseri tal-patruni. Il-linji gwida jieħdu inkonsiderazzjoni l-aspetti artistiċi u finanzjarji tal-produzzjonijiet kulturali.
“Dawn il-linji gwida għandhom jiżguraw li t-teatri tagħna jadottaw mekkaniżmi adegwati sabiex jikkontrollaw ir-riskji relatati mal-COVID-19,” stqarr il-Ministru Herrera. Huwa semma li l-Ministeru u l-Kunsill Malti għall-Arti matul ix-xhur li għaddew, żammew kuntatt kostanti ma’ diversi artisti kif ukoll mal-Awtoritajiet tas-Saħħa sabiex jiżguraw li l-linji gwida li qed jinħarġu jilħqu l-bilanċ ġust bejn ir-regolamenti tas-saħħa u s-sopravivenza artistika u ekonomika tat-teatri tagħna.
Iċ-Ċermen tal-Kunsill Malti għall-Arti Albert Marshall qal li huwa importanti li t-teatri tagħna, kemm dawk fuq ġewwa u fuq barra, pubbliċi u privati, jiftħu l-bibien tagħhom sabiex jibdew jilqgħu l-patruni tagħhom lura wara t-tneħħija tar-restrizzjonijiet relatati mal-Covid-19. “Performing arts, inkluż playhouses u performance spaces miftuħa, flimkien ma’ artisti u l-ħaddiema kollha li jiffurmaw il-komunità teatrali, għaddew minn żminijiet diffiċli matul ix-xhur tal-pandemija. Aħna rrevedejna r-regolamenti sabiex niżguraw li l-producers jiġu offruti kundizzjonijiet li jirrispettaw aħjar l-aspetti loġistiċi u finanzjarji tat-teatru.”
Il-producers huma mistennija li jieħdu ħsieb is-saħħa, is-sigurtà u l-benesseri tal-artisti, tal-ekwipaġġ, u tal-ħaddiema l-oħra kollha. Dawn il-kunsiderazzjonijiet jinkludu wkoll kuntratturi u delivery persons, kif ukoll l-udjenza.
Dawn il-linji gwida jipprovdu kunsiderazzjonijiet ġeneriċi li l-maniġment tat-teatri u l-producers għandhom jirrispettaw meta jiddeċiedu li jibdew il-wirjiet pubbliċi. Id-distanza soċjali, l-adegwatezza tal-faċilitajiet, l-arranġamenti għat-tindif u bidliet oħra li jistgħu jaffettwaw is-saħħa u s-sigurtà tal-udjenzi u tal-artisti, huma parti mil-lista riveduta ta’ regolamenti li ser jirregolaw is-settur teatrali b’ effett immedjat.
Il-Kunsill Malti għall-Arti, b’kollaborazzjoni mal-Ministeru, waqqaf il-‘COVID-19 Transition Arts Advisory Group’ sabiex jaġixxi bħala punt ta’ referenza u jiżgura tranżizzjoni ta’ suċċess permezz tal-istabbiliment ta’ netwerk u skambju ta’ għarfien, u b’hekk iwassal biex jiġu identifikati kwistjonijiet li jistgħu jinqalgħu, jinstabu soluzzjonijiet u jiġu pprovduti gwidi, filwaqt li jinstab bilanċ bejn l-ottimizzazzjoni tal-operazzjonijiet u ż-żamma sikura tan-nies.
Tista’ tniżżel il-linji gwida minn hawnhekk.
Kuntatti:
Tel. 23347227