L-Avviżi #1

Orrajt jew? Aħna Teatru Malta u jekk qed taqra dan l-artiklu jiġifieri li probabbilment jew inktibt  fil-paġna tagħna, jew ġejt tara xi waħda mill-produzzjonijiet tagħna, jew inkella ġieli ħdimt magħna. Kien x’kien merħba lilek, għandna pjaċir niltaqgħu miegħek jew nerġgħu narawk.

Forsi diġà taf imma jekk le, aħna l-Kumpanija dħulija tat-Teatru Nazzjonali tiegħek bla ħitan. Issa stenna naqra ħej, mingħajr ħitan ma jfissirx li naħdmu minn ġo xi tinda fid-deżert jew minn ġo xi dgħajsa f’nofs ta’ baħar! L-uffiċċju tagħna proprjament jinsab fiċ-ċentru tas-sbejjaħ Żejtun… ġo binja… bil-ħitan. Però dak li rridu nfissru żgur meta ngħidu “bla ħitan”, hu li fejn nidħlu aħna kollox huwa possibbli u li tista’ tarana nitfaċċaw kullimkien. Kellna spettakli fi klabbs tal-ħamiem, fi stadjum tal-football, fis-salini, fid-dlam u l-aktar reċenti fis-salott ta’ xi ħadd. Xi kultant intellgħu xows f’teatri wkoll imma ġeneralment nżommu lura mill-għażliet ovvji u nħobbu nżommu l-udjenzi tagħna bil-kurżità.

Bħala kumpanija, ġejna mwaqqfa fl-2016 u ilna għaddejjin naħdmu full-blast mill-2018, nipproduċu teatru madwar Malta u Għawdex għal kważi tliet snin issa. Dejjem impenjati u jkollna nammettu li xi kultant tkun iebsa li nleħħqu, allura kif l-aħjar li nżommuk infurmat jekk mhux bi newsletter jew fuljett (sejjaħlu li trid) darba fix-xahar? Kemm jekk tkun opportunità ta’ xogħol, auditions, inħabbru produzzjoni, xi dati żejda, hu x’inhu se tkun taf b’kollox malajr malajr f’news-letter-flash! (ħeħ, dik ma stajniex nagħmluha bil-kelma “fuljett”!)