Il-Ħidma Tkompli! Aġġornament tal-Programm AUG-DEC 2020
Teatru Malta għadhom kemm ippubblikaw l-ewwel aġġornament uffiċjali tagħhom wara l-pandemija Covid-19. Jista’ jkun li ndunajtu li l-Kumpanija Nazzjonali tat-Teatru li s-soltu tkun dejjem għaddejja bl-attivitajiet, ħadet pass naturali lura matul dawn ix-xhur li għaddew, imma dak hu li jiġri meta jkollok tipposponi kull ma tkun programmajt li se jiġri tul l-2020 biex tħares is-saħħa u l-benesseri kemm tal-artisti kif ukoll tal-udjenzi.
“Mhix xi ħaġa li mdorrijin nagħmlu” qal id-Direttur Artistiku Sean Buhagiar, “Fil-fatt, li nkunu kawti għandha tifsira suġġettiva hawnhekk. L-etos tagħna jibqa’. Teatru Malta jieħu r-riskji, u ma nħossx li qed inkunu kawti b’dak li għandna mħejji, f’termini ta’ kontenut artistiku.”
Teatru Malta insista li dan mhux iż-żmien li “nilagħbu bil-fondi pubbliċi u ma rridux nilagħbu bi skedi ta’ artisti.” Tant hu hekk li meta ġew biex joħolqu programm għall-bqija tal-2020, iddeċidew li jiffavorixxu proġetti li jistgħu jsiru kemm jekk il-pandemija tippersisti u kemm jekk le, biex b’hekk jipprovdu naqra ċertezza tant meħtieġa fi żmien fejn donnu xejn mhu ċert. Però dan ma jfissirx li Teatru Malta kienu b’idhom fuq żaqqhom matul il-pandemija. Fil-fatt huma nedew għadd ta’ inizjattivi bħal TeleTeatru, Kwarta Kwarantina, Bezzjoni u Theatre Depozit li permezz tagħha 24 artist applikant setgħu jibbenefikaw minn dan il-fond ta’ emerġenza minħabba l-pandemija, u wasslet għal 4 produzzjonijiet li se jinħadmu fis-snin li ġejjin, biex b’hekk inħoloq ix-xogħol għal aktar minn 110 artisti u membri tal-krù fl-industrija, b’total ta’ 20% tal-baġit annwali tagħhom iddedikat għall-produzzjonijiet investiti f’din l-inizjattiva.
“Iffokajna fuq il-bżonn li nappoġġjaw lill-artisti f’dan iż-żmien ta’ bżonn filwaqt li bqajna leali għan-natura tagħna li l-produzzjonijiet jiġu l-ewwel. L-applikanti li jirnexxu jirċievu fluss ta’ flus tant meħtieġ filwaqt li jiggarantixxu ħinhom għas-sentejn li ġejjin. Kien ikun eħfef għalina li noħorġu bil-qawwi bi produzzjonijiet għal għarrieda, bil-premessa li nerġgħu nirriġeneraw l-ekonomija jew li niftħu t-triq għat-teatru ħaj. Madankollu, inħoss li dan mhuwiex dak li l-ekosistema tagħna teħtieġ bħal issa, u lanqas ma huwa r-rwol ewlieni tagħna.” Il-Kumpanija Nazzjonali tat-Teatru dawret ħarsitha lejn l-artisti waqt dawn iż-żminijiet inċerti għas-setturi tal-arti u l-kultura u issa tinsab kuntenta bl-ipproggrammar tal-bqija tal-2020, bir-ritorn f’Awwissu li ġej, tal-ispettaklu pop-up – Xilallu – fil-Belt Valletta, f’kollaborazzjoni mal-Aġenzija Żgħażagħ u Studio 18. F’Novembru se ssir kollaborazzjoni eċċitanti mal-Festival ta’ ŻiguŻajg fil-forma ta’ produzzjoni innovattiva li tinvolvi Teatru DIY , “Alice fl-Art bla Meravilji”, traduzzjoni għall-Malti ta’ dramm tal-kittieba leġġendarja Taljana Franca Rame. F’Diċembru se naraw ir-ritorn tas-serje għażiża Pantomima fid-Dlam, f’kollaborazzjoni ma’ Spazju Kreattiv. Il-panto bit-titlu “Ġulbiena” se tixxandar għall-udjenza fuq ir-radju, u dan ifisser li l-pandomima ta’ din is-sena se tkun l-ewwel dramm radjofoniku fl-istorja ta’ Teatru Malta!
IKKLIKKJA HAWN biex tniżżel l-aġġornament tal-programm
U fadal ħafna x’joħroġ minn Teatru Malta. Jekk qabbadnik xi ftit tal-kurżità żur teatrumalta.org.mt għal aktar informazzjoni, jew inkella ċempel fuq 21220255 jew segwihom fuq Facebook għall-aħħar aġġornamenti dwar il-Kumpanija Nazzjonali tat-Teatru tagħna.