Nicole Cuschieri
Biografija
Nicole Cuschieri twieldet Malta u emigrat lejn ir-Renju Unit ta’ 11-il sena. L-ewwel ftit snin hemmhekk qattgħethom f’Yorkshire mbagħad marret Londra biex tkompli fuq l-edukazzjoni tagħha. Sa minn ċkunitha, dejjem kienet tħobb il-fantasija u r-rakkonti flimkien ma’ sens ta’ stil eċċentriku. Gradwat bi Grad tal-Arti fil-Kostumi u Masters fil-Media u l-Arti mill-Università ta’ Westminster.
Wara li rritornat Malta, kienet involuta sew fit-teatru u l-film bħala direttriċi, produttriċi, disinjatriċi tal-kostumi u kittieba. Sal-lum il-ġurnata għad għandha diversi rwoli. Fl-2012, fetħet l-organizzazzjoni volontarja tagħha, Creative Island, li offriet lok lill-artisti biex jikkollaboraw, ibiegħu x-xogħlijiet tagħhom u jipparteċipaw f’diversi avvenimenti u workshops.
F’dawn l-aħħar snin, kienet ukoll involuta fi proġetti mat-tfal. Kienet ukoll involuta fi Trikki Trakki għal erba’ snin konsekuttivi kemm bħala direttriċi u anke bħala disinjatriċi tal-kostumi. Ħadmet ukoll ma’ Żigużajg bħala direttriċi u disinjatriċi tal-kostumi fuq diversi proġetti differenti.
Il-kreattività li għandha Nicole ġġegħelha sabiex sikwit tibdel il-ġeneri u tkun dejjem għatxana biex tipprova xi ħaġa ġdida. Tesplora temi diversi fosthom dawk oskuri, biżarri, fantastiċi u surrealisti, l-għan tagħha huwa dejjem li tirrakkonta storja b’mod viżwali. L-hena tagħha toħloq dan it-tip ta’ produzzjonijiet u tħobb tikkollabora u tesperjenza affarijiet ġodda ma’ nies kreattivi bħalha. Tħobb l-annimali, il-pjanti, in-nies u l-ilwien. Tħobb tidħak u ddur id-dinja.