Benjamin Abela

Direttur

Biografija

Benjamin daq ix-xena tat-teatru għall-ewwel darba meta kellu 12-il sena meta ngħaqad ma’ Stagecoach Theatre Arts School. Minn dak il-punt f’ħajtu, l-imħabba tiegħu lejn it-teatru baqgħet tikber, jieħu gost kemm fuq il-palk u anke wara l-kwinti ma’ diversi gruppi teatrali fosthom FMYT, Studio 18 u Ħassle Mejjet Theatre Collective. 

Matul is-snin, Benjamin ħa sehem f’għadd ta’ produzzjonijiet u sussegwentament kellu għexieren ta’ rwoli differenti. Dawn jinkludu Pete f’‘Dear Pete’ ta’ Studio 18, Lamb fl-adattament bil-Malti ta’ ‘The Hothouse’ ta’ Teatru Malta, Max fil-verżjoni online tal-produzzjoni ‘Ineż Kienet Perfetta’, David f’‘Il-Pożittivi’ ta’ Culture Vulture u Grillu f’‘Il-Giddieb Għomru Twil’ ta’ Studio 18 u Spazju Kreattiv. 

Iżda l-irwol ta’ Benjamin fix-xena teatrali lokali mhuwiex biss ta’ attur. Matul is-snin kiteb, kemm waħdu u anke ma’ ħaddieħor, numru ta’ skripts bħal ‘NOSTRUM’ (imtella’ minn Spazju Kreattiv), ‘Popolazzjoni: 4’ (imtella’ minn Ħassle Mejjet Theatre Collective), ‘Brad, Ad, and Emerald and the Chocolate Factory’ (imtella’ minn Teatru Malta għal Trikki Trakki), ‘Pandora’ (imtella’ minn Ħassle Mejjet Theatre Collective), ‘L-Aħħar Siġra’ (imtella’ minn Just Another Collective u Ħassle Mejjet Theatre Collective għal Żigużajg), ‘Help! Barbetti Go Bohemian!’ (imtella’ minn Studio 18), u ‘iLand’ (imtella’ wkoll minn Studio 18). 

Fl-2017, Benjamin waqqaf il-Ħassle Mejjet Theatre Collective flimkien ma’ żewġ kollegi tiegħu u sa minn dakinhar, ingħaqdet persuna oħra magħhom. Il-produzzjonijiet imtella’ minn dan il-grupp jinkludu ‘An Ode to Teen Angst’ (2018), ‘Pandora’ (2019), ‘An Ode to Teen Angst: The COVID Chronicles’ (2021), ‘L-Aħħar Siġra’ (2021), u ‘Popolazzjoni: 4’ (2023). F’dawn il-produzzjonijiet, Benjamin kellu rwoli ta’ attur, kittieb u ko-direttur.