“Li taqsam il-passjoni tiegħek ma’ oħrajn, speċjalment artisti minn pajjiżi u kulturi differenti, hija xi ħaġa tassew sabiħa .”

Teatru Malta protagonist waqt il-Konferenza tat-Teatru Ewropew fis-Slovenja!

Teatru Malta għadu kif ipparteċipa b’suċċess fil-Konferenza Internazzjonali tat-Teatru, tal-European Theatre Convention (ETC), li ttellgħet f’Nova Gorica, is-Slovenja, mis-17 sal-21 ta’ April 2024. Din il-laqgħa notevoli attendew għaliha madwar 200 professjonist tat-teatru. F’ġimgħa mimlija avvenimenti, ttellgħu tmien produzzjonijiet ġodda fi ħdan il-proġett Young Europe IV u kien hemm ukoll varjetà ta’ attivitajiet li rawmu diskussjonijiet imqanqla, filwaqt li seta’ jsir networking siewi.

Teatru Malta, bi kburija tella’ żewġ produzzjonijiet waqt il-konferenza. L-ewwel waħda kienet “GUTZ,” dramm maħdum għal udjenzi żgħażagħ bħala parti mill-festival Young Europe IV. Wara li dar il-klassijiet tal-Post Sekondarja f’Malta, “GUTZ”, ittella’ f’Gimnazija Nova Gorica u fil-Librerija Pubblika France Bevk, flimkien ma’ seba’ drammi oħra minn teatri membri oħra tal-ETC, li jqanqlu l-ħsieb. Dawn il-produzzjonijiet minn madwar l-Ewropa, indirizzaw kwistjonijiet bħall-fatphobia, l-esperjenzi LGBTIQ+, il-migrazzjoni, u s-saħħa mentali—xhieda tal-impenn sod ta’ Teatru Malta lejn id-diversità u l-inklussività fl-arti. Sean Buhagiar, id-Direttur Artistiku ta’ Teatru Malta, irrifletta fuq l-esperjenza: “Waqt il-konferenza tal-ETC f’Nova Gorica, fost diskorsi mqanqla u kalejdoskopju ta’ spettakli, rajna l-qofol ta’ snin ta’ sforz, speċjalment mill-akbar kontinġent tagħna li qatt sar. Dan għalina kien ta’ sodisfazzjon kbir.”

“Dawn l-erbat ijiem tagħna fis-Slovenja servew bħala ġimgħat ta’ tagħlim u esperjenzi,” qal Miguel Formosa, attur f’GUTZ. “Kibret u ssaħħet ir-relazzjoni mat-tim, id-diskors u d-djalogar fuq l-irwol tagħna bħala kontributuri għall-arti ma naqasx, kemm ma’ nies familjari, kif ukoll ma’ dawk mil-irkejjen viċin u l’ bogħod tal-Ewropa. E! U GUTZZZ kienet BUŻŻ KBIRA!”

Michela, attriċi oħra f’GUTZ, qalet ukoll: “Kienet esperjenza indimentikabbli! Esperjenza li żgur ser tibqa’ f’qalbi! Kemm hu sabiħ meta l-passjoni tiegħek taqsamha ma’ ħaddieħor, iktar u iktar ma’ artisti minn pajjiżi u kulturi differenti. Konna tim vera tal-ġenn, ħdimna tajjeb ħafna flimkien u ta’ dan jiena grata mmens!”

The Best European Show” (TBES), kummiedja satirika, koprodotta minn ħames teatri Ewropej, inkluż Teatru Malta, ittellgħet fuq il-palk prinċipali fit-Teatru Nazzjonali Sloven, Nova Gorica. Id-dramm, dirett minn Haris Pašović u bil-parteċipazzjoni tal-atturi Maltin Philip Leone-Ganado, Gianni Selvaggi u Antonella Axisa, diġà dar Opole, Parma, u Malta qabel ma ttella’ f’Nova Gorica u l-Kosovo.

Haris Pasovic, id-Direttur ta’ The Best European Show, ikkummenta: “Li ttella’ spettaklu għal udjenzi Ewropej diversi hija dejjem eċċitanti, speċjalment peress li l-ispettaklu nnifsu huwa dwar l-Ewropa u t-teatru. Din id-darba, il-parteċipanti internazzjonali tal-konferenza tal-ETC kienu wkoll parti mill-udjenza. Li tellajna produzzjoni fit-Teatru Nazzjonali Sloven f’Nova Gorica kien meraviljuż. Kienu ospitanti ħafna, u t-teatru innifsu huwa wieħed mill-aqwa fl-Ewropa!”

Minn diskussjonijiet dwar id-diversità u s-sostenibbiltà għar-rwol kruċjali tat-teatru fit-tiswir tal-imħuħ żgħażagħ, il-konferenza pprovdiet pjattaforma għal djalogu sinifikanti fost il-mexxejja tal-industrija u l-luminarji. Kelliema ewlenin, inklużi politiċi u figuri kulturali stmati, enfasizzaw l-importanza li jsir investiment fit-teatru Ewropew biex jitrawwem futur għani fid-diversità kulturali u fid-diskors pubbliku. “Fost il-casinos u l-muntanji, filli qed tixrob l-ilma tal-muntanji Sloven, u filli tispiċċa f’dibattitu dwar il-motivi eżistenzjali ta’ dramm Ewropew. Hija din it-taħlita salvaġġa u sabiħa ta’ tagħlim u kollaborazzjoni li ġġibna lura, darba wara l-oħra, dejjem ħerqana għal dawra oħra ta’ sfidi kulturali miċ-ċkejkna Malta,” qal Sean Buhagiar.

Għal Teatru Malta, il-konferenza tal-ETC kienet suċċess kbir. Il-vetrina ta’ “GUTZ” u “The Best European Show”, flimkien mal-involviment tagħna fil-festival Young Europe IV, saħħew il-pożizzjoni tagħna bħala protagonist fit-teatru Ewropew. Il-konferenza serviet ukoll bħala pjattaforma siewja għal Teatru Malta biex jingħaqad ma’ professjonisti u artisti internazzjonali tat-teatru, b’mod li titrawwem il-kollaborazzjoni u jingħata kontribut għal pajsaġġ teatrali Ewropew vibranti.