L-AVVIŻI – APRIL
Ir-Rebbiegħa magħna u xi ħaġa li kulħadd għandu jkun eċċitat dwarha minbarra l-fdal kollu tal-figolli u l-bajd tal-Għid hi l-applikazzjoni għall-edizzjoni ta’ din is-sena għall-Klassi tas-Surmast. Din il-masterclass kellha tiġi posposta s-sena l-oħra minħabba l-pandem– u le uff, aħjar ma nsemmuhiex! Din is-sena nistgħu sa fl-aħħar nikkonfermaw li se nerġgħu norganizzawha, u bil-kbir ukoll għax il-mistednin ta’ unur tagħna m’huma ħadd għajr l-inkomparabbli Declan Donnellan u Nick Ormerod minn Cheek by Jowl!
Minn meta twaqqfet fl-1981, Cheek by Jowl stabbilixxiet reputazzjoni internazzjonali li ġabet ħajja friska lill-klassiċi bl-użu ta’ performances intensi u mqanqlin. Il-Masterclass se ssir f’Għawdex u se tkun miftuħa għal għadd limitat ta’ applikanti minħabba r-restrizzjonijiet li jipprojbixxu gruppi kbar. Jekk tinteressak aqbad u żur il-website tagħna biex tiċċekkja l-formola tal-applikazzjoni u tapplika għal din l-opportunità unika qabel ma tiskadi fl-aħħar ta’ dan ix-xahar.
Wara li d-Direttur Eżekuttiv tal-Kummissjoni Ewropea tat-Teatru, Heidi Wiley, ħarġet b’aħbar speċjali fil-Jum Dinji tat-Teatru, aħna kuntenti ħafna li nħabbru wkoll min-naħa tagħna, li Teatru Malta se jospita l-edizzjoni tal-2021 tal-Konvenzjoni Ewropea tat-Teatru f’Malta din il-Ħarifa bejn it-28 u l-31 ta’ Ottubru, b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Malti għall-Arti, Spazju Kreattiv u t-Teatru Manoel. Apparti li din hi l-ewwel darba għas-settur lokali tagħna li se nospitaw l-ETC fi xtutna, dan ifisser li qed niftħu l-konversazzjoni dwar il-kultura u t-teatru għar-rappreżentanti tat-teatru nazzjonali mill-Ewropa kollha. Din hija wkoll opportunità tad-deheb biex nuru kwalunkwe produzzjonijiet lokali li se jkunu qed iseħħu matul it-28 u l-31 ta’ Ottubru 2021 lill-istess entitajiet kulturali Ewropej, u huwa għalhekk li qed nappellaw lill-pubbliku ġenerali biex jinfurmana bi kwalunkwe pjan biex jittellgħu performances matul dan iż-żmien billi jibgħat email lil contact@teatrumalta.org.mt sabiex ikollkom iċ-ċans li tkunu parti mill-programm ta’ avvenimenti tad-delegati uffiċjali tagħna.
F’Marzu ħabbarna wkoll it-titli tal-produzzjonijiet li se nipproduċu s-sena d-dieħla, li kollha bħalissa qed jiġu żviluppati u riċerkati flimkien mal-artisti li jew se jkunu qed jidderieġu, jikkoreografjaw, jiktbu jew jipproduċuhom. It-tim tagħna bħalissa qed jaħdem mill-qrib ħafna mal-artisti kollaboraturi tagħna biex niżguraw li l-wirjiet tas-sena d-dieħla jitlestew mingħajr intoppi. Sinċerament għandna seba’ mitt sena biex naraw dan ix-xogħol kollu jieħu l-ħajja fuq il-palk. Id-deċiżjoni li nidħlu fir-Riċerka u l-Iżvilupp ċertament ma kinitx waħda li għamilna ta’ malajr jew faċilment, kif esprimejna b’mod ċar meta ddikkjarajna pubblikament id-deċiżjoni tagħna x-xahar li għadda. Kull waħda minn dawn il-fażijiet ta’ Riċerka u Żvilupp qed tkun ukoll dokumentata tajjeb ħafna u għalhekk żomm ħarstek fuq il-midja soċjali tagħna biex tara b’għajnejk stess dak li qed jiġri wara l-bibien metaforikament magħluqa tagħna hekk kif tiżvolġi l-bqija ta’ din is-sena. Fil-fatt, pereżempju, f’dawn il-jiem se nkunu qed noħorġu sejħa ta’ awdizzjoni għal waħda minn dawn il-produzzjonijiet u għaldaqstant ibqgħu sintonizzati!
Fl-aħħar nett xtaqna nfakkru l-edukaturi kollha biex jiċċekkjaw in-News Break tal- Mede nhar it-Tnejn 19 ta’ April ta’ MEDE għax ser inkunu bgħattna l-links kollha tal-performances tal-edizzjoni ta’ din is-sena ta’ Trikki Trakki. Jekk hemm għalliema li għandhom xi mistoqsijiet nitolbuhom jikkuntattjawna. Insomma, tagħmel x’tagħmel, titlifx li tara lil dawn l-istudenti mimlija talent jegħlbu l-ostakli tal-lockdown f’isem it-teatru u għall-imħabba ta’ #TrikkiTrakki! Dawn il-preżentazzjonijiet huma disponibbli fil-verżjoni sħiħa tagħhom esklussivament għall-iskejjel, madankollu jekk jogħġbok ara l-filmat bil-punti importanti hawn biex idduq tikka mill-festival ta’ din is-sena.