Il-Kast tal-Ewwel Produzzjoni ta’ Teatru Malta Ġie Imħabbar

L-ewwel produzzjoni ta’ Teatru Malta…? Il-Qarċilla! L-ewwel kitba teatrali bil-Malti li għandna hija proprju l-Qarċilla! Għalhekk huwa xieraq li l-ewwel produzzjoni tkun il-Qarċilla nfisha. Pero’ din hija Qarċilla b’differenza – l-ewwel nett għandna l-ewwel vuċi femminili – u għalhekk ħdimna ma’ Leanne Ellul. It-tieni nett għandna bosta kollaborazzjonijiet internazzjonali bis-saħħa ta’ Jacob Piccinino, li ħoloq kunċett frisk daqs ħassa. Il-Qarċilla kienet dejjem ġiet miktuba bil-polz tal-poplu, satirika, imqarba u inkejjuża.

Tim ta’ Produzzjoni

Kunċett u Direzzjoni: Jacob Piccinino

Kitba: Leanne Ellul

Maniġer: Stjanu Debono

Kostumi u Props: Pina (Elaine Falzon)

Sett: Jennings Falzon

Maskri: Lucien Cassau (FR)

Atturi

L-Għarusa Karfusa: Mariele Żammit

Dun Tadama: Victor Barrere (FR)

Warda Vjola: Lee-N Abela

Pomme De Terre: Arthur Dumas (FR)

Bajtru: Patrick Laera (MT/IT)

Spazji? Ħallu F’Idejna

Fl-2017, permezz tal-inizjattiva Spazji Teatrali tal-Kunsill Malti għall-Arti u tal-Fondazzjon Valletta 2018, għadd ta’ teatri ġew dokumentati f’pubblikazzjoni.
Wara l-miżura tal-baġit imnedija dan l-aħħar fl-2017, Teatru Malta se tkun qed tmexxi Strateġija għat-Teatri Reġjonali biex tidentifika kollaborazzjonijiet potenzjali ma’ spazji teatrali li għandhom sidien privati.


L-għan huwa li Teatru Malta tħejji lista ta’ kandidati li jistgħu jkunu interessati jikkollaboraw fir-rinovar ta’ spazju teatrali partikolari, u lista ta’ spazji potenzjali li huma ideali għal investiment bħal dan.
40% tal-baġit tal-2018 immexxi minn Teatru Malta se jkun investit fi studji pilota, strateġija u ppjanar tat-titjib fl-infrastruttura tat-teatru f’Malta u Għawdex.


Matul l-2018, Teatru Malta se tmexxi bord ta’ esperti biex dan ifassal pjan ta’ azzjoni għar-rinovar ta’ dawn l-ispazji marbutin mal-viżjoni ta’ Teatru Malta. Dawn l-ispazji jistgħu jsiru ċentri artistiċi reġjonali li l-użi tagħhom jistgħu jvarjaw: jistgħu jkunu spazji multifunzjonali li jilqgħu fihom spettakli, iservu bħala mħażen għall-bini ta’ settijiet u props, jistgħu jkunu spazji teatrali ffukati fuq kitba ġdida jew teatri kaxxa għal xogħol alternattiv.

Il-kunċett mhuwiex biss wieħed ta’ ristrutturar, iżda wkoll li kull spazju jerġa’ jingħata l-ħajja u jkun immexxi b’viżjoni.

INT TITĦARREĠ, AĦNA NIPPRODUĊU

Għandek bżonn spazju biex tagħmel il-provi u tesperimenta ? Aħna għandna ftehim ma’ Teatru Pandora, fejn jinsabu l-ewwel uffiċċji tagħna. Huwa spazju veru sabiħ u nixtiequ nużawh kemm jista’ jkun.

Jekk int interessat/a tuża dan l-ispazju għat-taħriġ, għall-provi jew għar-riċerka, kellimna. Aħna interessati noħolqu kollaborazzjonijiet fejn dawk li joħolqu t-teatru jistgħu jużaw l-ispazju tagħna biex jikkreaw, imbagħad aktar tard aħna ngħinuhom jiżviluppaw u/jew jipproduċu dak ix-xogħol jekk jidħol fil-viżjoni artistika tagħna.

Nota mid-Direttur Artistiku … il-Programm tal-2018

X’inhu Teatru Malta? Għalfejn Teatru Malta? It-Teatru Malti kollu? It-Teatru bil-Malti? Aġenzija? Kumpanija?

Teatru Malta hija spjegata f’dawn il-paġni li ġejjin. Dan il-programm huwa l-ewwel spjega li jista’ jasal ifiehem x’inhi Teatru Malta u x’tista’ tkun, almenu kif qed narawha aħna. L-2017 kienet sena ta’ mistoqsijiet, ta’ studju, ta’ esperimentazzjoni, ta’ smigħ, ta’ ħsieb, ta’ xogħol wara l-kwinti.

Bdejna mix-xejn, anzi minn konferenza stampa u ftit agħa. Illum għandna uffiċċju fir-reġjun tax-Xlokk, għandna dehra, għandna preżenza diġitali, għandna għanqbuta ta’ kuntatti lokali u internazzjonali, programm ta’ infrastruttura u programm artistiku wkoll. Id-deċiżjoni tiegħi li Teatru Malta ma tipproduċi xejn fl-2017 forsi ma ġietx apprezzata minn kulħadd, imma nemmen li biex wieħed jibni, irid ikollu qafas sod, irid ikollu infrastruttura jew almenu pjan tajjeb ta’ infrastruttura. Għalhekk organizzajna ħafna sessjonijiet fejn l-għan primarju kien li nisimgħu. Barra minn dan, iddedikajna ħafna ħsieb, ħin u parti kbira mill-fondi disponibbli lil proġett ta’ infrastruttura li mhux se jgħin lit-teatru biss imma anke lil setturi bħaż-żfin u l-mużika. Għax fl-aħħar mill-aħħar irridu naħdmu f’ekosistema kulturali waħda.

Jiena nemmen li l-imperi u d-dittatorjati posthom fil-passat remot. Teatru Malta ma tistax tkun l-alpha u l-omega tat-Teatru f’Malta waħedha. Hemm settur sħiħ ta’ kumpaniji, entitajiet edukattivi, amatorjali, professjonali li magħhom nistgħu naħdmu. Għalhekk bdejna b’biżibilju kollaborazzjonijiet; smajna, tkellimna, argumentajna, iddiskutejna. Ipproponejna proġetti aħna, ħloqna proġetti flimkien, smajna l-artisti u pprogrammajna li ħolqu huma. Din il-borma, fiha ftit minn kollox, imma t-togħmiet kollha jmorru, qisha platt balbuljata tajba imma mżewqa b’togħmiet ġodda li ma tkunx qed tistenna.

Għalhekk nistgħu nitkellmu fuq kollaborazzjoni ma’ aktar minn tletin entità, nistgħu nitkellmu fuq budget ta’ aktar mid-doppju ta’ dak li ġie stipulat mill-budget ċentrali tal-gvern, nistgħu nitkellmu fuq għoxrin kollaborazzjoni internazzjonali u fuq bosta proġetti eċitanti. Jiena nemmen li l-futur huwa fil-koproduzzjonijiet u għalhekk għandna ħafna minnhom.

Qiegħdin intellgħu xogħol fuq bajjiet, teatri, każini, ċentri sportivi, spazji fil-periferiji u bosta spazji interessanti oħra. Qed ninteraġixxu mal-baned, mal-festi, mad-dilettanti tal-passjoni, mal-għannejja, man-nassaba, mal-artisti kontemporanji, mal-artisti konservattivi.

Madanakollu għadna nibdew, forsi se nagħmlu xi żbalji, jekk Alla jrid le. Pero’ dejjem lesti nisimgħu u nixtieq inħalli messaġġ lill-artisti u l-ħallieqa tat-teatru: Ejjew sa ħdejna, tkellmu, eqirdu, ipproponu, maqdru, faħħru imma ejjew. Teatru Malta ma ħaqqhiex isimha jekk ma tiġux. Minkejja li għandna produzzjonijiet differenti, u approċċ differenti għal kull waħda, l-għan jibqa’ l-istess – li nkunu Teatru Nazzjonali.

Nazzjonali għalija ma jfissirx li hemm udjenza waħda hemm barra, xi udjenza ideali, xi udjenza bl-istess gosti, jew udjenza aħjar minn oħra għax akbar – hemm bosta udjenzi u aħna rridu nsibuhom u nolqtuhom. Hemm dawk li jiftakru t-teatrin ħdejhom, hemm dawk li jħobbu t-teatru li jħasseb, li jdejjaq u jipprotesta. Hemm dawk li jħobbu t-Teatru li jdaħħaq u jnessi, hemm dawk li jħobbu Teatru mhux ovvju, kważi assurd jew astratt, dawk li jħobbuh bil-Malti, bl-Ingliż, mhux verbali, klassiku imma frisk, u bosta oħrajn għax ovvjament ma nistax insemmihom kollha hawn.

Nispera li b’dan l-ewwel programm, l-udjenzi nibdew inżiduhom u jsiru jħobbu t-Teatru dejjem aktar, għax ix-xogħol mhux kollox u l-ħajja tajjeb tgawdiha anke b’mumenti straordinarji ta’ immaġinazzjoni li naqsmu bejnietna fit-Teatru.

Pero’ minkejja dawn il-pjanijiet kollha, aħna rridu nibqgħu flessibbli, urġenti, biex vera nkunu relevanti – għalhekk żommu ruħkom dejjem aġġornati għax se nvarjaw, se nbiddlu, se nibqgħu nivvintaw. Ibqgħu magħna.

 

Sean Buhagiar

Proġett Franics Ebejer

Il-‘Proġett Francis Ebejer’ huwa l-istrutturar mill-ġdid ta’ dawk li kienu magħrufin bħala l-Kompetizzjoni Francis Ebejer u aktar tard il-Premju Francis Ebejer.

Bħala parti minn dan il-proġett u b’kommemorazzjoni tal-25 anniversarju mill-mewt tal-mibki drammaturgu nazzjonali, Teatru Malta se tkun qed tipproduċi adattazzjoni kontemporanja ta’ ‘Boulevard’, wieħed mill-aktar xogħlijiet ta’ Ebejer li jibqgħu mfakkra, fit-teatru storiku tal-Manoel. Biex tingħata tislima lill-memorja tiegħu, tul il-lejla għandhom jinkixfu żewġ busti ta’ Anton Agius li jfakkru lil Francis Ebejer, kemm fi Spazju Kreattiv kif ukoll fit-Teatru Manoel.

Aktar importanti minn hekk, wara l-inizjattivi li ħa l-Kunsill Malti għall-Arti, fl-2018  Teatru Malta se jkun qed jibdel l-istruttura tal-premju biex jagħmlu kummissjoni nazzjonali, u għal dan se nkunu qed naħdmu ma’ kulħadd – minn drammaturgi li x-xogħol tagħhom ittella’ diġà għal oħrajn ġodda. Teatru Malta se jkun qed jappoġġja lilhom u lil xogħolhom permezz ta’ mentorship meħtieġa sa meta l-produzzjoni tittella’ professjonalment. Il-proġett se jkun kollaborazzjoni bejn Damien Ebejer, Spazju Kreattiv u t-Teatru Manoel. Issa għaxxaqniha, għax it-tliet diretturi artistiċi jridu jaqblu bejniethom.  

Din se tkun tajba.