SEJĦA: STUDIO FRANCIS EBEJER

30.06.25

Ktibt xi skript tal-ġenn?

Teatru Malta, Teatru Manoel u Spazju Kreattiv f’kollaborazzjoni mal-Kunsill Malti għall-Arti reġgħu ngħaqdu biex iniedu l-edizzjoni ġdida ta’ dan il-proġett iddedikat għall-kitba ta’ drammi ġodda. B’din is-sejħa, qed infittxu tliet skripts għal drammi kemm għat-teatru kif ukoll wieħed għar-radju, primarjament bil-lingwa Maltija.

Studio Francis Ebejer hu opportunità tad-deheb għal kittieba ta’ skripts ġodda u ta’ esperjenza, sabiex iħajju l-kitbiet tagħhom fuq il-palk. Dan il-proġett, li ġie mnebbaħ mill-Premju Francis Ebejer u l-Atelier Francis Ebejer, huwa mfassal biex jipprovdi tagħmir b’riżorsi essenzjali għal riċerka u żvilupp. L-għan tagħna huwa li jikkultiva skripts ta’ kalibru għoli li jkunu tajbin kemm għall-palk u anke għar-radju. Tlieta minnhom se jintagħżlu biex jilħqu l-qofol tagħhom fi produzzjoni mmexxija minn waħda mit-tliet istituzzjonijiet nazzjonali kulturali li hemm imsieħba f’dan il-proġett, jiġifieri Teatru Malta (fi ħdan l-Aġenzija Nazzjonali għall-Arti Performattiva), Teatru Manoel u Spazju Kreattiv, bl-appoġġ tal-Kunsill Malti għall-Arti. Dan hu l-impenn tagħna lkoll biex inkomplu niggarantixxu u nsostnu futur mill-isbaħ għal xogħol teatrali bil-lingwa Maltija.

TERMINI TAL-APPLIKAZZJONI

  • Tista’ titfa’ iktar minn sottomissjoni waħda.
  • L-iskripts se jiġu evalwati minn panel tat-tliet Diretturi Artistiċi, rappreżentant tal-Kunsill Malti għall-Arti u espert estern.
    Fil-każ ta’ konkorrenza qawwija, id-Diretturi Artistiċi jirriżervaw id-dritt biex jaħtru rappreżentant tagħhom biex jgħin fis-selezzjoni.
  • Id-Diretturi Artistiċi għandhom id-dritt li jbiddlu fehmithom dwar l-għażla tas-sottomissjonijiet li jkunu għamlu, jekk dawn ma jkunux jilħqu l-livell ta’ kwalità mistenni.
  • Iktar dettalji ssibuhom fid-dokument ewlieni marbut ma’ din is-sejħa.

Issottometti l-proposta tiegħek billi tibgħat email fuq development@teatrumalta.mt sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2025 f’nofsinhar.