SEJĦA: STUDIO FRANCIS EBEJER

30.06.24

Teatru Malta, Teatru Manoel u Spazju Kreattiv f’kollaborazzjoni mal-Kunsill tal-Arti ngħaqdu biex jiżvelaw l-edizzjoni ta’ din is-sena tal-inizjattiva Studio Francis Ebejer, li jestendu stedina għal dawk il-kittieba biex jissottomettu u jiżviluppaw teatri u radjudrammi, primarjament bil- lingwa Maltija.

Studio Francis Ebejer jippreżenta minjiera ta’ opportunitajiet għal kittieba ta’ skripts ġodda u ta’ esperjenza, sabiex iwittu t-triq għall- kitbiet tagħhom biex jieħdu l-ħajja fuq il-palk. Dan il-programm, li ġie mnebbaħ mill-Premju Francis Ebejer u l-Atelier Francis Ebejer, huwa mfassal biex jipprovdi tagħmir b’riżorsi essenzjali għal riċerka u żviluppi. L-għan tagħna huwa li jikkultiva skripts ta’ kalibru għoli li jkunu tajbin kemm għall-palk u anke għar-radju, li jilħqu l-qofol tagħhom fil-produzzjoni mit-trio tal- istituzzjonijiet nazzjonali kulturali. Is-sena l-oħra, it-Teatru Malta u t-Teatru Manoel kienu fit-tmun tal-programm Studio Francis Ebejer.

Din l-edizzjoni qed tikber b’ambizzjoni flimkien ma’ Spazju Kreattiv li se jingħaqdu bħala ko- produtturi, u bl-appoġġ tal-Kunsill tal-Arti, aħna lesti għall-futur b’saħħtu fejn jidħol ix-xogħol bil- Malti.

TERMINI TAL-APPLIKAZZJONI

  • Tista’ titfa’ iktar minn sottomissjoni waħda.
  • L-iskripts se jiġu evalwati minn panel tat-tliet Diretturi Artistiċi u konsulent appuntat mill-Kunsill tal-Arti.
  • Id-Diretturi Artistiċi għandhom id-dritt li jbiddlu fehmithom dwar l-għażla tas-sottomissjonijiet li jkunu għamlu, jekk dawn ma jkunux jilħqu l-livell ta’ kwalità mistenni.

Lest biex issalpa fuq dan il-vjaġġ artistiku? Issottometti l-proposta tal-iskript tiegħek flimkien ma’ CV billi tibgħat email fuq studiofrancisebejer@gmail.com sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2024 f’nofsinhar.