29 . 03 . 21

The Importance of Being Earnest – Sean Buhagiar

Nhar is-Sibt 27 ta’ Marzu 2021 kien possibbilment l-iktar Jum Dinji tat-Teatru tad-dwejjaq minn meta ġie istitwit. F’dak il-jum innutajna xi tħassib dwar il-pożizzjoni tagħna li niffukaw fuq l-R&D (riċerka u żvilupp) u dwar dan hawnhekk qed niċċaraw u nispjegaw il-pożizzjoni tagħna. 

Ser nibda billi ngħid li fil-kuntest tal-protesti madwar l-Ewropa nifhem ir-rabja, il-frustrazzjoni u d-diżappunt hemm barra. Mal-Ewropa kellha bosta prattikanti tat-teatru qed jipprotestaw, u aħna nilqgħu l-kritika u l-protesti f’dan il-kuntest. Però se nispjega wkoll kif wasalna għal din id-deċiżjoni.

Is-sena l-oħra, ktibt artiklu dwar kif inħoss li t-teatru għandu jitpoġġa fuq l-istess livell tal-industrija tal-catering meta jiġu diskussi l-miżuri tal-Covid. Minkejja l-fatt li huwa ovvju li l-problemi rikorrenti għadhom hemm, is-sitwazzjoni ta’ Teatru Malta issa hija differenti ħafna. L-ewwelnett, nixtieq niċċara li din id-deċiżjoni ttieħdet fil-kuntest tas-sitwazzjoni lokali tal-pandemija. Madankollu, jekk nagħtu ħarsa lejn ix-xena internazzjonali bħalissa, aħna mhux l-uniċi li mhux qed nipproduċu. National Theatre London? Magħluq. Teatro Stabile di Torino, Teatro Nazionle? Magħluq. National Theatre of Strasbourge? Magħluq. D. Maria II National Theatre ġo Lisbona? Magħluq. L-Odeon Theatre de l-Europe f’Pariġi kellu żewġ produzzjonijiet minn Marzu ’l hawn u  mbagħad ikkanċellaw jew ipposponew erbatax. Meta ġew mistoqsija meta se jerġgħu jiftħu, is-Sur Braunshweig – id-direttur artistiku – qal “m’għandix tweġiba dwar meta.” Il-lista tista’ tkompli. Kollha għandhom EBDA performances teatrali għalissa. L-aħħar artiklu li qrajt dwar il-ġirien tagħna l-Italja fil-Jum Dinji tat-Teatru, kien jgħid, “Palcoscenico vuoto, sipario chiuso,  e poltrone fredde”. Jeżistu bosta raġunijiet għala ddeċidejna li niffukaw fuq l-R&D, li se nipprova nispjega. 

 

  1. Teatru Malta għandu line vote ta’ 450k, minn dan madwar 200k ta’ fondi pubbliċi jmorru dirett fil-programmazzjoni tagħna. Dan huwa inqas minn kemm jintefaq fuq ċerti opri jew minn kemm jonfqu l-biċċa l-kbira tal-festivals lokali f’temp ta’ ġimgħa, aħseb u ara t-teatri li semmejt hawn fuq. Matul il-pandemija, il-ftehim rikorrenti tagħna ma’ entitajiet oħra ma ġewx imġedda bħalma għamlu ħafna mill-kollaborazzjonijiet ministerjali tagħna, jew minħabba bidliet ministerjali, prijoritajiet tal-baġit jew kwistjonijiet relatati mal-pandemija. Meta tqis li bejn l-2018 u l-2020 medja ta’ aktar minn 50% tal-fondi ta’ programmazzjoni tagħna ġew minn sorsi u kollaborazzjonijiet oħra, tista’ tgħid li kellna aktar minn 50% ta’ tnaqqis fil-baġit. 
  2. Madankollu, bħalissa u bil-pjan kurrenti għar-R&D, qed ninvestu l-aktar fl-artisti fl-istorja tagħna. L-artisti li jaħdmu fl-industrija qed jirċievu aktar minna issa minn qatt qabel għax aħna kompletament naqqasna l-baġit tal-kummerċ tagħna, il-baġits tal-produzzjoni u poġġejna kollox f’R&D mal-artisti u l-kollaboraturi tagħhom. Aħna qed nonfqu inqas fuq kiri ta’ venues, tagħmir, kummerċjalizzazzjoni u aktar fuq l-artisti tagħna minn qatt qabel. Is-sena l-oħra Theatre Depożit ħa aktar minn 25% tal-baġit annwali tagħna u issa se nkunu qed niżviluppaw proġetti mal-artisti li applikaw b’suċċess.
  3. Importanti niftakru li mhux faċli ġġib l-udjenza fit-teatru bħalissa. Jien qrajt b’interess il-MEIA position paper dwar l-Istrateġija tat-Turiżmu tal-MTA. Hija qalet, “MEIA mhux se taċċetta l-pożizzjoni tal-istat bħala kompetitur dirett ta’ intrapriża privata”. Din hija raġuni oħra li wasslet għad-deċiżjoni tagħna. Bħalissa nemmnu li s-settur indipendenti u privat għandu bżonn aktar spazju biex jieħu n-nifs minn qatt qabel; kemm jekk ikunu avventimenti online jew shows fuq skala żgħira. Hemm aċċess għal aktar minn miljun euro ta’ Restart Funds via ACM disponibbli għas-settur indipendenti u kummerċjali. Hemm ukolll entitajiet nazzjonali oħra li kienu qed jagħmlu xogħol tajjeb meta dan kien possibbli fil-ħolqien ta’ produzzjonijiet għal udjenzi żgħar.
  4. Aħna differenti ħafna minn dawn l-organizzazzjonijiet kulturali pubbliċi l-oħra. Aħna ma nimpjegawx atturi, żeffiena, mużiċisti. Aħna m’għandniex post tagħna jew bibien x’niftħu jew spazju biex nużaw. Teatru Malta ġie mmudellat b’mod differenti mit-teatri nazzjonali internazzjonali, aħna kumpanija flessibbli u nistgħu nużaw dan għall-vantaġġ tagħna. F’dan il-każ, l-infiq ta’ għexieren ta’ eluf biex inġibu madwar 300 persuna fit-teatru, mhix il-prijorità tagħna. Li nagħmlu video art onlajn, jew li nxandru t-teatru live, lanqas mhu l-prijorità tagħna. Għal darb’oħra, sar ħafna xogħol tajjeb f’dan ir-rigward, madankollu, nemmnu li nistgħu nieħdu pożizzjoni differenti. 
  5. Il-pożizzjoni tiegħi fuq it-teatru mxandar live, hija simili għal dik ta’ Thomas Ostermeier li qal li hija “like methadone for heroine addicts”. Ix-Schaubuhne f’Berlin, fil-fatt, iddeċidew li jibqgħu magħluqin is-sajf li għadda – avolja setgħu fetħu – se jiftħu biss f’Mejju ta’ din is-sena. B’mod simili, iddeċidejna li nużaw fondi għall-iskema li diġà semmejt, Theatre Depożit, s-sajf li għadda u peress li s-sitwazzjoni hawnhekk mhix l-istess bħal dik tal-Ġermanja, qed naħdmu fuq il-ftuħ mill-ġdid aktar tard din is-sena. 
  6. Kellna produzzjoni pjanata għal-April, imsejħa Nouveau Riche, li kienet tiswa madwar 50k biex tiġi prodotta. Infakkarkom li Teatru Malta jeħtieġ li jħallas għal post, audiovisual set up, u kollox. Din il-produzzjoni setgħet kellha 80 persuna kull lejl fil-venue li kellna ppjanat. Dan ifisser massimu ta’ 400 persuna għal sitt iljieli jekk huma kollha full house, inqas minn lejl wieħed fit-Teatru Manoel. Aħna t-teatru nazzjonali u l-mod kif narawh, għandna bżonn nipproduċu shows li huma speċjali b’xi mod jew ieħor, kemm jekk huwa proċess jew prodott; ma nistgħux nipproduċu biss biex inkunu għidna li produċejna. Ma rridux ukoll li mmorru għal verżjoni orħos ta’ spettaklu, sabiex jagħmel sens finanzjarju biex ikollok udjenza zgħira. Dik hija perspettiva kummerċjali li nistgħu nħallu għas-settur privat. 
  7. Qrajna li hemm min hu xettiku fir-rigward tad-deċiżjoni tagħna li nużaw dan iż-żmien biex nippreservaw u nippjanaw, minflok nipproduċu. Fil-verità nemmnu li dan jista’ jkun żmien tajjeb ħafna għall-ippjanar tal-futur. Veterani bħal Eugenio Barba qalu li dan huwa żmien li nżommu siekta u nħallu l-ġestazzjoni tħejji l-futur li se jitlob l-imprudenza kollha tagħna. Inħossni inklinat li naqbel.
  8. Filwaqt li kemm il-metodi kif ukoll il-perspettivi (li niftħu akkost ta’ kollox vs R&D u preservazzjoni) għandhom il-vantaġġi u l-iżvantaġġi tagħhom, iddeċidejna li mmoru għal dan, u jien, bħala d-direttur artistiku, nieħu r-responsabbilità sħiħa għal dan. Dan huwa aktar diffiċli għat-tim tagħna. Aħna mibnija bħala kumpanija tal-produzzjoni u minflok qegħdin fil-modalità ta’ produzzjoni għal tliet performances, issa qed naħdmu fuq erbatax-il proġett fir-R&D, minbarra inizjattivi oħra.
  9. Qatt ma għidna li t-teatri kollha għandhom jieħdu din il-pożizzjoni, jew li l-organizzazzjonijiet kollha ffinanzjati pubblikament għandhom jidħlu għal R&D.  Aħna ħerqanin sabiex inizjattivi indipendenti li huma ffinanzjati mill-għotja Covid Restart u festivals li jseħħu matul is-sajf u l-ħarifa. Dak li għidna huwa li minħabba f’hekk se nkunu qed naħdmu b’mod differenti għalissa. Għadna nagħmlu t-teatru, nagħmlu l-provi, niktbu skripts, niżviluppaw settijiet u nikkomponu l-mużika. M’aħniex qed nistennew, sempliċiment mhux qed inbigħu biljetti bħalissa.
  10. Din se tgħaddi. Ix-Xjenza u l-Istorja t-tnejn jaqblu li se tispiċċa u ħafna mix-xjenza u l-istorja juruna wkoll li tieħu madwar tliet snin biex jiġri hekk. X’se jibqa’ wara? Se noħorġu bi spazju għall-provi li nistgħu nużaw u noffru lill-artisti; il-pubblikazzjoni tal-klassiċi tagħna u l-proġett ġdid tal-kitba; 14-il produzzjoni żviluppati li għandhom jiġu pprogrammati fit-tliet jew l-erba’ snin li ġejjin u b’hekk jippruvaw jevitaw ġenerazzjoni mitlufa ta’ artisti minħabba “ġamm tal-produzzjoni”. (Aqra hawn
  11. Fil-Jum Dinji tat-Teatru ridna nirrikonoxxu l-fatt li lkoll nħossu n-nuqqas tat-teatru. Aħna ħabbarna wkoll li rċevejna għotja u l-unur li nospitaw l-ewwel konferenza post-covid tal-konvenzjoni tat-Teatru Ewropew; ħriġna sejħiet għal masterclass mat-theatre-makers magħrufa mad-dinja kollha Cheek by Jowl. Minkejja x-xettiċiżmu, inwegħdukom li qed jiġri ħafna. 

Id-deċiżjoni ma ħadnihiex ta’ malajr. Kellna ħafna pjanijiet, iddiskutejna ma’ ħafna kollegi lokali u internazzjonali. Ħsibna dwar din id-deċiżjoni, qrajna dwar din is-sitwazzjoni lejl u nhar. Issa ninsabu kunfidenti li din hija t-triq it-tajba ’l quddiem għal Teatru Malta bħalissa. Jiddispjaċini jekk iddiżappuntajna lil xi wħud minnkom. 

Finalment, dak li nixtiequ nagħmlu ċar daqs il-kristall hu li minkejja kwalunkwe xettiċiżmu u nuqqas ta’ qbil, aħna qegħdin hawn biex nisimgħu, niddiskutu u ninvolvu ruħna. Teatru Malta ħadem ma’ artisti ta’ kull età, skola, xaqliba, sesswalità, politika u twemmin reliġjuż. Għalina ma jimpurtax ma xiex taqblu jew ma taqblux, jimpurtana biss mill-arti tagħkom. Issibuna fuq il-midja soċjali, bl-email, u issa għandna inizjattivi bħall-AFE, fejn ikun iktar interessanti li wieħed ma jaqbilx milli jaqbel. 

Il-kritika tista’ tmexxi d-deċizjonijiet u aħna nħossu li aħna avviċinabbli b’dak il-mod. Mela ibgħatilna email, kumment, posta. Ħossok liberu li tinteraġixxi, taqbel jew ma taqbilx. Dejjem nistgħu naħdmu flimkien xorta. 

Il-Ġurnata t-tajba

Sean Buhagiar

Direttur Artistiku