GĦADNA NIBDEW: Programm ĦRF/XTW 26-27

By Teatru Malta
Ħin
Data
Ottubru sa Marzu
Post
Varji

Is-sajf spiċċa, wasal staġun ġdid, u għaxar snin wara għadna nibdew.

F’Diċembru li ġej, se niċċelebraw għaxar snin ta’ Teatru Malta b’ġimgħa speċjali ta’ rappreżentazzjonijiet, konversazzjonijiet u proġetti ġodda li jfakkru l-vjaġġ tal-kumpanija s’issa, filwaqt li nħarsu lejn dak li għad irid jiġi. Ninsabu wkoll ferm eċċitati li se nniedu SIPARJU, proġett li ilu għaxar snin jitfassal: arkivju diġitali ġdid iddedikat għall-ġbir, il-preservazzjoni u l-aċċessibbiltà tal-istorja tat-teatru f’Malta.

Dan l-istaġun jilqa’ wkoll lil Milo Rau u Servane Dècle bil-preżentazzjoni bil-Malti ta’ The Pelicot Trials, wieħed mill-aktar xogħlijiet urġenti u rilevanti tat-teatru Ewropew kontemporanju, li issa se jasal għand l-udjenzi lokali.

Wara li tnieda ta’ wieħed mill-proġetti ewlenin ta’ Teatru Malta fl-2026, Għaxra: The Domus Theatre Takeover ikompli fl-2027 u jevolvi fi Studio, il-Mulej, inizjattiva ġdida msemmija b’tifkira ta’ Mario Azzopardi, magħruf bħala “Il-Mulej”, wieħed mill-aktar diretturi prolifiċi tat-teatru Malti. Il-programm se jagħti opportunità lil diretturi emerġenti biex jiżviluppaw u jtellgħu xogħol teatrali fit-Teatru Domus fiż-Żejtun.

Flimkien ma’ dawn il-mumenti ewlenin, l-istaġun jiġbor fih produzzjonijiet, kollaborazzjonijiet internazzjonali, artisti emerġenti, teatru għaż-żgħażagħ, proġetti komunitarji, klassijiet tas-surmast u xogħol li jdur f’postijiet differenti. Fost l-avvenimenti ppjanati għal dan l-istaġun insibu MITI MITI, Trikki Trakki, il-Classroom Plays, Studio Francis Ebejer, Każin 60+ u Ġambori, filwaqt li t-TRUPPA ta’ Trikki Trakki tagħmel pass importanti ’l quddiem bid-debutt professjonali tagħha fil-Festival ŻiguŻajg.

Tul l-istaġun kollu, Teatru Malta jkompli joħloq spazju għal vuċijiet ġodda, udjenzi ġodda u modi ġodda kif noħolqu u naqsmu t-teatru.

GĦADNA NIBDEW: Programm ĦRF/XTW 26-27

Varji Ottubru sa Marzu
Secret Link