SEJĦA GĦAL SERVIZZ: KAP TA’ TEATRU MALTA
20.08.25Sejħa għal Applikazzjoni: Kap ta’ Teatru Malta – 746/2025
(Fi ħdan l-Aġenzija Nazzjonali għall-Arti Performattiva – NAPA)
Taħseb li kapaċi tieħu lill-kumpanija nazzjonali tat-teatru għall-kapitlu li jmiss? Teatru Malta – il-qalba tat-teatru Malti – qed ifittex kap kuraġġuż, strateġiku, u li jħobb it-teatru biex jingħaqad mat-tim tiegħu bħala l-Kap ta’ Teatru Malta.
Dan mhuwiex xogħol kwalunkwe imma opportunità biex tagħġen il-futur tat-teatru f’Malta, taħdem ma’ artisti brillanti, u titla’ fuq il-palk magħna – mhux neċessarjament litteralment (sakemm ma tridx ukoll). Fih tkun il-moħħ wara s-seħer kreattiv.
Għaliex Teatru Malta?
Aħna l-kumpanija nazzjonali tat-teatru ta’ Malta – kurjużi, inħobbu nesperimentaw u impenjati b’ruħna u ġisimna għall-ħolqien ta’ teatru li jmiss lil kulħadd – minn Għawdex sal-Belt (u lil hinn). Bħala parti min-NAPA, xogħolna huwa li noħolqu teatru li jissogra, jispira, u jwessa’ l-konfini. Stħajjilna bħala magna kulturali li daqstant ieħor hija spazju fejn inħabbtu ideat ġodda ma’ xulxin.
Lil min qed infittxu?
Xi ħadd komdu jikkalkula n-numri waqt li fl-istess ħin jidħol fi skambju dwar ideat kbar mal-artisti. Strateġista kulturali, persuna li tmur tajjeb man-nies, u ssolvi l-problemi. Xi ħadd li jista’ jibbilanċja l-kaos kreattiv ma’ tmexxija soda. Jekk tħobb it-teatru, u tiflaħ tmexxi baġits, sħubijiet, u l-operat b’kapaċità f’daqqa, dan l-irwol għalik.
L-Irwol
Bħala Kap ta’ Teatru Malta, se taħdem mill-qrib mad-Direttur Artistiku u d-Direttur tan-NAPA biex:
- Tmexxi: It-tim, l-operat, u dak kollu li jżomm lil Teatru Malta għaddej.
- Tagħġen il-Futur: Tgħin fl-ippjanar ta’ produzzjonijiet, tours, kollaborazzjonijiet, u avventuri internazzjonali.
- Twettaq il-Viżjoni: Tgħin fl-istrateġija kreattiva tad-Direttur Artistiku, waqt li tiżgura li kull produzzjoni tirnexxi min-naħa artistika u amministrattiva.
- Tibni Sħubijiet: Tibni relazzjonijiet ġodda ma’ postijiet, festivals u finanzjaturi lokali u internazzjonali.
- Tiffinanzja l-Ħolma: Tissorvelja l-baġits, l-ippjanar finanzjarju, u l-finanzjament tal-inizjattivi.
- Tinvolvi ruħek fil-komunità: Tmexxi l-programmi tagħna edukattivi u dawk li jidħlu fil-komunità, biex tispira l-ġenerazzjoni li tielgħa ta’ kreaturi fil-qasam tat-teatru, flimkien mal-udjenzi.
Din hija pożizzjoni fis-settur pubbliku (Skala 4) b’pakkett finanzjarju b’saħħtu, benefiċċji, u l-opportunità li taħdem fil-qalba tal-arti performattiva ta’ Malta.
X’teħtieġ
- Maġisteru rikonoxxut (Livell 7 tal-MQF) u aktar minn erba’ snin ta’ esperjenza f’qasam relevanti (fosthom sena fi rwol ta’ maniġment), JEW Baċellerat rikonoxxut (Livell 6 tal-MQF) u aktar minn sitt snin ta’ esperjenza f’qasam relevanti (fosthom sena fi rwol ta’ maniġment).
- Imħabba għall-arti u abbiltà ppruvata fi tmexxija ta’ timijiet, baġits, u ħsieb strateġiku.
- Sens ta’ avventura – għax f’dan l-irwol trid tivvjaġġa, tmur għal rappreżentazzjonijiet filgħaxija, u ssolvi l-kriżijiet li kultant jinqalgħu b’mod kreattiv.
Għaliex dal-irwol se jġiegħlek tħobbu
Għax it-teatru qatt mhu tedjanti – u daqstant ieħor dan l-irwol. Se tkun fil-qalba tal-ħolqien ta’ esperjenzi kulturali straordinarji, se taħdem ma’ wħud mill-artisti u ħassieba l-aktar innovativi f’Malta u lil hinn.
Lest titla’ fuq il-palk?
Ibgħat CV u ittra indirizzata lil napa@napa.mt sa mhux aktar tard minn nhar l-Erbgħa, l-20 t’Awwissu 2025.
Għall-kuraġġużi, il-viżjonarji, u dawk li xi ftit jew wisq ossessjonati bit-teatru – din tista’ tkun is-siegħa tagħkom.