SEJĦA GĦALL-PARTEĊIPANTI NISA

04.11.25

SEJĦA GĦAL ESPRESSJONI TA’ INTERESS GĦAL PRODUZZJONI TEATRALI TAL-2026 MA’ TEATRU MALTA

Inti mara u kont xi darba priġuniera f’Malta? Qattajt xi żmien f’ħabs f’Malta? Tixtieq tesperjenza produzzjoni teatrali li tonora l-esperjenzi mgħajxa tan-nisa – kemm fl-imgħoddi kif ukoll fil-preżent?

Teatru Malta qed joħloq produzzjoni msejsa fuq l-esperjenzi mgħajxa ta’ nisa fil-ħabs – fl-imgħoddi u l-preżent. Ir-rappreżentazzjoni teatrali se tinħoloq f’kollaborazzjoni ma’ nisa li għaddew minn din ir-realtà.

Qed infittxu ekspriġunieri nisa li huma interessati li jkunu parti minn din ir-rappreżentazzjoni teatrali.

M’għandekx bżonn esperjenza ta’ attriċi – kulma trid ir-rieda li tesplora, toħloq, u taqsam.

Din fiex tikkonsisti?

Dan huwa ċans uniku biex:

  • Issemma’ leħnek.
  • Tieħu sehem f’produzzjoni teatrali professjonali mat-Teatru Nazzjonali ta’ Malta.
  • Titla’ tirreċta fuq palk u tgħin fit-tiswir ta’ kif Malta titkellem dwar in-nisa u l-ħabs.
  • Taħdem fi spazju professjonali, kreattiv, rispettuż u ta’ sostenn.

📆  X’hemm involut?

  • Workshops ta’ Riċerka u Żvilupp bejn l-1 u l-5 ta’ Diċembru 2025 (wara t-3:30pm): 5 ijiem li fihom nesploraw b’mod kreattiv it-temi permezz ta’ diversi attivitajiet, eżerċizzji u konverżazzjonijiet, biex naħdmu mal-kittieba, id-direttur u t-tim ħalli dawn min-naħa tagħhom joħolqu skritt.
  • Rehearsals fir-rebbiegħa tal-2026: perjodu ta’ 10 ġimgħat ta’ rehearsals (filgħodu f’April u wara t-3:30pm f’Mejju) biex illestu r-rappreżentazzjoni għal quddiem udjenza li se tħallas biex tarana.
  • Rappreżentazzjoni f’Mejju tal-2026.

Se tkun qed taħdem ma’ tim ta’ artisti professjonali minn Teatru Malta. Is-sehem ta’ kulħadd jiġi ttrattat b’attenzjoni, u l-kontribut ta’ kulħadd jiġi apprezzat.

Importanti li Tkun Taf:

  • Dan kollu jeħtieġ impenn sħiħ u huwa xogħol imħallas.
  • Se noħolqu spazju sikur u kunfidenzjali.
  • Se tkun inti li tiddeċiedi kemm tixtieq taqsam mill-istorja tiegħek imma l-onestà u s-sehem tiegħek huma meħtieġa bħala l-pedament għall-ħolqien ta’ dan ix-xogħol. Qed infittxu individwi li huma lesti jaqsmu l-istejjer tagħhom mal-grupp, u jisimgħu lill-oħrajn waqt li jgħaddu l-għarfien tagħhom dwar it-tema.
  • Minkejja li ebda esperjenza ta’ attriċi mhi meħtieġa, irid ikollok ir-rieda li taħdem f’tim kreattiv, taċċetta direzzjoni u titla’ tirreċta fuq palk.

Interessata?

Nixtiequ ħafna nisimgħu mingħandek. Għal aktar informazzjoni, ikkuntattjana fuq contact@teatrumalta.org.mt sa mhux aktar tard mill-4 ta’ Novembru. Għidilna xi ħaġa dwarek u għaliex inti interessata tieħu sehem.

M’hemmx bżonn li tkun attriċi. Kulma għandek bżonn li tkun inti nnifsek.