SEJĦA GĦALL-PARTEĊIPANTI NISA
04.11.25SEJĦA GĦAL ESPRESSJONI TA’ INTERESS GĦAL PRODUZZJONI TEATRALI TAL-2026 MA’ TEATRU MALTA
Inti mara u kont xi darba priġuniera f’Malta? Qattajt xi żmien f’ħabs f’Malta? Tixtieq tesperjenza produzzjoni teatrali li tonora l-esperjenzi mgħajxa tan-nisa – kemm fl-imgħoddi kif ukoll fil-preżent?
Teatru Malta qed joħloq produzzjoni msejsa fuq l-esperjenzi mgħajxa ta’ nisa fil-ħabs – fl-imgħoddi u l-preżent. Ir-rappreżentazzjoni teatrali se tinħoloq f’kollaborazzjoni ma’ nisa li għaddew minn din ir-realtà.
Qed infittxu ekspriġunieri nisa li huma interessati li jkunu parti minn din ir-rappreżentazzjoni teatrali.
M’għandekx bżonn esperjenza ta’ attriċi – kulma trid ir-rieda li tesplora, toħloq, u taqsam.
Din fiex tikkonsisti?
Dan huwa ċans uniku biex:
- Issemma’ leħnek.
- Tieħu sehem f’produzzjoni teatrali professjonali mat-Teatru Nazzjonali ta’ Malta.
- Titla’ tirreċta fuq palk u tgħin fit-tiswir ta’ kif Malta titkellem dwar in-nisa u l-ħabs.
- Taħdem fi spazju professjonali, kreattiv, rispettuż u ta’ sostenn.
📆 X’hemm involut?
- Workshops ta’ Riċerka u Żvilupp bejn l-1 u l-5 ta’ Diċembru 2025 (wara t-3:30pm): 5 ijiem li fihom nesploraw b’mod kreattiv it-temi permezz ta’ diversi attivitajiet, eżerċizzji u konverżazzjonijiet, biex naħdmu mal-kittieba, id-direttur u t-tim ħalli dawn min-naħa tagħhom joħolqu skritt.
- Rehearsals fir-rebbiegħa tal-2026: perjodu ta’ 10 ġimgħat ta’ rehearsals (filgħodu f’April u wara t-3:30pm f’Mejju) biex illestu r-rappreżentazzjoni għal quddiem udjenza li se tħallas biex tarana.
- Rappreżentazzjoni f’Mejju tal-2026.
Se tkun qed taħdem ma’ tim ta’ artisti professjonali minn Teatru Malta. Is-sehem ta’ kulħadd jiġi ttrattat b’attenzjoni, u l-kontribut ta’ kulħadd jiġi apprezzat.
Importanti li Tkun Taf:
- Dan kollu jeħtieġ impenn sħiħ u huwa xogħol imħallas.
- Se noħolqu spazju sikur u kunfidenzjali.
- Se tkun inti li tiddeċiedi kemm tixtieq taqsam mill-istorja tiegħek imma l-onestà u s-sehem tiegħek huma meħtieġa bħala l-pedament għall-ħolqien ta’ dan ix-xogħol. Qed infittxu individwi li huma lesti jaqsmu l-istejjer tagħhom mal-grupp, u jisimgħu lill-oħrajn waqt li jgħaddu l-għarfien tagħhom dwar it-tema.
- Minkejja li ebda esperjenza ta’ attriċi mhi meħtieġa, irid ikollok ir-rieda li taħdem f’tim kreattiv, taċċetta direzzjoni u titla’ tirreċta fuq palk.
Interessata?
Nixtiequ ħafna nisimgħu mingħandek. Għal aktar informazzjoni, ikkuntattjana fuq contact@teatrumalta.org.mt sa mhux aktar tard mill-4 ta’ Novembru. Għidilna xi ħaġa dwarek u għaliex inti interessata tieħu sehem.
M’hemmx bżonn li tkun attriċi. Kulma għandek bżonn li tkun inti nnifsek.
