Joe Cortis

Attur

Biography

Ta’ tmien snin iddeċieda li ma jridx jilgħab futbol, lanqas ikanta jew jiżfen – deċiżjoni li ħadha meta ra l-ewwel dramm live – ‘A Christmas Carol’. Din id-deċiżjoni żammha sal-lum. Beda t-teatru fir-raħal meta kellu 14-il sena u kien mistħi ħafna. Kellu jieqaf sitt snin wara minħabba x-xogħol. Għoxrin sena wara reġa’ lura għall-palk wara li ħa kors fid-drama mal-iMTADA. Kif temm il-kors minnufih ingħata parti f’‘Il-Ħanut tal-Ħelu’ (Trevor Żahra) ta’ Koperatturi, li ttellgħet fit-Teatru Manoel. Fost il-produzzjonijiet għall-palk li ħa sehem fihom, kien hemm: ‘Broadway Bound’, ‘One Flew over the Cuckoo’s Nest’, ‘The Elephant Man’, ‘L-Imnarja Żmien il-Qtil’ u ‘Il-Festa bil-Bandieri’. Fuq it-televiżjoni ħa sehem f’‘Għeruq’, ‘Simpatiċi’ u ‘Intriċċi’ fost l-oħrajn.It-traduzzjoni ta’ ‘Samson Agonistes’ (John Milton) hi l-iktar għal qalbu. Għaliha qala’ ħafna tifħir bħala attur iżda qala’ aktar għat-traudzzjoni li għamel hu stess, li ma kinitx waħda faċli. Illum għandu 75 sena u beħsiebu jkompli jirreċta sal-mewt.