Bradley Cachia
Biography
Bradley Cachia twieled fl-2004 u bħalissa qed isegwi l-kors tal-B.A. fl-Istudji Komunikattivi u l-Malti fl-Università ta’ Malta, wara tlettax-il sena jattendi l-Kulleġġ San Alwiġi. Attwalment, qiegħed iservi wkoll fil-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ (KNŻ) fl-irwol ta’ Uffiċjal Nazzjonali (2022-2023) wara sena jservi bħala Direttur għall-Arti u l-Kultura (2021-2022). Għandu interess kbir fil-kitba, fil-letteratura, u fil-lingwa, fost oħrajn.
Daħal fid-dinja tat-teatru professjonali għall-ewwel darba fl-2016, meta kien wieħed mill-karattri prinċipali fil-musical The Sound of Music (Grapevine Music; 2016/2017). Mill-aspett tat-teatru mużikali, kien involut f’produzzjonijiet oħrajn, fosthom: The Phantom of the Opera (Grapevine Music; 2017), Cats – The Musical (Hoi Polloi Theatre Productions; 2019), The Addams Family – A New Musical Comedy (Arthaus MT; 2020), Bringing Back Footloose (SAC Soirée; 2021), u Legally Blonde (SAC Soirée; 2022). Apparti dan kollu, Bradley kien parteċipi anke fil-Young Creatives Programme, immexxi minn Studio 18 u ŻiguŻajg, fejn kien involut f’produzzjonijiet bħal iLand (2018) u Ineż Kienet Perfetta – Diġitali (2020) fi rwoli varji. Flimkien ma’ grupp ta’ żgħażagħ oħra, ħoloq ukoll il-grupp Hoi Polloi Youths, li fl-2019 tella’ d-dramm Been There, Dumped That! flimkien mal-Wasteserv. Lil hinn mit-teatru, deher anke f’riklami u sensiliet televiżivi differenti, kemm lokali u anke internazzjonali, fosthom is-serje Ingliżi My World (BBC; 2020) u The Madame Blanc Mysteries (Saffron Cherry Productions; 2022). Kiteb u dderieġa wkoll xogħlijiet bħal Il-Koronavajrus (Kwarta Kwarantina – Teatru Malta; 2020) u Level 6 (SAC Soirée; 2021).
Flimkien ma’ dawn l-esperjenzi, li huma biss uħud minn bosta oħrajn, Bradley huwa ċċertifikat f’Grad 5 fil-kant mit-Trinity College London u f’Grad 4 fit-teorija tal-mużika mil-London College of Music. Akkwista wkoll l-ogħla grad (A) fit-Teatru u l-Prestazzjoni mill-MATSEC f’Livell Intermedju.