”XOGĦOL TEATRALI LI JMISS IR-RUĦ TAS-SOĊJETA’ MALTIJA” – Dr Mario Frendo

DRAGO huwa xogħol teatrali li jmiss ir-ruħ tas-soċjetà Maltija billi jiffoka fuq personaġġ sportiv Malti li bil-kapaċitajiet tiegħu għamel gieħ lil pajjiżu fuq skala internazzjonali – Tony Drago. Ix-xogħol però mhuwiex sempliċiment bijografija ta’ Tony Drago, jiġifieri dak li l-udjenza tassisti għalih mhuwiex xi eloġju superlattiv ta’ individwu. Pjuttost, Drago huwa riflessjoni poetika ta’ soċjetà li kważi bilfors trid kontinwament titratta l-iżolament impost ġeografikament fuqha u il-possibilitajiet li jeżistu jekk dan l-iżolament jiġi megħlub.

F’dan is-sens, Drago huwa riflessjoni pjuttost profonda ta’ dak li jgħaddi minnu Toni bin Sina tal-Belt biex jilħaq l-għola livelli ta’ kwalità fil-professjoni sportiva tiegħu. Dawn l-ogħla livelli huma espressi tajjeb teatrikament meta Peter Galea, li għal madwar 90 minuta, waħdu, jaħdem il-parti ta’ Tony Drago, jitla’ fuq il-mejda tal-isnooker u jmiss dak li d-disinn tad-dawl iġiegħlek taħseb li huwa l-ogħla punt imaġinabbli fid-dinja ta’ Drago. Dan l-għoli li jmiss Drago, però, huwa kkuntrastat mal-biża li Toni jħoss; per eżempju, meta jivvjaġġa bl-ajru u t-temp ma jkunx tajjeb, jew meta Tony Drago jkollu problema mad-dipartiment tat-taxxi Ingliż minħabba manuvri xejn onesti mill-aġenti tiegħu u Toni jċempel ‘l ommu – l-uniku sors ta’ rifuġju għalih –  biex jiftaħ qalbu magħha.  Dawn il-kuntrasti kontinwi bejn Tony Drago u Toni bin Sina tal-Belt huma minsuġa tajjeb ħafna u joħolqu tensjoni interessanti mingħajr qatt ma jippruvaw b’xi mod ibellgħu lill-udjenza xi sens uniku ta’ superjorità madwar Drago.

Anzi, id-direzjoni ta’ Sean Buhagiar tipprovdi mill-bidu sal-aħħar logħba kontinwa bejn is-superjorità ta’ Drago u l-insikurezza ta’ Toni bin Sina tal-Belt li toħloq tensjoni li mhix wisq bogħod minn dik ta’ logħba snooker. Allura, il-logħba tal-isnooker li tagħha Drago hu esponent ta’ fama internazzjonali mhi xejn ħlief metafora ta’ soċjetà Maltija riflessa fi storja ta’ individwu.

 

Dr Mario Frendo

Lettur f’Università ta’ Malta