”Xi ħaġa importanti daqs kwalunkwe elezzjoni” – kliem ta’ Alex Vella Gregory
Is-Sibt li għadda ttellgħet xi ħaġa importanti daqs kwalunkwe elezzjoni — il-ħames edizzjoni tal-Festival tat-Teatru tat-Tfal, Trikki Trakki, imtella’ minn Teatru Malta b’direzzjoni ta’ Antonella Axisa.
Kelli x-xorti naħdem ma’ żewġ diretturi li tellgħu dramm ċkejken mat-tfal — Nicole Cuschieri u Joseph Galea. Nicole ħadmet verżjoni ta’ Macbeth ta’ Shakespeare mal-istudenti tal-Konservatorju tal-Isqof ġewwa Għawdex. F’din il-verżjoni, Macbeth huwa l-ġeneral leali ta’ Duncan, ir-Re tal-ikel bnin, sakemm darba jiltaqa’ mat-tlett isħaħar u joffrulu berger, u minn hemm tiżvolġi traġedja nutrizzjonali kbira! Joseph ħadem mal-istudenti tal-iskola medja, il-Kulleġġ San Ġorġ Preca ġewwa l-Ħamrun. Flimkien esploraw ix-xogħol tal-iStage Commandos u l-importanza tat-teatru fi żmien il-gwerra u fi żmien il-pandemija.
Ħadt gost ħafna nara l-ispettakli kollha, iżda l-iktar li laqtitni hi l-onestà ta’ dawn it-tfal — teatru mtella’ mit-tfal għal kulħadd. Ħadt gost narahom jesploraw realtajiet b’mod matur iżda dirett: il-pandemija, il-ġejjien, il-bdil fil-klima, etc.
Iżda laqatni ħafna d-dramm ‘The Story of My Future’ mtella’ mill-iskola medja tal-Kulleġġ Santa Tereża, Birkirkara, taħt id-direzzjoni ta’ Malcolm Galea. Fi ftit kliem: familja ta’ immigranti jaslu Malta u minkejja t-taħbit u r-razzi#mu jirnexxilhom jibnu ħajja ġdida. Iżda biex jagħmlu hekk, binthom ikollha tinsa l-ħolma tagħha li ssir mudella, u minflok tilħaq tabiba — għaliex ħadd ma ried jemmen fiha jew jagtiha ċans, inkluż l-għalliema tagħha u sħabha.
Nammetti, ħassejt għafsa f’qalbi. Dak il-kliem, kelma b’kelma, kont smajtu kemm-il darba meta kont tfajjel. ‘Il-mużika? X’ser tagħmel biha? Int tifel intelliġenti, tinħeliex! Sir tabib jew għalliem, mela mużiċist!’ Forsi għax kelli x-xorti li ma kellix naffaċċja razziżmu, jew għax sibt ftit nies li emmnu fiha anke meta ma fehmunix…jew forsi wkoll għax rasi iebsa u ma qtajtx qalbi.
Hi x’inhi t-tweġiba, grazzi lilkom ilkoll li ħadtu sehem u talli fakkartuna li l-beżgħat tagħkom u l-ħolm tagħkom huma prezzjużi. Iva anke l-beżgħat, għax kapaċi taraw dak li aħna, ħafna drabi, naċċettaw bla reżistenza. Issa jekk jogħġobkom…issirux bħalna, siru aqwa minna!